Proċedura : 2016/2936(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1125/2016

Testi mressqa :

B8-1125/2016

Dibattiti :

PV 26/10/2016 - 17
CRE 26/10/2016 - 17

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0424

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 451kWORD 110k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1122/2016
19.10.2016
PE589.722v01-00
 
B8-1125/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari (2016/2936(RSP))


Klaus Buchner, Bodil Valero, Ulrike Lunacek, Molly Scott Cato, Sven Giegold, Barbara Lochbihler, Bart Staes f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari (2016/2936(RSP))  
B8-1125/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni (TNP) rigward l-istabbiliment ta' Lvant Nofsani ħieles mill-armi ta' qerda massiva(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari(2),

–  wara li kkunsidra s-seminars tal-UE dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm u l-laqgħat regolari tal-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–  wara li kkunsidra l-falliment tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2015 biex jintlaħaq ftehim dwar dokument finali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet għat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (8079/15),

–  wara li kkunsidra d-dokumenti adottati fir-rebbiegħa tal-2016 matul is-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari f'Washington,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2310 (2016) fl-20 anniversarju tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Tbilisi tal-1977, li ġiet adottata b'kunsens mill-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari fir-reġjun tal-Lvant Nofsani (A/RES/66/61),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/422/PESK tat-23 ta' Lulju 2012 li tappoġġa proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta' distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani(3),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-OEWG/UNGA (A/RES/70/33, A/71/371), li jistabbilixxu Grupp ta' Ħidma b'Limiti Miftuħa dwar il-futur tad-diżarm nukleari multilaterali f'Ġinevra matul l-2016, u r-rapport tiegħu lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, li ġie adottat fid-19 ta' Awwissu 2016

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ambjent ta' sigurtà tal-UE mar għall-agħar b'mod konsiderevoli, filwaqt li sar aktar fluwidu, aktar perikoluż u inqas prevedibbli; billi t-theddid hu tat-tip konvenzjonali, mhux konvenzjonali u ibridu, u maħluq kemm minn atturi statali kif ukoll dawk mhux statali;

B.  billi l-paċi, is-sigurtà u l-istabilità internazzjonali huma mhedda b'mod gravi minn żviluppi diversi, inkluż minn iggravar ta' relazzjonijiet bejn l-Istati li għandhom l-armi nukleari bħall-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerika, u l-Indja u l-Pakistan, u l-iżvilupp ulterjuri ta' kapaċitajiet nukleari mill-Korea ta' Fuq;

C.  billi l-proliferazzjoni ta' forom ta' armi ta' qerda massiva (AQM) qed tkun imminimizzata u progressivament imwaqqfa permezz ta' applikazzjoni internazzjonali effikaċi tal-projbizzjoni u tal-obligazzjonijiet inklużi fil-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC) tal-1972 u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC), madankollu l-proliferazzjoni ta' AQM nukleari u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom jibqgħu wħud mit-theddidiet l-aktar serji għall-paċi u s-sigurtà; billi l-aktar prijorità urġenti ta' sigurtà hi l-prevenzjoni ta' terroristi jew ta' stati oħrajn simili milli jiksbu jew jagħmlu użu minn armi nukleari, li l-arsenali nukleari kollha jitnaqqsu jew jiġu eliminati, u li jsir progress lejn dinja mingħajr armi nukleari;

D.  billi permezz tas-Summits ta' Sigurtà Nukleari, sar progress formali fl-iżgurar ta' materjal fissili nukleari ċivili, li twettqu permezz ta' proċess kumplimentari barra mit-TNP tal-Armi Nukleari u billi dan ikkontribwixxa għat-tisħiħ tat-TNP tal-Armi Nukleari billi żied il-kredibilità tal-element ta' nonprofliferazzjoni tiegħu, iżda l-iggravar tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u r-Russja qed jipperikola aktar sforzi biex jiġu żgurati u mnaqqsa l-materjal fissili;

E.  billi ma sar l-ebda progress dwar passi konkreti lejn id-diżarm nukleari kif miftiehem fil-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2010;

F.  billi hemm il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-objettivi ta' nonproliferazzjoni u diżarm ewlenin tat-tliet pilastri tat-TNP, jiġifieri partikolarment, in-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-kooperazzjoni dwar l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari;

G.  billi l-Istati li għandhom armi nukleari u li huma firmatarji tat-TNP, qegħdin jimmodernizzaw u jsaħħu l-arsenali ta' armi nukleari tagħhom u qegħdin itawlu t-teħid ta' azzjoni biex inaqqsu jew jeliminaw l-arsenali nukleari tagħhom u biex inaqqsu l-aderenza tagħhom għal duttrina militari ta' deterrent nukleari;

H.  billi l-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2010 tixħet enfasi mġedda fuq l-impatt umanitarju tal-armi nukleari, li tressqet mill-Gvernijiet tan-Norveġja, il-Messiku u l-Awstrija permezz ta' konferenzi suċċessivi dwar l-impatt umanitarju tal-armi nukleari, u r-rapporti rispettivi tagħhom, kif ukoll l-Impenn Umanitarju Internazzjonali mnedija mill-Awstrija u ppreżentat waqt il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2015, li ġiet approvata minn 127 stat membru tan-NU;

I.  billi l-enfasi mġedda dwar il-perikli, ir-riskji u l-impatt umanitarju tal-armi nukleari jfakkarna li kull sistema ta' armi dejjem għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-impatt tagħha fuq il-bnedmin u l-ambjent, u li, skont id-dritt umanitarju internazzjonali, l-istandard minimu li għandu jiġi rrispettat ukoll fi żminijiet ta' kunflitt huwa li l-armi huma permissibbli biss jekk l-użu tagħhom jirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità skont il-gwadann militari mixtieq u d-diskriminazzjoni bejn is-suldati u ċ-ċivili, u l-prinċipju ta' prekawzjoni; billi l-użu tal-armi nukleari għaldaqstant jikkostitwixxi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti b'mod universali u affront kontra d-dinjità tal-bniedem;

J.  billi l-isplużjonijiet tat-testijiet tal-armi nukleari u/jew kwalunkwe splużjoni nukleari oħra jirrappreżentaw theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, kif ukoll għall-ambjent u s-saħħa pubblika, u jxekklu d-diżarm nukleari u r-reġim ta' nonproliferazzjoni globali; billi s-CTBT huwa l-iktar mod effettiv ta' projbizzjoni ta' testijiet bl-armi nukleari u ta' kwalunkwe detonazzjoni nukleari;

K.  billi l-2016 tfakkar l-20 anniversarju mill-ftuħ għall-iffirmar tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT) fl-24 ta' Settembru 1996;

L.  billi l-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti qed ikomplu jimplimentaw it-Trattat START il-Ġdid, li se jiskadi fl-2021 sakemm ma jiġix estiż miż-żewġ partijiet; billi l-President tal-Istati Uniti Barack Obama fid-diskors tiegħu fl-2013 f'Berlin agħmel proposta sinifikanti għat-tnaqqis tat-testati nukleari u li tenna f'Washington fl-2016; billi dawn il-battuti inizjali għat-tnedija ta' negozjati dwar ftehim ta' segwitu għat-Trattat START il-ġdid ma ġiex reċiprokat mill-Federazzjoni Russa, u għalhekk ma ġie negozjat l-ebda segwitu għat-Trattat START il-ġdid biex jiġi indirizzat it-tnaqqis tal-armi nukleari mhux strateġiċi u strateġiċi, u li jwassal għall-eliminazzjoni tagħhom;

M.  billi għal reġjuni oħra madwar id-dinja, jiġifieri l-Amerika Latina u l-Karibew, in-Nofsinhar tal-Paċifiku, ix-Xlokk tal-Asja, l-Afrika u l-Asja Ċentrali, jeżistu diġà numru ta' trattati b'rabta ma' żoni ħielsa mill-armi nukleari;

N.  billi, minkejja l-isforzi kollha biex titlaqqa' l-Konferenza dwar l-istabbiliment ta' żona tal-Lvant Nofsani ħielsa mill-armi nukleari u l-armi l-oħrajn kollha ta' qerda massiva sa Diċembru 2012, skont il-ftehimiet ta' kunsens l-Istati Kontraenti tat-TNP fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010, din għadha ma seħħitx;

O.  billi l-Kunċett Strateġiku tan-NATO tal-2010 u r-Reviżjoni tal-Pożizzjoni ta' Difiża u Deterrenza tan-NATO tal-2012 jimpenjaw lin-NATO biex toħloq il-kundizzjonijiet għal dinja mingħajr armi nukleari; billi skont il-ftehimiet dwar il-kondiviżjoni nukleari u bilaterali tan-NATO, huwa stmat li bejn 150 u 200 bomba nukleari ta' medda qasira mingħajr gwida, li huma meqjusa bħala armi nukleari tattiċi jew substrategiċi, għadhom qed jiġu skjerati f'ħames stati tan-NATO li ma għandhomx armi nukleari (il-Belġju, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda u t-Turkija), minkejja t-tħassib li tqajjem f'dawn il-pajjiżi, inkluż f'xi wħud mill-parlamenti ta' dawn il-pajjiżi, dwar il-perikli, ir-riskji u l-insigurtà kkawżati minn armi bħal dawn meta dawn jiġu skjerati skont il-politiki attwali tan-NATO, li tirrifjutta li tikkonferma jew tiċħad in-numri tagħhom jew il-preżenza tagħhom fit-territorju tal-Istati tan-NATO, u r-revoka tal-projbizzjoni tat-TNP, fuq it-trasferiment ta' armi nukleari f'każ ta' deċiżjoni li jintużaw f'atti ta' gwerra;

P.  billi s-sikurezza u s-sigurtà tal-armi nukleari tal-Istati Uniti skjerati fit-Turkija ġiet taħt skrutinju akbar bħala konsegwenza tal-kunflitt armat fis-Sirja li qed iseħħ qrib tal-Bażi tal-Ajru ta' Inċirlik, u bħala konsegwenza tal-avvenimenti fi u madwar il-bażi tal-ajru ta' Inċirlik matul u wara l-kolp ta' stat fallut fil-15 ta' Lulju 2016;

Q.  billi l-5 ta' Diċembru 2015 ifakkar l-20 anniversarju tal-iffirmar tal-Memorandum ta' Budapest; billi l-Ukrajna rrispettat id-dispożizzjonijiet kollha tagħha u ħadet pożizzjonijiet proattivi dwar il-kwistjonijiet tad-diżarm nukleari u tan-nonproliferazzjoni nukleari, għall-kuntrarju tal-Federazzjoni Russa li kisret l-impenji tagħha billi okkupat parti mit-territorju tal-Ukrajna (il-Krimea) u billi nediet aggressjoni armata fil-Lvant tal-Ukrajna; billi dan ħoloq preċedent perikoluż, inkwantu Stat li kien iggarantixxa s-sigurtà tal-Ukrajna bħala reazzjoni għal deċiżjoni tal-Ukrajna biex tissieħeb fit-TNP bħala Stat mingħajr armi nukleari, kiser is-sovranità u l-integrità territorjali tagħha u wettaq ħsara kbira lill-istrument ta' assigurazzjonijiet negattivi tas-sigurtà pprovduti mill-Istati li għandhom armi nukleari, kif ukoll tat-TNP, u lill-idea ta' promozzjoni tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni nukleari globali abbażi tad-dritt internazzjonali u tat-trattati multilaterali;

R.  billi hemm rapporti fil-midja li jgħidu li l-Federazzjoni Russa qed tuża jew għandha l-ħsieb li ċċaqlaq, missili b'kapaċità nukleari Iskander ta' medda qasira lejn Kaliningrad, qed twettaq eżerċizzji u titjiriet li jinvolvu sistemi b'kapaċità nukleari, u billi t-tmexxija Russa qiegħda tagħmel dikjarazzjonijiet dwar l-importanza tad-deterrent nukleari; billi d-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa li tissospendi l-Ftehim dwar il-Ġestjoni u r-Rimi tal-Plutonju, miftiehem mal-Istati Uniti fl-2000, żiedet it-tħassib dwar dipendenza akbar fuq armi nukleari mir-Russja;

S.  billi, bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt maqbul mal-Iran, kif ukoll minħabba l-pożizzjoni tagħha bħala membru sħiħ tal-Kummissjoni Konġunta, l-UE tiżvolġi rwol importanti fis-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-ftehim;

T.  billi fid-9 ta' Settembru 2016 ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) wettqet il-5 test nukleari tagħha, tmien xhur biss wara t-test tas-6 ta' Jannar 2016, biex seħħ dak li l-RDPK sejħet "prova ta' bomba tal-idroġenu li rnexxiet”, bi ksur ċar tal-obbligi internazzjonali tagħha fl-ambitu tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tad-dikjarazzjoni inter-Koreana tal-1992 li tgħid li ż-żewġ repubbliki Koreani mhux se jiżviluppaw jew jaħżnu kwalunkwe tip ta' armi nukleari; billi l-proliferazzjoni ta' kwalunkwe tip ta' AQM, u partikolarment l-armi nukleari u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom, jirrappreżentaw theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi r-RDPK ħabbret l-irtirar tagħha mit-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) fl-2003, u ilha twettaq provi nukleari sa mill-2006 u li fl-2009 iddikjarat uffiċjalment li kienet żviluppat arma nukleari għal finijiet ta' deterrent, li jfisser li issa amplifikat it-theddida tagħha għall-ġirien tagħha fl-Asja tal-Grigal, u għall-paċi u s-sigurtà reġjonali u internazzjonali;

U.  billi l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà tal-2003 ddikjarat li l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva (AQM) hi potenzjalment l-akbar theddida għas-sigurtà tagħna, filwaqt li tindika l-possibbiltà ta' tellieqa għall-armi ta' qerda massiva, u billi l-UE hi impenjata biex tikseb aderenza universali mas-sistemi ta' trattati multilaterali, kif ukoll biex issaħħaħ it-tratatti u d-dispożizzjonijiet ta' verifika tagħhom; billi l-Istrateġija Globali tal-2016 tal-UE tħalli barra kwalunkwe diskors dwar l-AQM, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi;

V.  billi l-UE impenjat ruħha biex tagħmel użu mill-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi, twaqqaf u, fejn possibbli, telimina l-programmi ta' proliferazzjoni li qed joħolqu tħassib fil-livell globali, kif espress b'mod ċar fl-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003, u billi l-UE żgurat kooperazzjoni iktar fil-fond ta' think tanks Ewropej kontra l-proliferazzjoni bħala parti mill-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni;

W.  billi hemm bżonn li l-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tiġġieled il-flussi u l-iffinanzjar tal-proliferazzjoni, biex tissanzjona l-atti ta' proliferazzjoni u biex tiżviluppa miżuri għall-prevenzjoni ta' trasferimenti intanġibbli ta' għarfien u kompetenza permezz tal-istrumenti kollha disponibbli, inklużi t-trattati multilaterali, korpi bħall-Grupp ta' Fornituri Nukleari (NSG) u l-mekkaniżmi ta' verifika, il-kontrolli tal-esportazzjoni nazzjonali u dawk ikkoordinati b'mod internazzjonali, il-programmi kooperattivi għat-tnaqqis tat-theddid u l-lievi politiċi u ekonomiċi;

X.  billi l-UE, fit-tħejjija għall-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni (TNP), sfortunatament ma setgħetx taqbel dwar pożizzjoni konġunta dwar id-diżarm nukleari, filwaqt li rrikonoxxiet għall-ewwel darba li kienu espressi "fehmiet differenti" dwar il-konsegwenzi tal-armi nukleari; billi l-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2015 ma rnexxilhiex tadotta dokument finali minħabba nuqqas ta' qbil dwar sforzi reġjonali li jridu jsiru biex tinħoloq żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani;

Y.  billi huwa possibbli li jinbnew bombi nukleari 'sempliċi' bl-użu ta' fjuwil użat ta' reatturi ta' riċerka li jaħdmu b'uranju arrikit ħafna (HEU);

1.  Jinsab ferm imħasseb dwar id-deterjorazzjoni tas-sigurtà reġjonali u internazzjonali, dwar il-fatt li reġa' spunta r-rwol tal-armi nukleari f'dak il-kuntest u dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' miżuri ta' diżarm u nonproliferazzjoni;

2.  Jitlob lill-istati kollha li għandhom armi nukleari biex jieħdu miżuri provviżorji konkreti ħalli jnaqqsu r-riskju ta' splużjonijiet ta' armi nukleari, inkluż it-tnaqqis tal-istatus operazzjonali tal-armi nukleari kif ukoll sabiex l-armi nukleari jitneħħew mill-istadju ta' mobilizzazzjoni u jinħażnu, filwaqt li jnaqqsu r-rwol tal-armi nukleari fid-duttrini militari u jirriduċu fil-pront kull tip ta' armi nukleari;

3.  Jesprimi tħassib serju dwar it-theddid nukleari li qed jiżdied li hu riżultat ta' relazzjonijiet li qed jeħżienu bejn il-Federazzjoni Russa u n-NATO, inkluż il-ksur potenzjali tat-Trattat dwar Forzi Nukleari ta' Medda Medja (INF), ta' dikjarazzjonijiet li jindikaw dispożizzjoni dejjem akbar tal-użu tal-armi nukleari, u dikjarazzjonijiet li jindikaw konsiderazzjoni ta' użu potenzjali ta' armi nukleari lejn territorji addizzjonali fl-Ewropa; ifakkar li kemm il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar kif ukoll il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja kkonkludew li mingħajr dubju kull użu ta' armi nukleari jikser id-dritt umanitarju internazzjonali;

4.  Jappoġġa s-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari tal-2016, filwaqt li jirrikonoxxi li l-kummerċ mhux awtorizzat u l-użu ta' materjal nukleari huwa theddida immedjata u serja għas-sigurtà globali, u jittama li tintlaħaq sistema kompleta ta' traċċar li fiha jkun fiżikament żgurat il-materjal kollu li jista' jintuża għall-armi;

5.  Jilqa' t-tlestija tal-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma miftuħ tan-NU (OEWG) li indirizza negozjati ta' diżarm nukleari multilaterali, skont ir-Riżoluzzjoni A/RES/70/33 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

6.  Jilqa' wkoll ir-rakkomandazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tinsab fir-rapport finali tal-OEWG (A/71/371) u li ġiet adottata b'appoġġ wiesa' fid-19 ta' Awwissu 2016, biex titnieda konferenza fl-2017, miftuħa għall-Istati kollha, dwar in-negozjar ta' strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi l-armi nukleari u li jwassal għall-eliminazzjoni totali tagħhom; jirrikonoxxi li dan ser isaħħaħ l-objettivi tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm u tal-obbligi inklużi fit-TNP kif ukoll jgħin biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal sigurtà globali u għal dinja mingħajr armi nukleari;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw it-tlaqqigħ ta' din il-konferenza fl-2017 u biex jipparteċipaw b'mod kostruttiv fil-proċedimenti tagħha, u jistieden lill-VP / RGħ Federica Mogherini u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jikkontribwixxu b'mod kostruttiv għall-proċedimenti tal-konferenza ta' negozjati tal-2017;

8.  Ifakkar l-20 anniversarju mill-ftuħ għall-iffirmar tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT) fit-23 ta' Settembru 1996, u jissottolinja li trattat ta' projbizzjoni ta' provi verifikabbli b'mod universali, internazzjonali u effettiv hu l-aktar mod effikaċi ta' projbizzjoni ta' splużjonijiet waqt provi ta' armi nukleari u ta' kwalunkwe splużjoni nukleari oħra;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati li fadal, elenkati fl-Anness II tat-Trattat, li teħtieġ ir-ratifika tagħhom għad-dħul fis-seħħ tiegħu, biex jiffirmaw u/jew jirratifikaw it-Trattat b'sens ġdid ta' urġenza bil-għan li dan l-istrument internazzjonali kruċjali jkollu effett ġuridiku sħiħ mingħajr aktar dewmien; jilqa' f'dan ir-rigward l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tar-Riżoluzzjoni 2310 (2016) tan-Nazzjonijiet Uniti;

10.  Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-progress sinifikanti li sar mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBT fl-ikkompletar u l-operat tas-Sistema ta' Monitoraġġ Internazzjonali effettiva tagħha, li, anke mingħajr id-dħul fis-seħħ tat-Trattat, qed tikkontribwixxi għall-istabilità reġjonali bħala miżura sinifikanti ta' bini tal-fiduċja, ta' tisħiħ tas-sistema ta' nonproliferazzjoni u diżarm u ta' twassil ta' benefiċċji ċivili u xjentifiċi addizzjonali għall-Istati; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li biex jitkompla l-operat tas-sistema ta' monitoraġġ, il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO tkompli sserraħ fuq il-kontribuzzjonijiet ta' finanzjament tal-Istati;

11.  Jitlob li jkun hemm approfondiment tad-djalogu mal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti u mas-setgħat kollha li għandhom l-armi nukleari, bil-ħsieb li tiġi ppreżentata aġenda komuni li jkollha l-għan li tnaqqas progressivament il-ħażna ta' testati nukleari; jappoġġa, b'mod partikolari, il-miżuri meħuda mill-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa biex inaqqsu l-armi nukleari skjerati tagħhom kif miftiehem fit-Trattat START il-ġdid;

12.  Jiddeplora l-assenza, minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat START il-ġdid fl-2011, ta' negozjar ulterjuri dwar it-tnaqqis meħtieġ b'mod urġenti ta' testati nukleari skjerati u maħżuna, inkluż, kif miftiehem minn qabel mill-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa, ta' miżuri li jnaqqsu u jeliminaw armi nukleari ta' medda qasira u tattiċi meqjusa bħala armi nukleari substrateġici jew mhux strateġiċi;

13.  Jirrakkomanda li jiġu stabbiliti żoni ħielsa mill-periklu nukleari bħala pass pożittiv lejn dinja ħielsa mill-periklu nukleari; hu tal-fehma, f'dan ir-rigward, li żona ħielsa mill-periklu nukleari fil-Lvant Nofsani hi ta' importanza fundamentali biex tinkiseb paċi dejjiema u komprensiva fir-reġjun; jesprimi, f'dan il-kuntest, diżappunt serju dwar il-fatt li ma nżammitx il-konferenza fl-2012 mitluba mit-TNP dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani;

14.  Jirrikonoxxi li l-irtirar ta' armi nukleari kollha ta' medda qasira, tattiċi u dawk maħsuba bħala substrateġiċi mit-territorju Ewropew jista' jikkontribwixxi b'mod pożittiv biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-bini ta' żoni ħielsa minn aktar armamenti nukleari, b'hekk dan jgħin biex jiġu ssodisfati l-obbligi ta' nonproliferazzjoni u diżarm li hemm fit-TNP u, fl-istess waqt, iservi ta' preċedent għal diżarm nukleari ulterjuri;

15.  Jappoġġa aktar sforzi biex jissaħħaħ il-mandat tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), inklużi l-ġeneralizzazzjoni tal-Protokolli Addizzjonali għall-Ftehimiet dwar is-Salvagwardji tal-IAEA u passi oħra mfasslin biex jiżviluppaw miżuri li jsaħħu l-fiduċja; ifittex li jiżgura li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli għal din l-organizzazzjoni sabiex tkun tista' taqdi l-mandat importanti tagħha biex l-attivitajiet nukleari jsiru sikuri; jitlob li jsir progress fil-Kumitat Preparatorju tal-TNP tal-2017 li jmiss u l-Konferenza ta' Livell Għoli dwar id-Diżarm Nukleari tal-2018;

16.  Jemmen li l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), magħruf ukoll bħala l-Ftehim Nukleari mal-Iran, kien riżultat notevoli għad-diplomazija multilaterali, u partikolarment għad-diplomazija Ewropea, li għandu jippermetti mhux biss titjib sostanzjali fir-relazzjonijiet UE-Iran, iżda wkoll il-promozzjoni tal-istabbiltà fir-reġjun kollu kemm hu; jemmen li issa l-partijiet kollha huma responsabbli biex jiggarantixxu implimentazzjoni rigoruża u sħiħa tiegħu; jilqa l-istabbiliment ta' Kummissjoni Konġunta magħmula minn rappreżentanti tal-Iran u l-E3/EU+3; jappoġġa bis-sħiħ lir-VP / RGħ fir-rwol tagħha ta' koordinatur tal-Kummissjoni Konġunta fl-ambitu tal-PAKK, u jemmen li l-implimentazzjoni rigoruża u totali tal-PAKK tibqa' ta' importanza enormi;

17.  Jikkundanna l-aħħar testijiet nukleari li saru mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) u r-rifjut minn dak il-pajjiż li jaċċetta diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża l-aktar waħda reċenti tat-2 ta' Marzu 2016 (2070); iħeġġeġ lir-RDPK iżżomm lura minn azzjonijiet provokattivi ulterjuri billi tabbanduna l-programmi nukleari u tal-missili ballistiċi tagħha b'mod komplet, verifikabbli u irreversibbli, twaqqaf l-attivitajiet relatati kollha u tikkonforma immedjatament mal-obbligi internazzjonali tagħha kollha, inklużi r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Bord ta' Gvernaturi tal-IAEA kif ukoll ta' normi oħra internazzjonali tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni u terġa' lura għall-mejda tad-diskussjonijiet; jistieden lir-RDPK tiffirma u tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari mingħajr dewmien;

18.  Jafferma x-xewqa tiegħu dwar soluzzjoni diplomatika u politika għall-kwistjoni nukleari tar-RDPK; itenni l-appoġġ tiegħu għat-Taħdidiet bejn Sitt Partijiet u jitlob li dawn jissuktaw; jistieden lir-RDPK terġa' timpenja ruħha b'mod kostruttiv mal-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari mal-membri tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet, sabiex taħdem favur paċi u siġurtà dejjiema f'peniżola Koreana ħielsa min-nukleari u bħala l-aħjar mezz kif jiġi żgurat ġejjieni aktar għani u stabbli għar-RDPK; iħeġġeġ liċ-Ċina tagħmel iktar pressjoni fuq l-RDPK;

19.  Jilqa' l-inklużjoni ta' klawsoli dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva fil-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi u fil-pjanijiet ta' azzjoni; jirrimarka li miżuri bħal dawn għandhom jiġu implimentati mill-pajjiżi kollha sħab tal-UE mingħajr eċċezzjoni;

20.  Jilqa' l-preżentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE u jħeġeġġ lis-SEAE biex, bħala miżura ta' segwitu, jaġġorna u jespandi l-Istrateġija tal-UE tal-2003 kontra l-proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (AQM) u l-Linji ta' Azzjoni Ġodda tal-2009, filwaqt li jqis il-kwistjonijiet u l-problemi deskritti hawn fuq, bil-ħsieb li jagħmel l-UE forza li tmexxi t-tisħiħ u l-progress fi ftehimiet multilaterali ta' diżarm nukleari u nonproliferazzjoni;

21.  Jilqa' l-impenji regolari ma' dawn it-temi permezz tal-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni u ma' organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili u think tanks, u jistieden lil Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni biex iwessa' l-aġenda tiegħu u jinkludi kunsiderazzjonijiet ta' diżarm fuq bażi ugwali;

22.  Iħeġġeġ l-IAEA u l-Kummissjoni Ewropea sabiex itemmu l-użu ta' uranju arrikit ħafna (HEU) f'reatturi għar-riċerka għal raġunijiet ta' sigurtà;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għall-affarijiet tad-Diżarm, lis-Segretarju Eżekuttiv tas-CTBTO u lid-Direttur Ġenerali tal-IAEA.

 

 

(1)

ĠU C 440, 30.12.2015, p. 97.

(2)

ĠU C 349E, 22.12.2010, p. 77.

(3)

ĠU L 196, 24.7.2012, p. 67.

Avviż legali - Politika tal-privatezza