Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1132/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1132/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI  on nuclear security and non-proliferation

19.10.2016 - (2016/2936(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Urmas Paet, Petras Auštrevičius, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Fredrick Federley, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Javier Nart, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Pavel Telička, Hilde Vautmansċ f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1122/2016

Proċedura : 2016/2936(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1132/2016
Testi mressqa :
B8-1132/2016
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-1132/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari

(2016/2936(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni rigward żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani[2],

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–  wara li kkunsidra n-nuqqas ta' ftehim dwar Dokument Finali fil-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (8079/15),

–  wara li kkunsidra d-dokumenti adottati fir-rebbiegħa tal-2016 matul is-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari f'Washington,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2310 (2016) fl-20 anniversarju tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali tal-Provi Nukleari (CTBT),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Tbilisi tal-1977, li ġiet adottata b'kunsens mill-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-G7 tal-11 ta' April 2016 dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm maħruġa f'Hiroshima, fil-Ġappun,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari fir-reġjun tal-Lvant Nofsani (A/RES/66/61),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/422/PESK tat-23 ta' Lulju 2012 li tappoġġa proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta' distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani[3],

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/70/33 tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar it-tkomplija tad-diżarm nukleari multilaterali, u r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma miftuħ (OEWG) lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li ġie adottat fid-19 ta' Awwissu 2016 (A/71/371),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ambjent tas-sigurtà fil-viċinat tal-Unjoni Ewropea ddeterjora b'mod konsiderevoli u sar anqas prevedibbli; jinnota li n-natura tat-theddid huwa kemm konvenzjonali kif ukoll mhux konvenzjonali u huma maħluqa kemm minn atturi reġjonali u globali statali kif ukoll dawk mhux statali;

B.  billi l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali qed jiġu mhedda b'mod serju minn diversi żviluppi, inkluż relazzjonijiet li qed jiddeterjoraw bejn l-Istati li għandhom armi nukleari bħall-Federazzjoni Russa, l-Istati Uniti, l-Indja, il-Pakistan u l-Iżrael, u l-iżvilupp ulterjuri ta' kapaċitajiet nukleari mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK);

C.  billi l-proliferazzjoni ta' forom ta' armi ta' qerda massiva (AQM) qed tkun imminimizzata u progressivament mwaqqfa permezz ta' applikazzjoni internazzjonali effikaċi tal-projbizzjoni u tal-obligazzjonijiet inklużi fil-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC) tal-1972 u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC); billi, madankollu, il-proliferazzjoni tal-AQM nukleari u l-mod kif jiġu fornuti jibqgħu kwistjoni ta' tħassib mill-aktar serja għall-komunità internazzjonali;

D.  billi minn Jannar 2016 disa' Stati – l-Istati Uniti, ir-Russja, ir-Renju Unit, Franza, iċ-Ċina, l-Indja, il-Pakistan, l-Iżrael u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea – kellhom total ta' madwar 15 395 arma nukleari, meta mqabbla ma' xi 15 850 fl-2015;

E.  billi l-prevenzjoni ta' kisba jew użu minn terroristi jew minn stati oħrajn ta' armi nukleari, kif ukoll it-tnaqqis u l-eliminazzjoni tal-arsenali nukleari kollha u l-progress lejn dinja mingħajr armi nukleari huma prijorità;

F.  billi ma sar l-ebda progress dwar passi konkreti lejn id-diżarm nukleari kif miftiehem fil-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2010; billi l-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT 2010 ġibdet l-attenzjoni fuq l-impatt umanitarju tal-armi nukleari;

G.  billi għandha tkompli tingħata prijorità għal aktar tisħieħ tal-objettivi ta' nonproliferazzjoni u diżarm ewlenin tat-tliet pilastri tat-TNP, jiġifieri partikolarment, in-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-kooperazzjoni dwar l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari;

H.  billi l-istati li għandhom armi nukleari u li huma firmatarji tat-TNP qegħdin jimmodernizzaw u jsaħħu l-arsenali ta' armi nukleari tagħhom u qegħdin itawlu t-teħid ta' azzjoni biex inaqqsu u jeliminaw l-arsenali nukleari tagħhom u biex inaqqsu l-aderenza tagħhom għal duttrina militari ta' deterrent nukleari;

I.  billi r-Russja u l-Istati Uniti jkomplu jimplimentaw it-Trattat il-Ġdid dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START) li se jiskadi fl-2021; billi l-proposta formali tal-Istati Uniti biex timpenja ruħha f'negozjati suċċessivi għat-Trattat START il-ġdid ma ġietx reċiprokata mill-Federazzjoni Russa, u li s'issa ma kien hemm ebda tkomplija fuq it-trattat START il-ġdid biex jiġi indirizzat it-tnaqqis f'armi nukleari mhux strateġiċi kif ukoll dawk strateġiċi bil-għan li dawn jiġu eliminati;

J.  billi l-isplużjonijiet tat-testijiet tal-armi nukleari u/jew kwalunkwe splużjoni nukleari oħra jirrappreżentaw theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, u jxekklu r-reġim tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni nukleari globali; billi t-trattat dwar il-projbizzjoni tat-testijiet huwa l-iktar mod effettiv li bih jiġu pprojbiti testijiet bl-armi nukleari u ta' kwalunkwe detonazzjoni nukleari; billi l-2016 tirrappreżenta l-20 anniversarju mill-ftuħ għall-iffirmar tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (TPTP) fl-24 ta' Settembru 1996;

K.  billi, minkejja l-isforzi kollha biex titlaqqa' l-Konferenza dwar l-istabbiliment ta' żona tal-Lvant Nofsani ħielsa mill-armi nukleari u l-armi l-oħrajn kollha ta' qerda massiva sa Diċembru 2012, skont il-ftehimiet ta' kunsens tal-Istati Kontraenti tat-TNP fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010, din għadha ma seħħitx;

L.  billi s-sikurezza u s-sigurtà tal-armi nukleari tal-Istati Uniti skjerati fit-Turkija ġew taħt skrutinju akbar bħala konsegwenza tal-kunflitt armat fis-Sirja;

M.  billi l-ftehimiet dwar il-kontroll tal-armi u n-nonproliferazzjoni huma parti importanti mis-sistema ta' sigurtà tal-Ewropa ta' wara l-Gwerra Bierda, li issa qed tidher dejjem iżjed fraġli minħabba l-aggressjoni Russa fl-Ukraina;

N.  billi l-5 ta' Diċembru 2015 mmarkat l-20 anniversarju tal-iffirmar tal-Memorandum ta' Budapest; billi l-Ukraina rrispettat id-dispożizzjonijiet kollha tagħha u ħadet pożizzjonijiet proattivi dwar il-kwistjonijiet tad-diżarm nukleari u tan-nonproliferazzjoni nukleari, għall-kuntrarju tal-Federazzjoni Russa li kisret l-impenji tagħha billi okkupat parti mit-territorju tal-Ukraina (il-Krimea) u billi nediet aggressjoni armata fil-Lvant tal-Ukraina; billi din is-sitwazzjoni ħolqot preċedent perikoluż fejn Stat li kien iggarantixxa s-sigurtà tal-Ukraina bħala reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Ukraina biex jissieħeb fit-TNP bħala Stat li m'għandux armi nukleari, kisret is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina u pperikolat u għamlet ħsara serja mhux biss lill-kredibilità tal-istrument kollu, iżda wkoll l-assigurazzjonijiet negattivi tas-sigurtà pprovduti mill-istat li għandu armi nukleari, kif ukoll it-TNP innifsu u l-idea li jiġu promossi d-diżarm u n-nonproliferazzjoni nukleari globali abbażi tad-dritt internazzjonali u tat-trattati multilaterali;

O.  billi r-Russja skjerat missili b'kapaċità nukleari Iskander ta' medda qasira lejn Kaliningrad biex twettaq eżerċizzji u titjiriet li jinvolvu sistemi b'kapaċità nukleari, u billi d-deċiżjoni tar-Russja li tissospendi l-Ftehim dwar id-Dispożizzjoni u l-Ġestjoni tal-Plutonju konkluż mal-Istati Uniti fis-sena 2000, aggravat it-tħassib dwar dipendenza akbar fuq armi nukleari mir-Russja;

P.  billi, bħala parti tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt maqbul mal-Iran, kif ukoll minħabba r-rwol tagħha bħala membru sħiħ tal-Kummissjoni Konġunta, l-UE tiżvolġi rwol importanti fis-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-ftehim;

Q.  billi fid-9 ta' Settembru 2016, ir-RDPK wettqet il-ħames prova nukleari tagħha ftit xhur biss wara t-test tas-6 ta' Jannar 2016; billi dan it-test, li r-RDPK allegat li kienet "prova ta' bomba tal-idroġenu li rnexxiet", b'mod ċar jikser l-obbligi internazzjonali tagħha fl-ambitu tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-1992 tal-Korea ta' Isfel u tal-Korea ta' Fuq dwar id-Denuklearizzazzjoni tal-Peniżola Koreana, li tiddikjara li ż-żewġ pajjiżi mhux se jiżviluppaw jew iżommu armi nukleari; billi l-proliferazzjoni ta' kwalunkwe tip ta' AQM, u b'mod partikolari l-armi nukleari u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom, jirrappreżentaw theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi r-RDPK ħabbret l-irtirar tagħha mit-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) fl-2003, u ilha twettaq provi nukleari sa mill-2006 u li fl-2009 iddikjarat uffiċjalment li kienet żviluppat arma nukleari għal finijiet ta' dissważjoni, li jfisser li issa amplifikat it-theddida tagħha għall-ġirien tagħha fl-Asja tal-Grigal, u għall-paċi u s-sigurtà reġjonali u internazzjonali;

R.  billi l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà tal-2003 ddikjarat li l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva hi potenzjalment l-akbar theddida għas-sigurtà tagħna, inkluża l-possibbiltà ta' tellieqa għall-armi ta' qerda massiva, u billi l-UE hi impenjata biex tikseb aderenza universali mas-sistemi ta' trattati multilaterali, u kif ukoll biex issaħħaħ it-trattati u d-dispożizzjonijiet ta' verifika tagħhom; billi l-Istrateġija Globali tal-2016 tal-UE tħalli barra kwalunkwe diskors dwar l-AQM, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi;

S.  billi, sfortunatament, l-UE, bi tħejjija għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT 2015, ma setgħetx taqbel fuq pożizzjoni komuni dwar id-diżarm nukleari, filwaqt li tirrikonoxxi għall-ewwel darba li kienu qed jiġu espressi "fehmiet differenti" dwar il-konsegwenzi li żżomm armi nukleari, u li l-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT 2015 ma setgħetx tadotta Dokument Finali bħala riżultat ta' nuqqas ta' qbil dwar sforzi reġjonali biex tinħoloq żona ħielsa mill-AQM fil-Lvant Nofsani;

T.  billi l-UE impenjat ruħha li tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tevita, tiskoraġġixxi, twaqqaf u, jekk ikun possibbli, telimina l-programmi ta' proliferazzjoni li qed joħolqu tħassib fil-livell dinji, kif inhu espress b'mod ċar fl-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-AQM, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003;

1.  Jinsab ferm imħasseb dwar id-deterjorazzjoni tas-sigurtà reġjonali u internazzjonali, dwar il-fatt li reġa' spunta r-rwol tal-armi nukleari f'dak il-kuntest u dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' miżuri ta' diżarm u non-proliferazzjoni;

2.  Jitlob lill-istati kollha li għandhom armi nukleari biex jieħdu miżuri provviżorji konkreti ħalli jnaqqsu r-riskju ta' splużjonijiet ta' armi nukleari, inkluż it-tnaqqis tal-istatus operazzjonali tal-armi nukleari kif ukoll sabiex l-armi nukleari jitneħħew mill-istadju ta' mobilizzazzjoni u jinħażnu, filwaqt li jnaqqsu r-rwol tal-armi nukleari fid-duttrini militari u jirriduċu fil-pront kull tip ta' armi nukleari;

3.  Jesprimi tħassib serju dwar il-ksur potenzjali tat-Trattat dwar Forzi Nukleari ta' Medda Medja (INF);

4.  Jappoġġa s-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari tal-2016, filwaqt li jirrikonoxxi li l-kummerċ mhux awtorizzat u l-użu ta' materjal nukleari huwa theddida immedjata u serja għas-sigurtà globali, u jittama li tintlaħaq sistema kompleta ta' traċċar li fiha jkun fiżikament żgurat il-materjal kollu li jista' jintuża għall-armi;

5.  Jilqa' t-tlestija tal-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma miftuħ tan-NU (OEWG) li indirizza negozjati ta' diżarm nukleari multilaterali, skont ir-Riżoluzzjoni A/RES/70/33 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU; jilqa' r-rakkomandazzjoni lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li tinsab fir-rapport finali tal-OEWG (A/71/371) u li ġiet adottata b'appoġġ wiesa' fid-19 ta' Awwissu 2016, biex tlaqqa' konferenza fl-2017, miftuħa għall-Istati kollha, sabiex jiġi negozjat strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi l-armi nukleari u li jwassal għall-eliminazzjoni totali tagħhom; jirrikonoxxi li dan ser isaħħaħ l-objettivi tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm u tal-obbligi inklużi fit-TNP kif ukoll jgħin biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal sigurtà globali u dinja mingħajr armi nukleari;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw it-tlaqqigħ ta' din il-konferenza fl-2017 u biex jipparteċipaw b'mod kostruttiv fil-proċedimenti tagħha, u jistieden lill-VP / RGħ Federica Mogherini u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jikkontribwixxu b'mod kostruttiv għall-proċedimenti tal-konferenza ta' negozjati tal-2017;

7.  Ifakkar l-20 anniversarju mill-ftuħ għall-iffirmar tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT) fit-23 ta' Settembru 1996, u jissottolinja li trattat ta' projbizzjoni ta' provi verifikabbli b'mod universali, internazzjonali u effettiv hu l-aktar mod effikaċi ta' projbizzjoni ta' splużjonijiet waqt provi ta' armi nukleari u ta' kwalunkwe splużjonijiet nukleari oħra;

8.  Iħeġġeġ lill-istati li fadal elenkati fl-Anness II tas-CTBT, li minnhom hija meħtieġa r-ratifika għad-dħul fis-seħħ tiegħu, biex jiffirmaw u/jew jirratifikaw is-CTBT b'urġenza sabiex dan l-istrument internazzjonali kruċjali jkollu effett ġuridiku sħiħ mingħajr aktar dewmien, u f'dan ir-rigward jilqa' l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2310 (2016);

9.  Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-progress sinifikanti li sar mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBT fl-ikkompletar u l-operat tas-Sistema ta' Monitoraġġ Internazzjonali effettiva tagħha, li, anke mingħajr id-dħul fis-seħħ tat-Trattat, tikkontribwixxi għall-istabilità reġjonali bħala miżura sinifikanti ta' bini tal-fiduċja, ta' tisħiħ tas-sistema ta' nonproliferazzjoni u diżarm u ta' twassil ta' benefiċċji ċivili u xjentifiċi addizzjonali għall-Istati; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li biex jitkompla l-operat tas-sistema ta' monitoraġġ, il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO sejra tkompli sserraħ fuq il-kontribuzzjonijiet ta' finanzjament tal-Istati;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati li għandhom armi nukleari biex iwaqqfu kwalunkwe ppjanar strateġiku futur ibbażat fuq l-użu ta' kapaċitajiet nukleari; jitlob li jkun hemm approfondiment tad-djalogu mal-istati kollha li għandhom l-armi nukleari bil-ħsieb li tiġi ppreżentata aġenda komuni li jkollha l-għan li tnaqqas progressivament il-ħażna ta' testati nukleari; jappoġġa, b'mod partikolari, il-miżuri meħuda mill-Istati Uniti u r-Russja biex inaqqsu l-armi nukleari skjerati tagħhom kif miftiehem fit-Trattat il-ġdid START;

11.  Jirrikonoxxi li t-tneħħija ta' testati ta' armi nukleari ta' medda qasira, tattiċi u dawk maħsuba bħala substrateġiċi mit-territorju Ewropew tista' tikkontribwixxi b'mod pożittiv biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-bini ta' żoni ħielsa minn aktar armamenti nukleari, u b'hekk jingħata kontribut biex jiġu sodisfatti l-obbligi ta' nonproliferazzjoni u diżarm li hemm fit-TPN u, fl-istess waqt, dan iservi ta' preċedent għal diżarm nukleari ulterjuri;

12.  Jirrakkomanda li jiġu stabbiliti żoni ħielsa mill-periklu nukleari bħala pass pożittiv lejn dinja ħielsa mill-periklu nukleari; hu tal-fehma, f'dan ir-rigward, li żona ħielsa mill-armi nukleari fil-Lvant Nofsani tkun ta' importanza fundamentali biex tinkiseb paċi dejjiema u komprensiva fir-reġjun; jesprimi, f'dan il-kuntest, diżappunt serju dwar il-fatt li ma nżammitx il-konferenza fl-2012 mitluba mit-TNP dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani;

13.  Jappoġġa aktar sforzi biex jissaħħaħ il-mandat tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), inklużi l-ġeneralizzazzjoni tal-Protokolli Addizzjonali għall-Ftehimiet dwar is-Salvagwardji tal-IAEA u passi oħra mfasslin biex jiżviluppaw miżuri li jsaħħu l-fiduċja;

14.  Jemmen li l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), magħruf ukoll bħala l-Ftehim Nukleari mal-Iran, kien riżultat notevoli għad-diplomazija multilaterali, u partikolarment għad-diplomazija Ewropea, li għandu jippermetti mhux biss titjib sostanzjali fir-relazzjonijiet UE-Iran, iżda wkoll il-promozzjoni tal-istabbiltà fir-reġjun kollu kemm hu; jemmen li issa l-partijiet kollha huma responsabbli biex jiggarantixxu implimentazzjoni rigoruża u sħiħa tiegħu; jilqa' favorevolment it-twaqqif tal-Kummissjoni Konġunta, magħmula minn rappreżentanti tal-Iran u tal-grupp E3/UE+3 (iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Isati Uniti) flimkien mal-VP/RGħ); jappoġġa bis-sħiħ lill-VP / RGħ fir-rwol tagħha ta' koordinatur tal-Kummissjoni Konġunta fl-ambitu tal-PAKK, u jemmen li l-implimentazzjoni rigoruża u totali tal-PAKK tibqa' ta' importanza enormi;

15.  Jikkundanna l-aħħar testijiet nukleari li saru mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) u r-rifjut minn dak il-pajjiż li jaċċetta diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża l-aktar waħda reċenti tat-2 ta' Marzu 2016 (2070); iħeġġeġ lir-RDPK iżżomm lura minn azzjonijiet provokattivi ulterjuri billi tabbanduna l-programmi nukleari u tal-missili ballistiċi tagħha b'mod komplet, verifikabbli u irreversibbli, twaqqaf l-attivitajiet relatati kollha u tikkonforma immedjatament mal-obbligi internazzjonali tagħha kollha, inklużi r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Bord ta' Gvernaturi tal-IAEA kif ukoll ta' normi oħra internazzjonali tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni u terġa' lura għall-mejda tad-diskussjonijiet; jistieden lir-RDPK tiffirma u tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari mingħajr dewmien; jafferma x-xewqa tiegħu għal soluzzjoni diplomatika u politika għall-kwistjoni nukleari tar-RDPK; iħeġġeġ liċ-Ċina fir-rwol tagħha bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex tagħmel pressjoni konsistenti fuq l-RDPK;

16.  Jilqa' l-inklużjoni ta' klawsoli dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva fil-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi u fil-pjanijiet ta' azzjoni; jirrimarka li miżuri bħal dawn għandhom jiġu implimentati mill-pajjiżi kollha sħab tal-UE mingħajr eċċezzjoni;

17.  Jilqa' l-preżentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE u jħeġeġġ lis-SEAE biex, bħala miżura ta' segwitu, jaġġorna u jespandi l-Istrateġija tal-UE tal-2003 kontra l-proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (AQM) u l-Linji ta' Azzjoni Ġodda tal-2009, filwaqt li jqis il-kwistjonijiet u l-problemi deskritti hawn fuq, bil-ħsieb li jagħmel l-UE forza li tmexxi t-tisħiħ u l-progress fi ftehimiet multilaterali ta' diżarm nukleari u nonproliferazzjoni;

18.  Jilqa' l-impenji regolari ma' dawn it-temi permezz tal-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni u ma' organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili u think tanks, u jistieden lil Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni biex iwessa' l-aġenda tiegħu u jinkludu kunsiderazzjonijiet ta' diżarm fuq bażi ugwali;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għall-Affarijiet tad-Diżarm, lill-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari u lid-Direttur Ġenerali tal-IAEA.