MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-volontarjat u s-Servizz Volontarju Ewropew
19.10.2016 - (2016/2872(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Silvia Costa, Petra Kammerevert f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1126/2016
B8-1126/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-volontarjat u s-Servizz Volontarju Ewropew
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta' Volontarjat għall-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza Attiva (2011)[1],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu "Komunikazzjoni dwar il-Politiki tal-UE u l-Volontarjat: Ir-Rikonoxximent u l-Promozzjoni fl-UE tal-Ħidmiet Volontarji Transkonfinali" (COM(2011)0568),
– wara li kkunsidra l-Aġenda Politika għall-Volontarjat fl-Ewropa tal-Alleanza tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-volontarjat u l-attivitajiet tal-volontarjat fl-Ewropa[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar ir-rikonoxximent u l-promozzjoni fl-UE tal-ħidmiet volontarji transkonfinali[4],
– wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet u r-Responsabilitajiet tal-Voluntiera[5],
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-volontarjat u s-Servizz Volontarju Ewropew (O-000107/2016 – B8-1803/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi jfakkar li fl-2016, is-Servizz Volontarju Ewropew jiċċelebra l-20 anniversarju tiegħu u li ġew appoġġati 100 000 voluntier matul dawn l-20 sena;
B. billi jenfasizza li s-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011, appoġġata b'qawwa mill-Parlament Ewropew, tirrapreżenta opportunità politika ewlenija biex tenfasizza l-valur miżjud tal-volontarjat fl-Ewropa u li issa, ħames snin wara, il-Parlament Ewropew għandu jirrifletti fuq l-impatt li s-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 kellha fuq l-iżvilupp tal-politika u fuq kif il-volontarjat huwa inkorporat fi programmi Ewropej ewlenin, bħall-Erasmus+ u s-Servizz Volontarju Ewropew tiegħu;
C. billi jfakkar li s-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 ipprovdiet l-impetu u l-qafas għall-istabbiliment u/jew ir-reviżjoni tal-oqfsa nazzjonali u legali għall-volontarjat fl-Ewropa kollha; billi jenfasizza li dan kien partikolarment il-każ fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, fejn ġew żviluppati u introdotti liġijiet u strateġiji ġodda; billi jenfasizza, madankollu, li l-Ewropa għad m'għandhiex politika tal-volontarjat koordinata b'punt ta' kuntatt waħdieni fl-istituzzjonijiet tal-UE;
D. billi jfakkar li l-volontarjat jitwettaq peremzz tar-rieda ħielsa, l-għażla u l-motivazzjoni ta' persuna, mingħajr ma din tfittex li tagħmel xi gwadann finanzjarju; billi jenfasizza li l-volontarjat jista' jiġi definit bħala vjaġġ ta' solidarjetà u li huwa mezz kif jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u t-tħassib uman, soċjali u ambjentali;
E. billi jenfasizza li l-volontarjat għandu valur u importanza bħala wieħed mill-iktar espressjonijiet viżibbli ta' solidarjetà, li jippromwovi u jiffaċilita l-inklużjoni soċjali, jibni l-kapital soċjali u jipproduċi effett trasformattiv fuq is-soċjetà, u billi l-volontarjat jikkontribwixxi kemm għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili prosperuża, li tista' toffri soluzzjonijiet kreattivi u innovattivi għal sfidi komuni, kif ukoll għal tkabbir ekonomiku, u li bħala tali jistħoq li jitkejjel b'mod speċifiku u mmirat f'termini ta' kapital kemm ekonomiku kif ukoll soċjali;
F. billi jfakkar li ambjent ta' appoġġ huwa essenzjali biex jiġi żgurat l-involviment ta' aktar ċittadini Ewropej fil-volontarjat, u b'hekk jiggarantixxi finanzjament sigur u sostenibbli għall-infrastruttura tal-volontarjat, speċjalment l-organizzazzjonijiet li jinvolvu l-voluntiera;
G. billi jenfasizza li l-volontarjat jeħtieġ taħlita ta' mekkaniżmi ta' appoġġ u/jew strutturi organizzattivi xierqa li għandhom jissaħħu aktar permezz ta' qafas legali adegwat li jidentifika d-drittijiet u r-responsabilitajiet tal-voluntiera u l-volontarjat;
H. billi jenfasizza li kull persuna hija intitolata għal aċċess ugwali għal opportunitajiet tal-volontarjat u l-protezzjoni kontra kull forma ta' diskriminazzjoni, u kulħadd għandu jingħata d-dritt li jirrikonċilja l-attività tiegħu ta' volontarjat mal-ħajja privata u tax-xogħol tiegħu, biex ikun jista' jinkiseb ċertu ammont ta' flessibilità matul l-attività tal-volontarjat;
I. billi jenfasizza li r-rikonoxximent tal-volontarjat huwa wkoll kruċjali sabiex jitħeġġu inċentivi xierqa għall-partijiet interessati kollha u b'hekk jiżdiedu l-kwantità, il-kwalità u l-impatt tal-volontarjat, u li dan jeħtieġ l-iżvilupp ta' kultura ta' rikonoxximent li turi l-volontarjat bħala mutur li jpoġġi l-valuri Ewropej fil-prattika;
J. billi jirrikonoxxi li l-QFP 2020-2014 il-ġdid tal-UE żgura ċerti fondi tal-UE għall-volontarjat b'mod partikolari, il-Programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini", li bħalissa huwa ġestit minn DĠ HOME u li għandu l-volontarjat bħala prijorità; billi jenfasizza li l-Programm ġdid Erasmus+ għadu joffri opportunitajiet biex jiffinanzja u jappoġġa proġetti ta' volontarjat, partikolarment permezz tal-Programm tas-Servizz Volontarju Ewropew, u billi l-programm Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE tnieda mid-DĠ ECHO biex jipprovdi appoġġ prattiku għal proġetti ta' għajnuna umanitarja; billi jinnota, madankollu, li l-aċċess għal organizzazzjonijiet volontarji għal fondi oħra tal-UE, bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, għadu ferm limitat;
K. billi jfakkar li l-kriżi tar-rifuġjati tal-lum hija eżempju rilevanti, u simbolu ċar, tal-importanza tal-voluntiera u l-mod kif dawn jinkorporaw il-valuri Ewropej, jikkontribwixxu għar-reżiljenza u huma disponibbli li jipprovdu soluzzjonijiet flessibbli u prammatiċi għall-isfidi komuni;
1. Jirrikonoxxi li l-volontarjat huwa espressjoni ta' solidarjetà, libertà u responsabilità li tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta' ċittadinanza attiva, u huwa għodda essenzjali kemm għall-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali kif ukoll għat-taħriġ u l-edukazzjoni u d-djalogu interkulturali, filwaqt li jagħti kontribut importanti biex jinxterdu l-valuri Ewropej; jenfasizza l-fatt li l-benefiċċji tiegħu huma rikonoxxuti wkoll fix-xogħol tal-volontarjat imwettaq ma' pajjiżi terzi bħala għodda strateġika li trawwem fehim reċiproku u relazzjonijiet interkulturali;
2. Jenfasizza l-importanza li jiġi pprovdut qafas legali li jirrikonoxxi l-istatus ta' volontarjat, bi drittijiet u responsabilitajiet dwar il-voluntiera u l-volontarjat, u li jiffaċilita l-mobilità u l-għarfien; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għad iridu jiddefinixxu ambjent legali għall-voluntiera biex jużaw il-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet u r-Responsabilitajiet tal-Voluntiera;
3. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw proċessi ta' validazzjoni konkreti fil-qafas tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012; jitlob li l-inizjattivi futuri kollha magħrufa bħala l-Passaport Ewropew tal-Ħiliet u l-Europass jagħtu aktar rilevanza lit-tagħlim miksub permezz ta' esperjenzi formali, informali u mhux formali, inklużi l-esperjenzi ta' volontarjat; ifakkar li l-volontarjat jippermetti lin-nies jiksbu ħiliet li jiffaċilitawlhom l-aċċess għas-suq tax-xogħol;
4. Jissuġġerixxi li l-idea li l-ħin tal-voluntiera jsir eleġibbli bħala kofinanzjament għall-għotjiet tal-UE, kif ipproponiet dan l-aħħar il-Kummissjoni fil-proposta dwar Regolament Finanzjarju ġdid, għandha tiġi appoġġata u implimentata;
5. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw is-sistema żviluppata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol għat-tkejjil tal-valur ekonomiku tal-volontarjat; jistieden lill-Eurostat jappoġġa lill-Istati Membri f'dan l-eżerċizzju sabiex ikun żgurat li tinġabar data komparattiva fl-Ewropa, kif ukoll li jiġu żviluppati indikaturi u metodoloġiji għall-kejl tal-impatt ekonomiku tal-volontarjat;
6. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu skemi ta' servizzi volontarji nazzjonali ffinanzjati b'mod adegwat u jtejbu l-aċċess għal informazzjoni ta' kwalità dwar l-opportunitajiet ta' volontarjat fil-livell nazzjonali u lokali, b'mod partikolari permezz ta' netwerks ta' informazzjoni eżistenti għaż-żgħażagħ u informazzjoni bejn il-pari; iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu ċentri ta' servizz ċivili nazzjonali li għandhom jippromovu wkoll opportunitajiet ta' volontarjat internazzjonali;
7. Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-iskemi nazzjonali ta' servizz volontarju, kif ukoll s-servizz ċiviku u l-korp ta' solidarjetà u l-ambjent eżistenti għall-voluntiera potenzjali fl-Istati Membri, sabiex jiġu faċilitati l-fehim reċiproku u t-tixrid ta' prattiki tajba, u l-possibilità li jiġi stabbilit Servizz Ċiviku Ewropew, dan kollu sabiex titrawwem iċ-ċittadinanza Ewropea;
8. Jappoġġja l-idea tal-Kummissjoni li toħloq inizjattiva ġdida ta' volontarjat, il-Korp ta' Solidarjetà tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-organizzazzjonijet tal-voluntiera, b'mod partikolari, ikunu involuti fit-tfassil tal-inizjattiva u li l-implimentazzjoni tagħha ma tfixkilx il-baġits li huma diġà allokati għal programmi oħra;
9. Jinsisti li l-programm tas-Servizz Volontarju Ewropew għandu jkun ta' benefiċċju għall-individwi u l-organizzazzjonijiet involuti, kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi, u li s-Servizz Volontarju Ewropew għandu jsaħħaħ id-dimensjoni tal-impenn ċiviku tal-programm Erasmus+; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tas-Servizz Volontarju Ewropew għaż-żgħażagħ kollha, speċjalment dawk li għadhom mhumiex interessati fil-volontarjat u l-mobilità, u b'hekk jinħolqu l-motivazzjoni u l-bidliet fl-attitudni, mingħajr ma jiġu esklużi l-ġenerazzjonijiet aktar anzjani, peress li dawn għandhom sehem importanti x'jagħmlu, pereżempju bħala mentors;
10. Jisħaq fuq il-fatt li s-Servizz Volontarju Ewropew għandu jkun ibbażat fuq offerti ta' volontarjat ta' kwalità u jsegwi l-Karta tal-Volontarjat u l-prinċipji tal-Karta ta' Kwalità dwar il-Mobilità għat-Tagħlim, u li s-Servizz Volontarju Ewropew għandu jkun imsejjes fuq struttura li tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tal-volontarjat isiru organizzazzjonijiet ospitanti, biex b'hekk jipprovduhom b'finanzjament u taħriġ adegwati, filwaqt li jissaħħaħ ir-rwol ta' koordinazzjoni tal-organizzazzjonijiet li jappoġġaw għadd kbir ta' organizzazzjonijiet ospitanti, pereżempju f'termini ta' amministrazzjoni u taħriġ;
11. Ifakkar li s-Servizz Volontarju Ewropew għandu jkun ibbażat fuq struttura li tippermetti aċċess rapidu u faċli miż-żgħażagħ għall-programm u għaldaqstant jitlob simplifikazzjoni tas-sistema ta' applikazzjoni attwali;
12. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-segwitu u d-dimensjoni lokali wara esperjenza ta' volontarjat barra mill-pajjiż billi jingħata appoġġ għall-komunitajiet lokali mhux biss qabel it-tluq, iżda wkoll mal-wasla, fil-forma ta' taħriġ ta' postorjentazzjoni u postintegrazzjoni;
13. Jinsisti li għandu jingħata mentorship ta' kwalità tul il-proċess permezz ta' ġestjoni responsabbli għall-volontarjat u billi l-voluntiera jsiru konxji tar-responsabilità tagħhom stess f'dak li għandu x'jaqsam mal-impenn mal-organizzazzjoni u l-Komunità;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 17, 22.1.2010, p. 43-49
- [2] ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2013)0549.
- [4] ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 14.
- [5] http://ec.europa.eu/citizenship/pdf/volunteering_charter_en.pdf