MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija
24.10.2016 - (2016/2935(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Marine Le Pen, Edouard Ferrand, Mireille D’Ornano, Marcel de Graaff, Gerolf Annemans, Janice Atkinson, Harald Vilimsky, Jean-Luc Schaffhauser f'isem il-Grupp ENF
B8-1158/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni tal-libertà tal-istampa marret konsiderevolment għall-agħar matul dawn l-aħħar għaxar snin fit-Turkija; billi l-pajjiż ikklassifika fil-151 post fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-organizzazzjoni Reporters Mingħajr Fruntieri fl-2016, filwaqt li fl-2005 kien ikklassifika fit-98 post;
B. billi l-libertà tal-kelma u l-libertà tal-istampa huma elementi essenzjali u fundamentali ta' kwalunkwe demokrazija;
C. billi t-Turkija għadha pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE;
D. billi l-Gvern Tork qed jabbuża mill-istat ta' emerġenza u mill-attentat ta' kolp ta' stat fallut tal-15 ta' Lulju 2016 biex jillimita serjament il-libertà tal-kelma u l-libertà tal-midja;
E. billi, skont Reporters Mingħajr Fruntieri, 89 ġurnalist ġew arrestati matul l-ewwel sitt ġimgħat tal-istat ta' emerġenza, u 104 stabbilimenti tal-midja sfaw magħluqa, filwaqt li aktar minn 2 300 ġurnalist sussegwentement tilfu l-impjieg tagħhom u l-akkreditazzjoni tal-istampa ta' mill-anqas 330 ġurnalist ġiet revokata; billi għadd enormi ta' ġurnalisti oħrajn huma attwalment detenuti fiċ-ċelel ta' kustodja tal-pulizija, ġew arrestati u rilaxxati mingħajr akkuża, jew għadhom ma ġewx arrestati iżda nħareġ mandat ta' detenzjoni kontrihom;
F. billi każijiet numerużi u sistematiċi tal-libertà tal-istampa seħħew ukoll qabel l-attentat ta' kolp ta' stat fallut u l-istat ta' emerġenza sussegwenti; billi l-aktar magħrufa fost dawn il-każijiet huma l-investigazzjoni għal skopijiet ta' terroriżmu u spjunaġġ li saret f'Mejju 2015 fil-konfront tal-gazzetta Cumhuriyet talli ppubblikat filmat u rapport tal-aħbarijiet li juru trakkijiet b'tagħbija ta' armi ddestinati għall-ġiħadisti fis-Sirja, l-arrest tal-editur ta' din il-gazzetta Can Dunder u tal-ġurnalist Erden Gul f'Novembru, ir-rejd tal-pulizija fuq l-istazzjonijiet televiżivi u l-gazzetti tal-grupp tal-midja Ipek u t-tkeċċija tal-ġurnalisti ta' tali grupp f'Ottubru 2015, u l-akkwist tal-gazzetta Zaman mill-gvern f'Marzu 2016;
G. billi l-ġurnalisti mhumiex biss fil-mira ta' azzjonijiet governattivi jew ġudizzjarji, iżda jinsabu wkoll fil-mira tal-vjolenza tal-massa, bħal pereżempju l-attakk fuq il-gazzetta Hürriyet minn folla nies immexxija minn membru parlamentari tal-AKP f'Settembru 2015, u s-swat li qala' l-ġurnalist ta' Hürriyet, Ahmet Hakan, minn erbat irġiel;
H. billi l-ksur tal-libertajiet tal-midja fit-Turkija affettwaw ukoll iċ-ċittadini ta' pajjiżi Ewropej bħalma huma s-satirist Ġermaniż Jan Böhmermann u l-ġurnalist Netherlandiż Ebru Umar;
I. billi eluf ta' siti web bħalissa qed jiġu mblukkati fit-Turkija; billi, skont l-organizzazzjoni Human Rights Watch, l-awtoritajiet Torok kienu responsabbli għal kważi tliet kwarti tat-talbiet li tressqu minn madwar id-dinja lil Twitter biex ineħħi twittati u jimblokka kontijiet fl-ewwel sitt xhur tal-2015;
J. billi l-ksur tal-libertà tal-kelma u l-libertà tal-midja mhuwiex l-unika problema strutturali fit-Turkija; billi tali problemi jinkludu wkoll, fost l-oħrajn, it-trattament tal-gruppi reliġjużi u gruppi ta' minoranza oħra, ir-rifjut tar-rikonoxximent tar-Repubblika ta' Ċipru, u l-ambigwità fir-rigward tal-gruppi terroristiċi fis-Sirja u l-Iraq;
1. Jistieden lill-Gvern tat-Turkija biex jirrispetta l-kundizzjonijiet kollha tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt u biex iwaqqaf id-diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini fir-rigward tal-libertà tal-kelma u drittijiet fundamentali oħra;
2. Jistieden lill-Kunsill itemm in-negozjati dwar l-adeżjoni tat-Turkija mal-UE;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern tat-Turkija.