Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1051/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1051/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti ta' Caterpillar u Alstom

28.9.2016 - (2016/2891(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Françoise Grossetête, David Casa, Seán Kelly, Pascal Arimont, Georges Bach, Ivo Belet, Deirdre Clune, Lara Comi, Krišjānis Kariņš, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Elisabeth Morin-Chartier, Claude Rolin, Massimiliano Salini, Anne Sander, Sven Schulze, Csaba Sógor, Romana Tomc, Tom Vandenkendelaere, Lorenzo Cesa, Antonio Tajani f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1051/2016

Proċedura : 2016/2891(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1051/2016
Testi mressqa :
B8-1051/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-1051/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti ta' Caterpillar u Alstom

(2016/2891(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-tħabbira tal-għeluq tal-fabbrika tal-Caterpillar fil-Belġju, li wassal għat-tkeċċija kollettiva ta' aktar minn 2 000 impjegat u li se jhedded minn 4 000 sa 7 000 impjieg ieħor mis-sottokuntratturi u mill-SMEs relatati fir-reġjun, u tal-għeluq tal-impjant tal-Caterpillar ta' Monkstown fi Newtownabbey, fl-Irlanda ta' Fuq, li jista' jwassal biex jintilfu sa 250 impjieg,

–  wara li kkunsidra t-tħabbira mill-Alstom li kienet se twaqqaf il-produzzjoni tal-ferroviji fl-impjant tagħha ta' Belfort fi Franza u tittrasferixxi aktar minn 400 impjieg għal impjanti oħra, u t-tnaqqis tal-impjiegi minħabba r-ristrutturar tal-ex-impjant tal-Alstom f'Sesto San Giovanni, fl-Italja,

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-manifatturi ta' tagħmir tqil ilhom mill-2012 iħabbtu wiċċhom ma' kombinazzjoni ta' kundizzjonijiet iebsa tas-suq f'reġjuni u setturi tal-industrija ewlenin,

–  wara li kkunsidra l-għadd dejjem jikber ta' rapporti ta' attivitajiet upstream li jinvolvu xogħol intensiv li qed jiġu mċaqalqa barra mill-Ewropa, tendenza li qed tikkontribwixxi għal deklin fil-manifattura u fl-impjiegi industrijali f'ħafna pajjiżi Ewropej u li qed ikollha effett negattiv fuq it-tessut ekonomiku u soċjali kollu kemm hu,

–  wara li kkunsidra l-qgħad persistentement għoli fl-Ewropa u l-bidliet fil-privattivi tal-produzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-tgħarrif u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema huma fattur ta' qofol tal-mudell soċjali Ewropew tagħna;

B.  billi l-Kummissjoni żvelat strateġija ġdida fl-2012, u wegħdet "rivoluzzjoni industrijali ġdida" li kellha l-għan li tkabbar l-attività industrijali għal 20 % tal-prodott domestiku gross tal-UE sal-2020, meta mqabbel ma' ftit aktar minn 15 % dakinhar, u r-ritorn għal-livelli ta' qabel ir-riċessjoni ekonomika;

C.  billi, sabiex jippreservaw u joħolqu l-impjiegi, l-Istati Membri jeħtieġu joħolqu l-kundizzjonijiet ideali għall-industrija tal-UE li qed tħabbat wiċċha ma' kompetizzjoni dinjija ħarxa li fiha mhux l-atturi kollha jirrispettaw l-istess standards u regoli;

D.  billi t-tkabbir ekonomiku globali u Ewropew baqa' modest u mhuwiex biżżejjed sabiex irawwem titjib fl-industriji tal-kostruzzjoni u tal-infrastruttura, l-industriji tar-riżorsi u s-setturi tal-enerġija u t-trasportazzjoni;

E.  billi l-Caterpillar attwalment qed tbassar li l-bejgħ u d-dħul għall-2016 ikun 40 % anqas minn dak fl-2012, u se jkun l-ewwel darba fid-90 sena ta' storja tal-kumpanija li l-bejgħ u d-dħul naqsu f'erba' snin wara xulxin;

F.  billi t-tħabbiriet ta' ristrutturar industrijali maġġuri huma daqqa kiefra għall-impjegati milquta, u għall-familji tagħhom u l-komunitajiet fejn joperaw il-kumpaniji;

1.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-ħaddiema u l-familji tagħhom kollha involuti u jiddispjaċih għall-effetti ħżiena li l-għeluq ta' dawn il-fabbriki jkollu fuq l-ekonomiji lokali;

2.  Ifakkar li l-Ewropa hija ekonomija tas-suq soċjali li l-għanijiet primarji tagħha huma suq tax-xogħol dinamiku, sistemi effiċjenti ta' sigurtà soċjali u tkabbir ekonomiku sostenibbli għaċ-ċittadini tagħna;

3.  Jappella lill-kumpaniji multinazzjonali sabiex iqisu l-obbligi legali, soċjali u morali tagħhom lejn il-ħaddiema tagħhom u r-reġjuni fejn joperaw meta jesploraw modi biex iżidu l-kosteffiċjenza;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet rilevanti kollha jiżguraw il-konformità sħiħa mar-regolamenti nazzjonali u Ewropej dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema mill-partijiet kollha involuti, speċjalment waqt ir-ristrutturar;

5.  Jisħaq, madankollu, li l-każijiet Caterpillar u Alstom huma biss eżempji sfortunati ta' problema ħafna akbar li qed tiffaċċja l-industrija Ewropea; iqis li r-rispons s'issa għall-problemi li qed tiffaċċja l-industrija tal-UE ma kienx biżżejjed; jenfasizza għalhekk, f'dan ir-rigward, li l-politiki tal-UE li l-għan tagħhom huwa li jrawmu r-riindustrijalizzazzjoni, għandhom jadottaw il-prinċipju ta' urġenza biex ifittxu li jindirizzaw kemm jista' jkun malajr il-problemi li għaddejjin;

6.  Jenfasizza li l-kumpaniji jeħtieġ li jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom skont il-liġi Ewropea u nazzjonali, u jipprijoritizzaw l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema u l-opportunità biex jirrevedu l-alternattivi proposti mis-sħab soċjali;

7.  Jinsisti li l-maniġment tal-Caterpillar jieħu kont dovut tal-alternattivi li se jiġu proposti mill-ħaddiema fil-qafas tal-proċedura Renault;

8.  Ifakkar li l-maniġment tal-Caterpillar diġà kien irristruttura l-impjant ta' Gosselies fl-2013 u naqqas l-għadd tal-persunal b'aktar minn 1 600 ħaddiem filwaqt li talab lill-ħaddiema li kien fadal jagħmlu sforz bla preċedent biex isostnu l-fabbrika ta' Gosselies fuq żmien fit-tul;

9.  Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkompletaw Suq Uniku kompetittiv kapaċi jattira u jżomm l-investiment privati, iżomm ktajjen qawwija ta' valur tal-UE u li joħloq l-impjiegi;

10.  Jistieden lill-leġiżlaturi jipprovdu il-kundizzjonijiet tajba sabiex l-industrija Ewropea tat-tagħmir tal-kostruzzjoni tirnexxi permezz ta' domanda domestika sostnuta għall-kostruzzjoni u l-infrastruttura u kompetittività mtejba għall-industrija tagħna fis-suq dinji;

11.  Ifakkar li hija r-responsabbiltà ta' dawk li jfasslu l-politika li jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-Ewropa 2020 li l-Ewropa ssir l-aktar reġjun kompetittiv fid-dinja, u biex jitħeġġeġ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex partikolarment ikollhom fil-mira tagħhom dawk ir-reġjuni li l-aktar li ntlaqtu mid-deindustrijalizzazzjoni u biex jaċċelleraw l-appoġġ għal proġetti f'dawn ir-reġjuni bħala kwistjoni ta' urġenza;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi strateġija industrijali Ewropea fit-tul reali sabiex jintlaħaq l-għan ta' sehem ta' 20 % mill-prodott domestiku gross li jkun ġej mill-industrija, kif stipulat fl-Istrateġija Ewropa 2020;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-mira ta' 20 % għar-riindustrijalizzazzjoni timxi id f'id mal-objettivi klimatiċi u enerġetiċi tagħna, u li d-dispożizzjonijiet dwar ir-rilokazzjoni tal-karbonju jeħtieġ li jkunu mfassla b'mod li ma jġegħlux lill-industriji li jużaw ħafna enerġija jitilqu mill-Ewropa, u sabiex l-investimenti ġodda jinżammu fl-UE;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza b'mod rapidu l-fondi kollha disponibbli speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni sabiex il-ħaddiema mkeċċija mill-fabbrika tal-Caterpillar f'Gosselies u mill-Alstom u mis-subkuntratturi kollha tagħhom jerġgħu jiġi integrati mill-aktar fis possibbli lura fis-suq tax-xogħol u sabiex jingħatalhom l-appoġġ adegwat biex jiksbu ħiliet ġodda fejn ikun meħtieġ;

16.  Jilqa' l-grupp ta' ħidma mwaqqaf mill-Kummissjoni, li se jkun interfaċċja bejn l-awtoritajiet Belġjani u l-Kummissjoni;

17.  Iħeġġeġ lis-servizzi nazzjonali tal-impjiegi biex isaħħu l-kooperazzjoni fil-livelli nazzjonali u internazzjonali biex itejbu l-mezzi tal-informazzjoni u jqabblu aħjar l-offerti għax-xogħol mad-domanda;

18.  Jitlob biex tissaħħaħ il-mobilità tax-xogħol madwar l-Ewropa billi tiżdied l-impjegabbiltà permezz tar-rikonoxximent imtejjeb tal-ħiliet u l-kwalifiki bejn il-pajjiżi, u t-tisħiħ tal-ħiliet lingwistiċi;

19.  Iqis l-aċċess għall-finanzjament fl-UE bħala waħda mill-problemi ewlenin li qed jfixklu lill-industrija f'termini ta' kompetizzjoni globali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw aċċess aħjar għall-finanzjament għan-negozji tal-UE, b'mod partikolari għall-mikrointrapriżi u l-SMEs, biex b'hekk isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom għall-bini ta' proġetti, u jipprovdulhom servizzi ta' konsulenza appoġġ tekniku aħjar;

20.  Iqis ir-rabta bejn ir-riċerka u l-industrija bħala kruċjali biex tingħata spinta lill-kompetittività industrijali tal-UE; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jinkoraġġixxu b'mod attiv l-intensifikazzjoni tal-kollaborazzjoni bejn iċ-ċentri tar-riċerka, l-universitajiet u n-negozji, sabiex jagħtu spinta kemm lill-innovazzjoni kif ukoll lit-tkabbir ekonomiku;

21.  Jappella għal titjib fl-ambjent tar-riċerka billi jiżdied il-baġit għar-RŻI, billi jkun hemm rabta aħjar mal-industrija, u interkonnessjoni aħjar tal-programmi differenti ta' finanzjament tal-UE u nazzjonali;

22.  Jilqa' l-proposta għal Regolament li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 2015/1017 dwar l-estensjoni tat-tul tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kif ukoll l-introduzzjoni ta' titjib tekniku għal dak il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar bejn il-kurrikuli fl-edukazzjoni u t-taħriġ u l-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol li qegħdin jinbidlu; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħtu spinta lit-taħriġ u l-edukazzjoni fl-ICT u fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) sabiex il-forza tax-xogħol attwali u dik futura tkun mgħammra bil-ħiliet elettroniċi rilevanti;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa kruċjali għall-iżvilupp ta' ħiliet tekniċi, b'mod partikolari fis-settur tal-manifattura, u jirrikonoxxi li l-enfasi qawwija fuq l-edukazzjoni akkademika fl-aħħar snin xi ftit jew wisq ċaħdet dan l-iżvilupp; jappella, għalhekk, għall-iżvilupp u l-espansjoni tas-sistemi ta' apprendistat, u jenfasizza l-bżonn li tiġi promossa l-importanza ta' ħaddiema tekniċi tas-sengħa;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura politika kummerċjali proattiva tal-UE f'konformità mal-objettivi industrijali tagħha; ifakkar fil-ħtieġa li jintlaħaq ftehim malajr dwar il-"istrument internazzjonali għall-akkwist pubbliku" u r-reviżjoni tar-regolamenti dwar l-istrumenti tad-difiża kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura titjib sinifikanti fl-aċċess għas-suq għall-industriji Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tqis x'impatti soċjali u ekonomiċi jista' jkollu r-rikonoxximent tal-istatus ta' ekonomija tas-suq għall-ekonomiji mmexxija mill-istat jew ekonomiji oħra mhux tas-suq, fuq il-kompetittività tal-industriji tal-UE;

26.  Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kompetittività, jitlob lill-Kummissjoni żżomm mal-approċċ li tkun "kbira fir-rigward tal-kwistjonijiet il-kbar u żgħira fir-rigward tal-kwistjonijiet iż-żgħar", sabiex tirrispetta kif xieraq il-prinċipju tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà, sabiex jitgawdew il-benefiċċji sħaħ tas-Suq Uniku, li huwa l-magna tat-tkabbir tal-UE, mingħajr ebda spejjeż;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.