Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1085/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1085/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1)

3.10.2016 - (D046172/00 – 2016/2920(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura
 

Imressqa minn: Bart Staes, Lynn Boylan, Guillaume Balas, Sirpa Pietikäinen, Eleonora Evi Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Proċedura : 2016/2920(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1085/2016
Testi mressqa :
B8-1085/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-1085/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1)

(D046172/00 – 2016/2920(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) (D046172/00),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 18(1) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), aġġornata l-aħħar fl-24 ta' Frar 2012 li taġġorna l-evalwazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum ġenetikament modifikat u reżistenti għall-insetti 1507, għall-kultivazzjoni[2],

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-EFSA tat-18 ta' Ottubru 2012 li tissupplimenta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum reżistenti għall-insetti u ġenetikament modifikat 1507, għall-kultivazzjoni[3],

–   wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-EFSA tas-6 ta' Diċembru 2012 li taġġorna l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskji u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum reżistenti għall-insetti u ġenetikament modifikat MON 810[4],

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-EFSA tas-6 ta' Diċembru 2012 li tissupplimenta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum reżistenti għall-insetti u ġenetikament modifikat Bt11 u MON 810[5],

–   wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-EFSA tat-28 ta' Mejju 2015 li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment għall-polline minn qamħirrum Bt għal-Lepidoptera li mhumiex fil-mira u li huma ta' tħassib għall-konservazzjoni fil-ħabitats protetti[6],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[7],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani[8],

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2001, Pioneer Overseas Corporation u Dow AgroSciences Europe Ltd, ippreżentaw notifika (Referenza C/ES/01/01) dwar it-tqegħid fis-suq ta' qamħirrun modifikat ġenetikament 1507 lill-awtorità kompetenti ta' Spanja skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE[9]; billi fl-2003 tressqet notifika aġġornata skont id-Direttiva 2001/18/KE[10];

B.  billi l-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 jesprimi l-proteina Cry1F, li hija proteina Bt (derivata mill-Bacillus thuringiensis subsp. Kurstaki) li tagħti reżistenza għall-European corn borer (Ostrinia nubilalis) u kontra ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani, bħall-pink borer (Sesamia spp.), l-armyworm tal-ħarifa (Spodoptera frugiperda), ix-xagħat iswed (Agrotis ipsilon) u s-south-western corn borer (Diatraea grandiosella), u l-proteina PAT, li tagħti tolleranza għall-erbiċida glufosinat tal-ammonju;

C.  billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni spjegati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009; billi, fil-każ tas-sustanzi li diġà ġew approvati, il-kriterji ta' esklużjoni japplikaw meta jkun metħieġ li l-approvazzjoni tiġġedded; billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fl-2017; billi l-użu tal-glufosinat, għalhekk, fil-prinċipju għandu jieqaf fl-2017;

D.  billi, skont l-Artikolu 26c(2) tad-Direttiva 2001/18/KE, il-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 hija pprojbita fit-territorji li ġejjin: il-Vallonja (il-Belġju); il-Bulgarija; id-Danimarka; il-Ġermanja (ħlief għal finijiet ta' riċerka); il-Greċja; Franza; il-Kroazja; l-Italja; Ċipru; il-Latvja; il-Litwanja; il-Lussemburgu; l-Ungerija; Malta; in-Netherlands; l-Awstrija; il-Polonja; is-Slovenja; l-Irlanda ta' Fuq (ir-Renju Unit); l-Iskozja (ir-Renju Unit); u Wales (ir-Renju Unit);

E.  billi, skont l-EFSA, l-evidenza tindika li madwar 95-99 % tal-polline rilaxxat jiġi ddepożitat sa madwar 50 metru bogħod mis-sors tal-polline, għalkemm il-movimenti vertikali tar-riħ jew il-buffuri waqt it-tixrid tal-polline jista' jgħolli 'l fuq fl-atmosfera lill-polline u jxerrdu fuq distanzi sinifikanti ta' diversi kilometri;

F.  billi l-possibilità ta' evoluzzjoni ta' reżistenza għall-proteina Cry1F fl-organiżmi ta' ħsara lepidopteri fil-mira hija identifikata mill-Bord tal-OĠM tal-EFSA bħala tħassib assoċjat mal-kultivazzjoni tal-qamħirrum 1507, billi l-evoluzzjoni ta' reżistenza tista' twassal għal prattiki mibdula għall-kontroll tal-organiżmi ta' ħsara li jistgħu jikkawżaw effetti ambjentali negattivi;

G.  billi t-teosintes, l-antenati tal-qamħirrum ikkultivat, ilhom jeżistu fi Spanja mill-2009; billi l-popolazzjonijiet tat-teosinte jaf jibdew jirċievu DNA transġeniku li jkun ġej mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810, li huwa kkultivat fi Spanja f'xi wħud mir-reġjuni fejn it-teosinte qed jinfirex ħafna; billi jista' jseħħ fluss ġenetiku lejn it-teosinte, li jwassal għall-produzzjoni tat-tossina Bt, u għat-tisħiħ tal-ibridi tal-qamħirrum u t-teosinte meta mqabbel mal-pjanti tat-teosinte indiġeni; billi dan huwa xenarju li jġorr miegħu riskji kbar għall-bdiewa u għall-ambjent;

H.  billi l-awtoritajiet kompetenti Spanjoli infurmaw lill-Kummissjoni bil-preżenza tat-teosinte fl-għelieqi tal-qamħirrum Spanjoli, inkluża l-preżenza limitata ħafna fl-għelieqi tal-qamħirrum ġenetikament modifikat; billi l-informazzjoni disponibbli tindika, barra minn hekk, li t-teosinte nstab ukoll fi Franza;

I.  billi, fit-13 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni talbet lill-EFSA biex, sa tmiem Settembru 2016, tivvaluta jekk, abbażi tal-letteratura xjentifika eżistenti jew kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, toħroġx evidenza ġdida li tbiddel il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA dwar il-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810, Bt11, 1507 u GA21;

J.  billi fil-punt 24 tal-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-EFSA qieset żewġ livelli ta' mortalità lokali "aċċettabbli" (0,5 % u 1 %); billi, madankollu, fl-opinjoni xjentifika tagħha tat-28 ta' Mejju 2015 u li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment ta' Lepidoptera mhux fil-mira – u ta' tħassib għall-konservazzjoni f'ħabitats protetti – għall-polline tal-qamħirrum Bt, l-EFSA fil-fatt tenfasizza b'mod ċar li "kwalunkwe livell ta' protezzjoni speċifiku utilizzat hawnhekk bħala spjegazzjoni mill-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM huwa maħsub bħala eżempju biss" u li "kwalunkwe soll applikat jeħtieġ, neċessarjament, ikun arbitrarju u għandu jkun soġġett għal emendi skont l-objettivi ta' protezzjoni fis-seħħ fl-UE";

K.  billi fl-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għażlet il-livell ta' mortalità lokali ta' taħt 0,5 % u, fl-Anness tiegħu, tipprevedi distanzi ta' iżolament arbitrarji ta' mill-inqas 20 metru bejn għalqa tal-qamħirrum 1507 u ħabitat protett kif definit fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2004/35/KE, minkejja l-fatt li l-EFSA tgħid b'mod ċar, kif ikkonfermat, li l-impożizzjoni ta' distanza ta' iżolament ta' 30 metru madwar ħabitat protett mill-eqreb għalqa tal-qamħirrum 1507 tkun mistennija li tnaqqas il-mortalità lokali – anki ta' larvi lepidopterani sensittivi ħafna u mhux fil-mira – għal livell aktar baxx minn 0,5 %, li hija aktar mid-distanza proposta mill-Kummissjoni;

L.  billi fl-opinjoni xjentifika tagħha tat-28 ta' Mejju 2015 u li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment ta' Lepidoptera mhux fil-mira u ta' tħassib għall-konservazzjoni f'ħabitats protetti, l-EFSA tgħid li "fil-preżent m'hemmx biżżejjed data disponibbli biex il-mortalità larvali relatata mal-Bt titqiegħed fil-kuntest tal-mortalità globali";

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fid-Direttiva 2001/18/KE;

2.  Iqis bħala mhux kompluta l-valutazzjoni tar-riskju tal-kultivazzjoni mwettqa mill-EFSA, u bħala inadegwati r-rakkomandazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju proposti mill-Kummissjoni;

3.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, u li mhuwiex kompatibbli mal-objettivi tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li, skont il-prinċipju ta' prekawzjoni, huma li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, u biex tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent meta jitwettaq rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati għal kwalunkwe fini ieħor ħlief l-introduzzjoni fis-suq fi ħdan il-Komunità, jew l-introduzzjoni fis-suq ta' organiżmi ġenetikament modifikati bħala prodotti jew fi prodotti fi ħdan il-Komunità;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.