Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1130/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1130/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari

19.10.2016 - (2016/2936(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Rolandas Paksas, Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD

Proċedura : 2016/2936(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1130/2016
Testi mressqa :
B8-1130/2016
Testi adottati :

B8-1130/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari

(2016/2936(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-communiqué finali tas-Summit ta' Washington dwar is-Sigurtà Nukleari ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u l-emendi tal-2005 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Soppressjoni ta' Atti ta' Terroriżmu Nukleari,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2310 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni rigward l-istabbiliment ta' Lvant Nofsani ħieles mill-armi ta' qerda massiva[1],

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà "Ewropa Sigura f'Dinja Aħjar", adottata fit-12 ta' Diċembru 2003, u l-"Istrateġija kontra l-proliferazzjoni tal-AQM" tal-2003, kif ukoll il-"Linji Ġodda ta' Azzjoni" tal-2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU wara l-aħħar testijiet nukleari mwettqa mill-Korea ta' Fuq/RDPK,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi aktar minn 25 sena wara t-tmiem tal-Gwerra Bierda, it-total kombinat madwar id-dinja kollha tal-ħażna ta' armi nukleari magħrufa għadha tammonta għal aktar minn 15 000 unità; billi testata nukleari waħda għandha l-kapaċità, speċjalment jekk tiġi sploduta f'belt kbira, li toqtol miljuni ta' nies u li toħloq katastrofi ambjentali persistenti;

B.  billi t-theddida ta' terroriżmu nukleari u radjoloġiku tibqa' waħda mill-akbar sfidi għas-sigurtà internazzjonali; billi skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) "miljuni ta' sorsi radjoattivi ġew distribwiti madwar id-dinja f'dawn l-aħħar 50 sena", u dawn is-sorsi huma mifruxa f'aktar minn 100 pajjiż, b'ħafna minnhom mhux protetti b'mod xieraq u vulnerabbli għal serq; billi l-edizzjoni tal-2016 tal-Indiċi tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Inizjattiva Theddid Nukleari (NTI) sabet li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw u li qed jikkunsidraw iwettqu programmi tal-enerġija nukleari m'għandhomx il-miżuri fis-seħħ meħtieġa sabiex b'mod xieraq jipproteġu l-faċilitajiet nukleari minn sabotaġġ;

C.  billi t-terroristi ilhom li wrew interess f'armi radjoloġiċi, u l-esperti tas-sigurtà ma jeskludux il-possibbiltà li gruppi terroristiċi jew atturi mhux statali jkunu jistgħu jakkwistaw armi nukleari;

D.  billi l-progress dwar id-diżarm nukleari jinsab wieqaf, f'ambjent fejn it-tensjonijiet bejn l-Istati li għandhom armi nukleari qegħdin dejjem jikbru, u ma hemm ebda negozjati għaddejja jew ippjanati biex jiġu rregolati jew imnaqqsa ulterjorment il-ħażniet tal-Istati li għandhom Armi Nukleari (NWSs);

E.  billi l-Istati Uniti ospitaw ir-raba' Summit dwar is-Sigurtà Nukleari f'April 2016; billi iktar minn 50 pajjiż u organizzazzjoni internazzjonali pparteċipaw f'dan is-Summit, li l-għan tiegħu kien li jikseb titjib tanġibbli fl-imġiba dwar is-sigurtà nukleari u jsaħħaħ l-arkitettura globali tas-sigurtà nukleari; billi r-Russja ma pparteċipatx f'dan is-Summit;

F.  billi 20 sena wara l-adozzjoni tiegħu, it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari għadu ma daħalx legalment fis-seħħ, sakemm jiġi rratifikat minn l-hekk imsejħa tmien pajjiżi li jibqa' tal-Anness 2;

G.  billi r-riskju tal-proliferazzjoni nukleari (kemm vertikali kif ukoll orizzontali) għadu rilevanti f'ħafna reġjuni tad-dinja, u li jista' jwassal għal eskalazzjoni ulterjuri fl-iżvilupp tat-teknoloġiji nukleari għal skopijiet militari;

H.  billi r-RDPK hija l-uniku Stat fid-dinja li ripetutament ttestja armi nukleari fis-seklu 21, filwaqt li kompla jinjora r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar din il-kwistjoni; billi fid-9 ta' Settembru 2016, ġie rreġistrat avveniment sismiku mhux tas-soltu mis-Sistema Internazzjonali ta' Monitoraġġ (IMS), waqt li r-RDPK ħabbret li l-ħames test nukleari kien ta' suċċess; billi r-RDPK intlaqtet minn ħames settijiet ta' sanzjonijiet tan-NU sa mill-ewwel testijiet tagħha fl-2006, iżda ma wriet ebda rieda li ttemm il-programm nukleari militari tagħha;

I.  billi tliet sessjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ (OEWG) dwar id-diżarm nukleari, kif stabbilit min riżoluzzjoni ta' Diċembru 2015 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, saru f'Ġinevra fl-2016; billi l-OEWG afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-kisba u ż-żamma ta' dinja mingħajr armi nukleari; billi r-rakkomandazzjoni finali tal-OEWG, adottata b'appoġġ wiesa', tistieden lill-Assemblea Ġenerali ssejjaħ konferenza fl-2017 biex jiġi nnegozjat strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi l-armi nukleari, u li jwassal għall-eliminazzjoni totali tagħhom;

J.  billi ħafna trattati internazzjonali rnexxielhom jistabbilixxu Żoni Ħielsa mill-Armi Nukleari (NWFZs), anke f'żoni fejn hemm tensjonijiet politiċi konsiderevoli; billi attwalment hemm seba' NWFZs fejn l-Istati partijiet qablu li joqogħdu lura mill-pussess, l-iżvilupp u l-użu ta' armi nukleari; billi l-isforzi biex tiġi stabbilita żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani kienu diffiċli ħafna;

K.  billi l-UE kellha rwol importanti fil-ftehim nukleari li ntlaħaq mal-Iran; billi l-UE hija parti għall-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt u tibqa' taħdem mas-sħab tal-E3+3 dwar l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan; billi l-IAEA kkonfermat li l-Iran ħa l-passi kollha li hu kien meħtieġ jieħu dwar kwistjonjiet relatati mal-attività nukleari;

L.  billi fil-konferenza ta' reviżjoni tat-TNP tal-2015, il-partijiet ma setgħux jilħqu kunsens dwar dikjarazzjoni sostantiva finali, bir-riżultat li ftit li xejn kien hemm progress fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-2010; billi dan in-nuqqas ġie attribwit lill-kontroversja dwar il-ħolqien ta' żona ħielsa mill-AQM (Armi ta' Qerda Massiva) fil-Lvant Nofsani; billi għad hemm differenzi sostanzjali f'oqsma differenti tat-Trattat, inkluż dwar miżuri effikaċi għad-diżarm nukleari, l-aspetti umanitarji tal-użu tal-armi nukleari u r-rappurtar mill-Istati rikonoxxuti bħala li għandhom armi nukleari; billi minkejja dan l-intopp it-TNP jibqa' l-pedament tar-reġim tan-nonproliferazzjoni;

M.  billi r-RDPK irtirat mit-TNP fl-2003 u qatt ma reġgħet issieħbet; billi l-imġiba tar-RDPK ħolqot preċedent negattiv u rilevanti li jirrappreżenta pass serju lura fit-triq tad-denuklearizzazzjoni;

N.  billi l-kritika fir-rigward tan-nuqqas ta' progress dwar il-pilastru tad-diżarm wassal għat-tnedija tal-Inizjattiva Umanitarja, li kkulminat fil-Wegħda Umanitarja, bil-għan li jiġu identifikati u mwettqa miżuri effikaċi biex tiġi indirizzata l-lakuna ġuridika f'dak li għandu x'jaqsam il-projbizzjoni u l-eliminazzjoni tal-armi nukleari; billi 127 pajjiż jappoġġaw din l-inizjattiva;

O.  billi l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà "Ewropa Sigura f'Dinja Aħjar" tiddefinixxi l-proliferazzjoni tal-AQM bħala potenzjalment l-akbar theddida għas-sigurtà Ewropea; billi l-prinċipju gwida tal-UE u l-għan ġenerali għad-diżarm u n-nonproliferazzjoni huwa dak li żżomm u ssaħħaħ l-istrumenti internazzjonali rilevanti kollha;

1.  Jemmen bis-sħiħ f'dinja ħielsa mill-armi nukleari; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien u f'fora internazzjonali biex jinkisbu riżultati f'dan il-qasam, bil-għan li jitnaqqas, u eventwalment jitnaqqas għal żero, in-numru ta' armi nukleari kemm madwar id-dinja kif ukoll fit-territorju tagħhom; jirrifjuta l-idea li d-deterrenza nukleari hija meħtieġa u minflok jiffavorixxi sforzi diplomatiċi u medjazzjoni multilaterali;

2.  Jilqa' r-riżultati tas-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari tal-2016, inkluż l-istabbiliment ta' grupp ta' kuntatt tas-sigurtà nukleari biex jgħin għaż-żamma tal-momentum wara s-Summit; jilqa' l-ftehim milħuq dwar pjan ta' azzjoni biex jiġu appoġġati ħames entitajiet internazzjonali fit-twettiq tal-ħidma tagħhom, kif ukoll 137 impenn għal azzjonijiet speċifiċi meħuda għall-promozzjoni tas-sigurtà nukleari; jilqa' d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Promozzjoni tal-Implimentazzjoni Sħiħa u Universali tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jiddispjaċih li attur internazzjonali ewlieni bħar-Russja ma pparteċipax fis-Summit;

3.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Emenda tal-2005 għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari, li tistabbilixxi obbligi fuq l-Istati partijiet biex iħarsu l-materjal nukleari ċivili tagħhom b'mod konsistenti mal-linji gwida tal-IAEA u biex jiffaċilitaw il-kriminalizzazzjoni u l-prosekuzzjoni ulterjuri tat-traffikar nukleari; jappella għar-ratifika u l-implimentazzjoni universali ta' din il-Konvenzjoni, u jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha li ma rratifikawhiex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli;

4.  Jiddispjaċih li fis-sena tal-20 anniversarju tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT), dan għadu ma daħalx fis-seħħ; jemmen li s-CTBT għandu rwol ewlieni fit-tisħiħ tar-reġim internazzjonali tan-nonproliferazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati kollha li għadhom ma ffirmawx jew ma rratifikawx dan it-Trattat biex jagħmlu dan mingħajr aktar dewmien; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tal-UE għal dħul fis-seħħ bikri tat-Trattat b'mod universali; jistieden lill-VP/RGħ jibqgħu f'kuntatt ma' Stati li l-qbil tagħhom huwa meħtieġ biex jippermetti d-dħul fis-seħħ tat-Trattat;

5.  Jikkundanna l-aħħar testijiet nukleari mwettqa fir-RDPK, peress li dawn jibagħtu messaġġ negattiv ħafna għall-paċi fid-dinja, l-istabbiltà reġjonali u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK; ifakkar li r-RDPK hija pprojbita min-NU milli twettaq kwalunkwe test nukleari jew ta' teknoloġija tal-missili; jafferma li dan il-ksur mir-RDPK jirrappreżenta sfida gravi għall-komunità internazzjonali, u jħeġġeġ lill-pajjiż biex joqogħod lura minn aktar testijiet nukleari u biex jevita l-eskalazzjoni tat-tensjonijiet f'reġjun diġà instabbli; jinnota l-adozzjoni ta' sensiela ġdida ta' sanzjonijiet b'saħħithom kontra r-RDPK, u jistieden lill-partijiet kollha biex jimplimentawhom bir-reqqa; jenfasizza, madankollu, li s-sanzjonijiet preċedenti ma kisbux ir-riżultati mistennija fir-rigward tat-trażżin tal-programm nukleari tar-RDPK; jafferma mill-ġdid li s-sanzjonijiet għandu jkollhom l-inqas impatt possibbli fuq il-popolazzjoni ċivili u għandhom jiġu kkunsidrati bħala mezz biex tinkiseb soluzzjoni politika għall-kwistjoni nukleari fil-peniżola Koreana, b'mod partikolari permezz tat-tkomplija tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet;

6.  Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe forma ta' riċerka, żvilupp, sfruttament jew implimentazzjoni ta' teknoloġiji, riċerki u kapaċitajiet relatati direttament jew indirettament mal-programm nukleari militari tar-RDPK; jikkundanna bil-qawwa l-iżvilupp ta' teknoloġija tal-missili ballistiċi tar-RDPK (kemm missili mill-art kif ukoll Missili Ballistiċi Mitfugħa minn Sottomarin), bħala theddida għas-sigurtà fid-dinja u speċjalment għas-sigurtà u l-istabbiltà fl-Asja;

7.  Jikkundanna l-provokazzjonijiet kontinwi tar-RDPK u jikkundanna t-testijiet missili u nukleari kollha tagħha, kif ukoll ir-retorika aggressiva tagħha u d-diskors ta' mibegħda kontra l-Istati Uniti, il-Korea t'Isfel u l-Ġappun; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jwaqqfu kull forma ta' kooperazzjoni mar-RDPK fl-oqsma tat-teknoloġiji nukleari u tal-fiżika nukleari sakemm ir-RDPK twaqqaf il-programmi nukleari militari tagħha;

8.  Jappella għal aktar involviment mal-gvernijiet tal-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Korea t'Isfel u l-Ġappun biex jiġi żgurat koordinament aħjar dwar il-kwistjoni tal-armi nukleari fir-RDPK, kemm bl-użu ta' kanali bilaterali kif ukoll fora multilaterali; jenfasizza r-riskju ta' proliferazzjoni nukleari li jirriżulta mill-aħħar żviluppi fir-RDPK;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Ewropej u lill-Istati Membri jissorveljaw mill-qrib kwalunkwe trasferiment possibbli ta' teknoloġija nukleari ċivili fir-RDPK jew permezz ta' intermedjarji tar-RDPK;

10.  Jilqa' t-twaqqif u l-ħidma tal-OEWG; jilqa' l-proposta li saret lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li tlaqqa' konferenza internazzjonali dwar modi kif jitkompla d-diżarm nukleari madwar id-dinja, inkluż in-negozjar ta' strumenti vinkolanti possibbli; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw tali proposta, u lill-VP/RGħ, Federica Mogherini u lis-SEAE joffru kontribut pożittiv għall-organizzazzjoni ta' konferenza bħal din;

11.  Jappoġġa bis-sħiħ lin-NWFZs bħala kontributi importanti biex ikun hemm dinja mingħajr armi nukleari; jemmen li l-istabbiliment ta' tali żona fil-Lvant Nofsani se jtejjeb il-prospetti għall-paċi fir-reġjun;

12.  Ifaħħar ir-rwol tal-UE fil-kisba tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt, kif ukoll l-impenn kontinwu espress mill-VP/RGħ dwar il-kwistjoni; jemmen li din l-esperjenza pożittiva għandha tkun ta' eżempju dwar kif l-UE tista' tkun attur importanti fit-tfittxija ta' soluzzjoni għal kriżijiet ewlenin madwar id-dinja; jistieden lin-naħat kollha biex isostnu l-qbil li għadu fraġli u biex josservaw ir-rekwiżiti tiegħu;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani juru trasparenza, impenn u disponibbiltà rigward il-programm nukleari ċivili tagħhom, inkluż l-iskambju tad-data ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-IAEA;

14.  Jemmen, minkejja t-tfixkil tal-Konfereza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2015, li n-nonproliferazzjoni u d-diżarm nukleari għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tal-aġenda internazzjonali, u jafferma mill-ġdid li t-TNP jibqa' l-pedament tar-reġim ta' nonproliferazzjoni nukleari u l-bażi biex jinkiseb id-diżarm nukleari; jistieden lill-komunità internazzjonali tibqa' taħdem għal kisba ta' dan il-għan billi tinvolvi ruħha f'mogħdijiet realistiċi u sensibbli b'kunsiderazzjoni taċ-ċiklu ta' rieżami li jmiss tat-TNP; jemmen li l-UE għandha tkun attur attiv f'dan il-qasam, billi ttella' l-profil tagħha fil-livell ta' attur sinifikanti fl-isforz globali biex titnaqqas il-proliferazzjoni tal-AQM;

15.  Jemmen li theddid u sfidi emerġenti ġodda, kif ukoll tibdil fl-ambjent internazzjonali, jitolbu aġġornament tal-Istrateġija tal-2003 kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u tal-Linji Ġodda ta' Azzjoni tal-2008;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.