Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1122/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1122/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari

19.10.2016 - (2016/2936(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Michael Gahler, Jacek Saryusz-Wolski, Sandra Kalniete, Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Tunne Kelam, David McAllister, Lorenzo Cesa, Lars Adaktusson, Andrey Kovatchev, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Eduard Kukan, Andrzej Grzyb, Laima Liucija Andrikienė, Fernando Ruas, Dubravka Šuica, Alojz Peterle, Tokia Saïfi, Julia Pitera f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1122/2016

Proċedura : 2016/2936(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1122/2016
Testi mressqa :
B8-1122/2016
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-1122/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari

(2016/2936(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, li nfetaħ għall-firem fl-1968 u daħal fis-seħħ fl-1970,

–  wara li kkunsidra l-Istatut tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, li daħal fis-seħħ fid-29 ta' Lulju 1957,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u tal-Faċilitajiet Nukleari, li daħlet fis-seħħ fit-8 ta' Frar 1987, u l-emenda sussegwenti tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari[1],

–  wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, li saret fi New York mis-27 ta' April sat-22 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari, li sar f'Washington DC mill-31 ta' Marzu sal-1 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà madwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fil-viċinat tagħha, iddeterjorat b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin u saret aktar volatili, perikoluża u imprevedibbli, u dan wassal biex l-Istati Membri jkollhom jaffrontaw firxa wiesgħa ta' theddid konvenzjonali u mhux konvenzjonali minn atturi statali u mhux statali;

B.  billi ħames stati nukleari huma rikonoxxuti skont it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, ir-Russja, Franza u ċ-Ċina), tliet stati li de facto għandhom l-armi nukleari żviluppaw kapaċità nukleari barra l-ambitu ta' dak it-trattat (l-Indja, il-Pakistan u l-Iżrael), u l-Korea ta' Fuq hija meqjusa li tippossjedi kapaċità nukleari;

C.  billi s-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali huma mhedda minħabba r-relazzjonijiet li qed jiddeterjoraw bejn stati li għandhom armi nukleari bħall-Istati Uniti u r-Russja, kif ġara dan l-aħħar bis-sospensjoni mir-Russja tal-Ftehim tal-2000 dwar il-Ġestjoni u r-Rimi tal-Plutonju, minħabba t-tensjonijiet permanenti bejn l-Indja u l-Pakistan, u minħabba l-ambizzjonijiet nukleari tal-Korea ta' Fuq;

D.  billi bħalissa hemm 191 stat parti għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), fosthom il-ħames stati rikonoxxuti bħala detenturi ta' armi nukleari: l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, ir-Russja, Franza u ċ-Ċina;

E.  billi t-TNP huwa trattat internazzjonali storiku vinkolanti intiż biex jipprevjeni t-tifrix tal-armi nukleari u tat-teknoloġija tal-armi nukleari, jippromwovi l-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari, u jġib 'il quddiem il-kawża tad-diżarm nukleari globali;

F.  billi l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari hija strument internazzjonali vinkolanti fil-qasam tal-protezzjoni fiżika tal-materjal nukleari li jistabbilixxi miżuri relatati mal-prevenzjoni, il-kxif u l-punizzjoni ta' reati relatati mal-materjal nukleari;

G.  billi rapporti inkwetanti tal-media jindikaw li r-Russja bagħtet sistemi missilistiċi Iskander b'kapaċità nukleari f'Kaliningrad Oblast, li għandha fruntieri mal-Polonja u l-Litwanja, żewġ Stati Membri tal-UE;

H.  billi r-Russja kisret il-Memorandum ta' Qbil ta' Budapest tal-1994, li jagħti garanziji ta' sigurtà għall-Ukrajna sakemm din twettaq diżarm nukleari, billi okkupat il-peniżola tal-Krimea u tat bidu għal gwerra ibrida fil-Lvant tal-Ukrajna;

I.  billi l-UE żvolġiet rwol attiv bħala parti għall-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt miftiehem mal-Iran fil-ħolqien ta' qafas li jwassal għall-abbandun effettiv tal-ambizzjonijiet nukleari ta' dan tal-aħħar;

J.  billi fid-9 ta' Settembru 2016 ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) wettqet test nukleari ieħor bi ksur tal-obbligi internazzjonali tagħha skont ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u d-dikjarazzjoni tal-1992 dwar id-denuklearizzazzjoni intra-Koerana;

K.  billi l-kooperazzjoni globali hija ta' importanza vitali għall-prevenzjoni ta' att ta' terroriżmu nukleari;

1.  Jesprimi tħassib kbir dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà madwar l-Unjoni Ewropea u lil hinn mill-viċinat tagħha, li jista' jwassal biex l-armi nukleari jerġgħu jintużaw bħala deterrent attiv u għal proliferazzjoni possibbli fost l-atturi statali u mhux statali;

2.  Jiġbed l-attenzjoni għall-użu mill-ġdid tal-armi nukleari fl-ippjanar strateġiku tal-istati b'armi nukleari;

3.  Jappoġġja l-objettivi tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, jiġifieri li jipprovdi l-bażi għal sforzi globali intiżi biex jipprevjenu t-tifrix tal-armi nukleari, li jippromwovi l-użu, b'sikurezza u b'sigurtà, tal-enerġija nukleari ċivili, u li jaħdem għat-twettiq tal-għan li d-dinja tkun ħielsa mill-armi nukleari;

4.  Jemmen li kundizzjonijiet ta' sigurtà u ta' diżarm nukleari sostenibbli jistgħu jinkisbu biss permezz ta' proċess multilaterali li l-partijiet jieħdu sehem fih bona fide; jesprimi t-twemmin li d-diżarm nukleari huwa l-aktar objettiv importanti tal-politiki globali dwar il-kontroll tal-armi u l-mira tat-TNP ta' dinja mingħajr armi nukleari għandha tkun l-ambizzjoni aħħarija fit-tul;

5.  Jieħu nota li l-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2015 ma rnexxilhiex tilħaq ftehim dwar dokument finali relatat mal-aġenda tan-nonproliferazzjoni; ifakkar li l-UE ma rnexxilhiex tasal għal pożizzjoni komuni fil-perjodu qabel il-konferenza; jenfasizza li stati b'armi nukleari barra l-ambitu tat-TNP li mhumiex marbuta b'obbligi internazzjonali ewlenin ta' nonproliferazzjoni u diżarm iżidu mar-riskju li tiddgħajjef il-kredibilità tat-TNP;

6.  Jesprimi tħassib kbir dwar iż-żieda fit-theddid nukleari minħabba l-attitudni tar-Russja, b'implikazzjonijiet għas-sigurtà, l-istabbiltà u l-prevedibbiltà f'livell globali, u minħabba r-relazzjoni man-NATO li sejra għall-agħar, inklużi ksur potenzjali tat-Trattat dwar il-Forzi Nukleari fuq Distanza Intermedja (INF), kif ukoll stqarrijiet li jindikaw li hija dejjem aktar lesta li tuża l-armi nukleari u li qed tikkunsidra li potenzjalment tibgħat armi nukleari f'territorji oħra fl-Ewropa; jiġbed l-attenzjoni għall-eżerċizzji militari Russi li jissimulaw l-użu ta' armi nukleari kontra l-Polonja, u jesprimi tħassib kbir rigward il-fatt li r-Russja bagħtet sistemi missilistiċi Iskander b'kapaċità nukleari f'Kaliningrad Oblast, li għandha fruntieri mal-Polonja u l-Litwanja, żewġ Stati Membri tal-UE;

7.  Jesprimi tħassib dwar it-testijiet nukleari mwettqa dan l-aħħar mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) u dwar ir-riskji li jirrappreżentaw għall-istabbiltà reġjonali; jitlob bil-qawwa li r-RDPK ma terġax twettaq testijiet bħal dawn fil-ġejjieni;

8.  Jilqa' l-ftehim bejn is-setgħat P5+1 u l-Iran dwar l-ambizzjonijiet nukleari ta' dan tal-aħħar u jinkoraġġixxi t-tkomplija tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK);

9.  Jappoġġja l-ħidma tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika biex tippromwovi l-kooperazzjoni fil-qasam nukleari bil-għan li ġġib 'il quddiem l-użu tat-teknoloġiji nukleari f'sikurezza, sigurtà u paċi;

10.  Jinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u l-implimentazzjoni rigoruża tagħha, u jħeġġeġ lill-pajjiżi li għadhom ma rratifikawx din il-Konvenzjoni biex jirratifikawha;

11.  Jitlob li l-isforzi kooperattivi jiġu intensifikati u li ssir azzjoni effikaċi dwar is-sigurtà tal-materjali nukleari bil-għan li jiġi mminimizzat ir-riskju li prodotti ta' dan it-tip jiġu f'idejn gruppi terroristiċi;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.