Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1090/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1090/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Sirja

4.10.2016 - (2016/2894(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Gabriele Zimmer f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2016/2894(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1090/2016
Testi mressqa :
B8-1090/2016
Testi adottati :

B8-1090/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sirja

(2016/2894(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u l-offensiva tal-ISIS, u b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Ġunju 2015[1], tat-30 ta' April 2015[2], tat-12 ta' Frar 2015[3] u tat-18 ta' Settembru 2014[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tagħha tal-1967,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jikkundanna bil-qawwa d-delitti kollha mwettqa kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja; jikkundanna bl-akbar qawwa possibbli l-vjolazzjonijiet sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali li jirriżultaw minn atti terroristiċi mwettqa mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku u minn gruppi radikali armati oħra kontra l-poplu Sirjan, li possibbilment huma delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

2.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex immedjatament itemmu l-attakki kollha fuq iċ-ċivili u fuq l-infrastruttura ċivili, inklużi l-infrastruttura tal-ilma u dik tal-elettriku, itemmu l-assedji kollha u jagħtu lill-ħaddiema umanitarji internazzjonali aċċess bla xkiel u sikur; jappoġġja bil-qawwa t-talbiet tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għal waqfien tal-vjolenza u għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u tal-infrastruttura ċivili, u għal pawsi inkondizzjonali mill-ġlied tul 48 siegħa kull ġimgħa biex jippermettu l-aċċess umanitarju, b'tali mod li tal-anqas in-NU u sħabha jkunu jistgħu jilħqu Aleppo, u biex tkun tista' ssir l-evakwazzjoni medika tal-midruba u l-morda;

3.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jerġgħu lura għall-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tas-26 ta' Settembru 2016;

4.  Jitlob li l-UE tiżgura aktar appoġġ internazzjonali għar-rifuġjati, li l-għadd tagħhom kompla kiber; jitlob il-ħruġ immedjat ta' viżi umanitarji fl-ambaxxati u fl-uffiċċji konsulari tal-UE għal min ifittex l-ażil, kif ukoll l-introduzzjoni ta' programmi obbligatorji ta' risistemazzjoni fil-livell tal-UE minflok il-programm dgħajjef ta' risistemazzjoni volontarja propost mill-Kunsill;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-presidenti tal-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tar-Repubblika Għarbija Sirjana, tar-Russja, tal-Istati Uniti, tal-Iran u tat-Turkija, lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran, u lil-Lega tal-Istati Għarab.