Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1131/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1131/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI  on nuclear security and non-proliferation

19.10.2016 - (2016/2936(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Knut Fleckenstein, Victor Boştinaru, Ioan Mircea Paşcu, Ana Gomes, Julie Ward, Doru-Claudian Frunzulică f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1122/2016

Proċedura : 2016/2936(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1131/2016
Testi mressqa :
B8-1131/2016
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-1131/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari

(2016/2936(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni (TNP) rigward l-istabbiliment ta’ Lvant Nofsani ħieles mill-armi ta’ qerda massiva[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari[2],

–  wara li kkunsidra s-seminars tal-UE dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm u l-laqgħat regolari tal-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–  wara li kkunsidra l-falliment tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2015 li tilħaq ftehim dwar dokument finali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (8079/15),

–  wara li kkunsidra d-dokumenti adottati fir-rebbiegħa tal-2016 matul is-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari f'Washington,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2310 (2016) fl-20 anniversarju tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali tal-Provi Nukleari (CTBT),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Tbilisi tal-1977, li ġiet adottata b'kunsens mill-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari fir-reġjun tal-Lvant Nofsani (A/RES/66/61),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/422/PESK tat-23 ta' Lulju 2012 li tappoġġa proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta’ distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani[3],

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/70/33 tas-7 ta’ Diċembru 2015 dwar it-tkomplija tad-diżarm nukleari multilaterali, u r-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma Miftuħ (OEWG) lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li ġie adottat fid-19 ta' Awwissu 2016 (A/71/371),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ambjent ta' sigurtà globali, u b’mod partikolari dak tal-UE mar għall-agħar b'mod kunsiderevoli, sar aktar fluwidu, aktar prekarju u inqas prevedibbli; billi t-theddid hu tat-tip konvenzjonali, mhux konvenzjonali u ibridu, maħluq kemm minn atturi reġjonali u globali statali kif ukoll dawk mhux statali;

B.  billi l-paċi, is-sigurtà u l-istabilità internazzjonali huma mhedda b'mod gravi minn żviluppi diversi, inkluż id-deterjorament tar-relazzjonijiet bejn l-istati li għandhom l-armi nukleari bħall-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti, u l-Indja u l-Pakistan, u l-iżvilupp ulterjuri ta' kapaċitajiet nukleari mill-Korea ta’ Fuq;

C.  billi l-proliferazzjoni ta' forom ta' armi ta' qerda massiva (AQM) bijoloġiċi u kimiċi qed tkun imminimizzata u mwaqqfa progressivament permezz tal-applikazzjoni internazzjonali effikaċi tal-projbizzjoni u tal-obbligi inklużi fil-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC) tal-1972 u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC); billi, madankollu, il-proliferazzjoni tal-AQM nukleari u l-mod kif jiġu fornuti jibqgħu kwistjoni ta’ tħassib mill-aktar serja għall-komunità internazzjonali.

D.  billi minn Jannar 2016 disa’ Stati – l-Istati Uniti, ir-Russja, ir-Renju Unit, Franza, iċ-Ċina, l-Indja, il-Pakistan, l-Iżrael u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea – kellhom total ta’ madwar 15 395 arma nukleari, meta mqabbla ma’ xi 15 850 fl-2015;

E.  billi l-prevenzjoni ta' terroristi jew ta' stati oħrajn simili milli jiksbu jew jagħmlu użu minn armi nukleari, it-tnaqqis u l-eliminazzjoni tal-arsenali nukleari kollha u l-progress lejn dinja mingħajr armi nukleari huma fost il-kwistjonijiet ta’ prijorità;

F.  billi f’ċerti reġjuni madwar id-dinja, jiġifieri fl-Amerika Latina u l-Karibew, in-Nofsinhar tal-Paċifiku, ix-Xlokk tal-Asja, l-Afrika u l-Asja Ċentrali, jeżistu diġà numru ta' trattati b'rabta ma' żoni ħielsa mill-armi nukleari;

G.  billi ma sar l-ebda progress biex jittieħdu passi konkreti lejn id-diżarm nukleari kif miftiehem fil-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2010; billi l-konferenza pprovdiet enfasi mġedded fuq l-impatt umanitarju tal-armi nukleari, kwistjoni li tressqet mill-Gvernijiet tan-Norveġja, il-Messiku u l-Awstrija permezz ta' konferenzi suċċessivi dwar l-impatt umanitarju tal-armi nukleari, u r-rapporti rispettivi tagħhom, kif ukoll l-Impenn Umanitarju internazzjonali mniedi mill-Awstrija u ppreżentat waqt il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2015, li ġiet approvata minn 127 stat membru tan-NU;

H.  billi hemm ukoll il-ħtieġa li jissaħħu l-objettivi ta' nonproliferazzjoni u diżarm ewlenin tat-tliet pilastri tat-TNP, jiġifieri n-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-kooperazzjoni dwar l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari;

I.  billi l-istati li għandhom armi nukleari u li huma firmatarji tat-TNP qegħdin jimmodernizzaw u jsaħħu l-arsenali ta' armi nukleari tagħhom u qegħdin idewmu t-teħid ta' azzjoni biex inaqqsu u jeliminaw l-arsenali nukleari tagħhom u biex inaqqsu l-aderenza tagħhom ma' duttrina militari ta' deterrenza nukleari;

J.  billi sar progress formali fl-iżgurar ta' materjal fissili nukleari ċivili permezz tas-Summits ta' Sigurtà Nukleari, li twettqu permezz ta' proċess kumplimentari barra mit-TNP u kkontribwixxew għat-tisħiħ tat-TNP billi żiedu l-kredibilità tal-element ta' nonproliferazzjoni tiegħu, iżda billi l-attitudni reċenti tar-Russja u d-deterjorament tar-relazzjonijiet bejnha u l-Istati Uniti qed jheddu sforzi ulterjuri biex jiġu żgurati u mnaqqsa l-materjali fissili;

K.  billi r-Russja u l-Istati Uniti qed ikomplu jimplimentaw it-Trattat START il-ġdid, li se jiskadi fl-2021 sakemm ma jiġix estiż miż-żewġ partijiet; billi l-President tal-Istati Uniti Barack Obama fid-diskors tiegħu fl-2013 f'Berlin għamel proposta sinifikanti għat-tnaqqis tat-testati nukleari u tenniha f'Washington fl-2016; billi dawn il-battuti inizjali għat-tnedija ta' negozjati dwar ftehim ta' segwitu għat-Trattat START il-ġdid ma ġewx reċiprokati mill-Federazzjoni Russa, u għalhekk ma ġie negozjat l-ebda segwitu għat-Trattat START il-ġdid biex jiġi indirizzat it-tnaqqis fl-armi nukleari mhux strateġiċi u strateġiċi bil-ħsieb li jiġu eliminati;

L.  billi l-isplużjonijiet sperimentali tal-armi nukleari u/jew kwalunkwe splużjoni nukleari oħra jirrappreżentaw theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, u jxekklu r-reġim tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni nukleari globali; billi t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBT) huwa l-aktar mod effettiv ta’ projbizzjoni tat-testijiet nukleari; billi s-sena 2016 tfakkar l-20 anniversarju mill-ftuħ għall-iffirmar tas-CTBT fl-24 ta' Settembru 1996;

M.  billi, minkejja l-isforzi kollha biex titlaqqa' l-Konferenza dwar l-istabbiliment ta' żona tal-Lvant Nofsani ħielsa mill-armi nukleari u l-armi l-oħrajn kollha ta' qerda massiva sa Diċembru 2012, skont il-ftehimiet ta' kunsens tal-Istati Kontraenti tat-TNP fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010, din għadha ma seħħitx;

N.  billi l-Kunċett Strateġiku tan-NATO tal-2010 u r-Reviżjoni tal-Pożizzjoni ta' Difiża u Deterrenza tan-NATO tal-2012 jirreferu għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għal dinja mingħajr armi nukleari;

O.  billi s-sikurezza u s-sigurtà tal-armi nukleari tal-Istati Uniti stazzjonati fit-Turkija ġiet taħt skrutinju akbar b’konsegwenza tal-kunflitt armat fis-Sirja li qed iseħħ qrib il-bażi tal-ajru ta' Incirlik, u b’ konsegwenza tal-avvenimenti fil-bażi tal-ajru u madwarha matul u wara l-kolp ta' stat fallut fil-15 ta' Lulju 2016;

P.  billi l-ftehimiet dwar il-kontroll tal-armi u n-nonproliferazzjoni huma parti importanti mill-ordni ta’ sigurtà tal-Ewropa ta’ wara l-Gwerra Bierda, li issa qed tidher dejjem iżjed fraġli minħabba l-kriżi fl-Ukraina;

Q.  billi l-5 ta' Diċembru 2015 ifakkar l-20 anniversarju mill-iffirmar tal-Memorandum ta' Budapest; billi l-Ukraina rrispettat id-dispożizzjonijiet kollha tagħha u ħadet pożizzjonijiet proattivi dwar il-kwistjonijiet tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni nukleari, għall-kuntrarju tal-Federazzjoni Russa li kisret l-impenji tagħha billi okkupat parti mit-territorju tal-Ukraina (il-Krimea) u billi nediet aggressjoni armata fil-Lvant tal-Ukraina; billi dan ħoloq preċedent perikoluż, billi stat li kien iggarantixxa s-sigurtà tal-Ukraina b’reazzjoni għad-deċiżjoni ta’ dak il-pajjiż li jissieħeb mat-TNP bħala stat mingħajr armi nukleari, kiser is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina u wettaq ħsara b’mod ġenerali lill-istrument ta' assigurazzjonijiet negattivi tas-sigurtà pprovduti mill-istat li għandu armi nukleari u mmina l-kredibilità tiegħu, kif ukoll għamel ħsara lit-TNP u lill-idea ta' promozzjoni tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni nukleari globali abbażi tad-dritt internazzjonali u tat-trattati multilaterali;

R.  billi rapporti tal-midja li r-Russja qed tuża jew biħsiebha tuża f’Kaliningrad missili ta’ medda qasira Iskander li għandhom kapaċità nukleari, eżerċizzji u titjiriet li jgħaddu minn fuq li jinvolvu sistemi ta’ kapaċità nukleari, dikjarazzjonijiet mit-tmexxija Russa dwar l-importanza tad-deterrenza nukleari u d-deċiżjoni tar-Russja li tissospendi l-Ftehim dwar id-Dispożizzjoni u l-Ġestjoni tal-Plutonju konkluż mal-Istati Uniti fis-sena 2000, aggravaw it-tħassib dwar dipendenza akbar fuq armi nukleari mir-Russja;

S.  billi l-UE twettaq rwol importanti bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt maqbul mal-Iran, kif ukoll minħabba r-rwol tagħha bħala membru sħiħ tal-Kummissjoni Konġunta li timmonitorja l-implimentazzjoni tal-ftehim;

T.  billi fid-9 ta' Settembru 2016 ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) wettqet il-ħames test nukleari tagħha, tmien xhur biss wara t-test tas-6 ta' Jannar 2016, li d-DPRK sejħitlu "prova ta' bomba tal-idroġenu li rnexxiet”, bi ksur ċar tal-obbligi internazzjonali tagħha fl-ambitu tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tad-dikjarazzjoni inter-Koreana tal-1992, li tgħid li ż-żewġ repubbliki Koreani mhux se jiżviluppaw jew jaħżnu armi nukleari; billi l-proliferazzjoni ta' kwalunkwe tip ta' AQM, iżda b’mod partikolari l-armi nukleari u l-mezzi ta' forniment tagħhom, jirrappreżentaw theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi r-RDPK ħabbret l-irtirar tagħha mit-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) fl-2003, u ilha twettaq provi nukleari sa mill-2006, u fl-2009 iddikjarat uffiċjalment li kienet żviluppat arma nukleari għal fini ta' deterrenza, li jfisser li issa kibret it-theddida li jirrappreżenta dan il-pajjiż għall-ġirien tiegħu fil-Grigal tal-Asja u għall-paċi u s-sigurtà reġjonali u internazzjonali;

U.  billi l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà tal-2003 ddikjarat li l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva hi potenzjalment l-akbar theddida għas-sigurtà tagħna, inkluża l-possibbiltà ta' tellieqa għall-AQM, u billi l-UE hi impenjata biex tikseb aderenza universali mas-sistemi ta' trattati multilaterali, u kif ukoll biex issaħħaħ it-trattati u d-dispożizzjonijiet ta' verifika tagħhom; billi l-Istrateġija Globali tal-2016 tal-UE tħalli barra kwalunkwe diskors dwar l-AQM, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi;

V.  billi l-UE, fit-tħejjija għall-Konferenza għar-reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni (TNP), sfortunatament ma setgħetx taqbel dwar pożizzjoni konġunta dwar id-diżarm nukleari, filwaqt li rrikonoxxiet għall-ewwel darba li kienu espressi "fehmiet differenti" dwar il-konsegwenzi tal-armi nukleari; billi l-konferenza ma rnexxilhiex tadotta dokument finali minħabba nuqqas ta' qbil dwar sforzi reġjonali li jridu jsiru biex tinħoloq żona ħielsa mill-AQM fil-Lvant Nofsani;

W.  billi huwa importanti li l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċess internazzjonali jiġi appoġġjat u msaħħaħ b'mod trasparenti;

X.  billi l-UE impenjat ruħha biex tagħmel użu mill-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi, twaqqaf u, fejn possibbli, telimina l-programmi ta' proliferazzjoni li qed joħolqu tħassib fil-livell globali, kif espress b'mod ċar fl-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003, u billi l-UE żgurat kooperazzjoni iktar fil-fond ta' think tanks Ewropej kontra l-proliferazzjoni bħala parti mill-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni;

1.  Jinsab ferm imħasseb dwar id-deterjorament tas-sigurtà reġjonali u internazzjonali, dwar il-fatt li reġgħu tfaċċaw l-armi nukleari f'dak il-kuntest u dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' miżuri ta' diżarm u nonproliferazzjoni;

2.  Jitlob lill-istati kollha li għandhom armi nukleari jieħdu miżuri provviżorji konkreti ħalli jnaqqsu r-riskju ta' splużjonijiet ta' armi nukleari, inkluż it-tnaqqis tal-istatus operazzjonali tal-armi nukleari kif ukoll sabiex l-armi nukleari jitneħħew mill-istadju ta' mobilizzazzjoni u jinħażnu, filwaqt li jnaqqsu r-rwol tal-armi nukleari fid-duttrini militari u jirriduċu fil-pront kull tip ta' armi nukleari;

3.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar iż-żieda fit-theddid nukleari minħabba l-attitudni Russa, b'implikazzjonijiet għas-sigurtà, l-istabilità u l-prevedibilità f'livell globali, u dwar ir-relazzjoni man-NATO li sejra għall-agħar, inklużi l-vjolazzjonijiet potenzjali tat-Trattat dwar il-Forzi Nukleari fuq Distanza Intermedja (INF), kif ukoll stqarrijiet li jindikaw li hija dejjem aktar lesta li tuża l-armi nukleari u li qed tikkunsidra li potenzjalment tibgħat armi nukleari f'territorji oħra fl-Ewropa; ifakkar li l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ddeċidiet, f'opinjoni ta' konsulenza tagħha tal-1996 li, skont id-dritt internazzjonali attwali, hija ma setgħetx "tilħaq konklużjoni definittiva dwar il-legalità jew l-illegalità tal-użu ta' armi nukleari minn Stat f'ċirkostanza estrema ta' awtodifiża";

4.  Jappoġġa s-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari tal-2016, filwaqt li jirrikonoxxi li l-kummerċ mhux awtorizzat u l-użu ta' materjal nukleari huwa theddida immedjata u serja għas-sigurtà globali, u jittama li tintlaħaq sistema kompleta ta' traċċar li fiha jkun fiżikament żgurat il-materjal kollu li jista' jintuża għall-armi;

5.  Jilqa' t-tlestija tal-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU (OEWG) li indirizza negozjati ta' diżarm nukleari multilaterali, skont ir-Riżoluzzjoni A/RES/70/33 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti; jilqa' r-rakkomandazzjoni lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li tinsab fir-rapport finali tal-OEWG (A/71/371) u li ġiet adottata b'appoġġ wiesa' fid-19 ta' Awwissu 2016, biex tlaqqa' konferenza fl-2017, miftuħa għall-Istati kollha, sabiex jiġi negozjat strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi l-armi nukleari u li jwassal għall-eliminazzjoni totali tagħhom; jirrikonoxxi li dan ser isaħħaħ l-objettivi u l-obbligi tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm inklużi fit-TNP kif ukoll jgħin biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal sigurtà globali u għal dinja mingħajr armi nukleari;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw it-tlaqqigħ ta' din il-konferenza fl-2017 u biex jipparteċipaw b'mod kostruttiv fil-proċedimenti tagħha, u jistieden lill-VP/RGħ Federica Mogherini u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jikkontribwixxu b'mod kostruttiv għall-proċedimenti tal-konferenza ta' negozjati tal-2017;

7.  Ifakkar l-20 anniversarju mill-ftuħ għall-iffirmar tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT) fit-23 ta' Settembru 1996, u jissottolinja li trattat ta' projbizzjoni ta' provi realment verifikabbli b'mod universali u internazzjonali hu l-aktar mod effettiv ta' projbizzjoni ta' splużjonijiet waqt provi ta' armi nukleari u ta' kwalunkwe splużjoni nukleari oħra;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati li fadal, elenkati fl-Anness II tat-Trattat, li teħtieġ ir-ratifika tagħhom għad-dħul fis-seħħ tiegħu, biex jiffirmaw u/jew jirratifikaw it-Trattat b'sens ġdid ta' urġenza bil-għan li dan l-istrument internazzjonali kruċjali jkollu effett ġuridiku sħiħ mingħajr aktar dewmien; jilqa' f'dan ir-rigward l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tar-Riżoluzzjoni 2310 (2016);

9.  Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-progress sinifikanti li sar mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBT fl-ikkompletar u l-operar tas-Sistema ta' Monitoraġġ Internazzjonali effettiva tagħha, li, anke mingħajr id-dħul fis-seħħ tat-Trattat, qed tikkontribwixxi għall-istabilità reġjonali bħala miżura sinifikanti ta' bini ta' fiduċja, issaħħaħ is-sistema ta' nonproliferazzjoni u diżarm u twassal benefiċċji ċivili u xjentifiċi addizzjonali għall-istati; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li biex jitkompla l-operat tas-sistema ta' monitoraġġ, il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO se tkompli sserraħ fuq il-kontribuzzjonijiet ta' finanzjament tal-Istati;

10.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja t-tama għall-kuntrarju, l-armi nukleari qed jirritornaw għall-ippjanar strateġiku tal-istati li għandhom armi nukleari; jitlob li jkun hemm approfondiment tad-djalogu mal-istati kollha li għandhom l-armi nukleari bil-ħsieb li tiġi segwita aġenda komuni li jkollha l-għan li tnaqqas progressivament il-ħażna ta' testati nukleari; jappoġġa, b'mod partikolari, il-miżuri meħuda mill-Istati Uniti u r-Russja biex inaqqsu l-armi nukleari skjerati tagħhom kif miftiehem fit-Trattat il-ġdid START;

11.  Jiddeplora l-assenza, minn meta daħal fis-seħħ l-iSTART il-ġdid fl-2011, ta' negozjar ulterjuri dwar it-tnaqqis meħtieġ b'mod urġenti ta' testati nukleari skjerati u maħżuna, inkluż, kif miftiehem minn qabel mill-Istati Uniti u r-Russja, ta' miżuri li jnaqqsu u jeliminaw armi nukleari ta' medda qasira u tattiċi meqjusa bħala armi nukleari substrateġici jew mhux strateġiċi;

12.  Jirrikonoxxi li t-tneħħija ta' testati ta' armi nukleari ta' medda qasira, tattiċi u dawk maħsuba bħala substrateġiċi mit-territorju Ewropew tista' tikkontribwixxi b'mod pożittiv biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-bini ta' żoni ħielsa minn aktar armamenti nukleari, u b'hekk jingħata kontribut biex jiġu sodisfatti l-obbligi ta' nonproliferazzjoni u diżarm li hemm fit-TPN u, fl-istess waqt, dan iservi ta' preċedent għal diżarm nukleari ulterjuri;

13.  Jirrakkomanda li jiġu stabbiliti żoni ħielsa mill-armi nukleari bħala pass pożittiv lejn dinja ħielsa mill-armi nukleari; hu tal-fehma, f'dan ir-rigward, li żona ħielsa mill-armi nukleari fil-Lvant Nofsani tkun ta' importanza fundamentali biex tinkiseb paċi dejjiema u komprensiva fir-reġjun; jesprimi, f'dan il-kuntest, diżappunt serju dwar il-fatt li ma nżammitx il-konferenza fl-2012 mitluba mit-TNP dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-AQM fil-Lvant Nofsani;

14.  Jappoġġa aktar sforzi biex jissaħħaħ il-mandat tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), inklużi l-ġeneralizzazzjoni tal-Protokolli Addizzjonali għall-Ftehimiet dwar is-Salvagwardji tal-IAEA u passi oħra mfasslin biex jiżviluppaw miżuri li jibnu l-fiduċja; ifittex li jiżgura li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli għal din l-organizzazzjoni sabiex tkun tista' taqdi l-mandat kruċjali tagħha biex l-attivitajiet nukleari jsiru sikuri; jitlob li jsir progress fil-Kumitat Preparatorju tat-TNP tal-2017 li jmiss u l-Konferenza ta' Livell Għoli dwar id-Diżarm Nukleari tal-2018;

15.  Jemmen li l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), magħruf ukoll bħala l-Ftehim Nukleari mal-Iran, kien riżultat notevoli għad-diplomazija multilaterali, u partikolarment għad-diplomazija Ewropea, li għandu jippermetti mhux biss titjib sostanzjali fir-relazzjonijiet UE-Iran, iżda wkoll il-promozzjoni tal-istabilità fir-reġjun kollu kemm hu; jemmen li issa l-partijiet kollha huma responsabbli biex jiżguraw implimentazzjoni rigoruża u sħiħa tiegħu; jilqa' favorevolment it-twaqqif tal-Kummissjoni Konġunta, magħmula minn rappreżentanti tal-Iran u tal-grupp E3/UE+3 (iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti) flimkien mal-VP/RGħ); jappoġġa bis-sħiħ lill-VP/RGħ fir-rwol tagħha ta' koordinatur tal-Kummissjoni Konġunta fl-ambitu tal-PAKK, u jemmen li l-implimentazzjoni rigoruża u sħiħa tal-PAKK tibqa' ta' importanza enormi;

16.  Jikkundanna l-aħħar testijiet nukleari li saru mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) u r-rifjut minn dak il-pajjiż li jaċċetta diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża l-aktar waħda reċenti tat-2 ta' Marzu 2016 (2070); iħeġġeġ lir-RDPK żżomm lura minn azzjonijiet provokattivi ulterjuri billi tabbanduna l-programmi nukleari u tal-missili ballistiċi tagħha b'mod komplet, verifikabbli u irreversibbli, twaqqaf l-attivitajiet relatati kollha u tikkonforma immedjatament mal-obbligi internazzjonali kollha tagħha, inklużi r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Bord ta' Gvernaturi tal-IAEA kif ukoll ta' normi oħra internazzjonali tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni u terġa' lura għall-mejda tan-negozjati; jistieden lir-RDPK tiffirma u tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT) mingħajr dewmien; jafferma x-xewqa tiegħu għal soluzzjoni diplomatika u politika għall-kwistjoni nukleari tar-RDPK; iħeġġeġ liċ-Ċina tagħmel iktar pressjoni fuq ir-RDPK;

17.  Jilqa' l-inklużjoni ta' klawsoli dwar in-nonproliferazzjoni tal-AQM fil-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi u fil-pjanijiet ta' azzjoni; jirrimarka li miżuri bħal dawn għandhom jiġu implimentati mill-pajjiżi kollha sħab tal-UE mingħajr eċċezzjoni;

18.  Jilqa' l-preżentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE u jħeġġeġ lis-SEAE biex, bħala miżura ta' segwitu, jaġġorna u jespandi l-Istrateġija tal-UE tal-2003 kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-Linji ta' Azzjoni Ġodda tal-2009, filwaqt li jqis il-kwistjonijiet u l-problemi deskritti hawn fuq, bil-ħsieb li jagħmel l-UE forza li tixpruna t-tisħiħ u l-progress fi ftehimiet multilaterali ta' diżarm nukleari u nonproliferazzjoni;

19.  Jilqa' l-impenji regolari rigward dawn it-temi permezz tal-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni u ma' organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili u think tanks, u jistieden lill-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni biex iwessa' l-aġenda tiegħu u jinkludi kunsiderazzjonijiet ta' diżarm fuq bażi ugwali;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għall-Affarijiet tad-Diżarm, lill-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari u lid-Direttur Ġenerali tal-IAEA.