Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1159/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1159/2016

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul

    24.10.2016 - (2016/2956(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
    imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Arne Gericke, Anna Elżbieta Fotyga, Angel Dzhambazki, Notis Marias, Ruža Tomašić, Branislav Škripek f'isem il-Grupp ECR

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1159/2016

    Proċedura : 2016/2956(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B8-1159/2016
    Testi mressqa :
    B8-1159/2016
    Votazzjonijiet :
    Testi adottati :

    B8-1159/2016

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul

    (2016/2956(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014[1] u tas-17 ta' Lulju 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq[2],

    –  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin dwar l-Iraq, b'mod partikolari dawk tal-2016,

    –  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iraq,

    –  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

    –  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iraq hu firmatarju tiegħu,

    –  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2170 (2014) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU S-22/L.1 (2014),

    –  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin li ġew adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

    –  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Paċi u s-Sigurtà fl-Iraq, li saret f'Pariġi fil-15 ta' Settembru 2014,

    –  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi ippubblikati mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal fit-3 ta' Marzu 2015 dwar ir-rapporti perjodiċi kombinati (mit-tieni sar-raba' rapport perjodiku) tal-Iraq,

    –  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq,

    –  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll dawk dwar it-theddida tad-Da'esh,

    –  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2091(2016) 'Foreign fighters in Syria and Iraq' (dwar il-Ġellieda Barranin fis-Sirja u l-Iraq) adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fis-27 ta' Jannar 2016,

    –  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.  billi, skont l-istqarrija tal-Prim Ministru Iraqi Haider al-Abadi, l-operazzjoni biex tintrebaħ lura u tinħeles il-belt ta' Mosul minn taħt l-Istat Iżlamiku tal-Iraq u s-Sirja (ISIS) ġiet skjerata fis-16 ta' Ottubru 2016 , immexxija mill-forzi Iraqin bl-assistenza tal-forzi Kurdi, Brittaniċi, Franċiżi u tal-Istati Uniti;

    B.  billi Mosul hija t-tieni l-akbar belt fl-Iraq, u għandha importanza strateġika għall-pajjiż; billi r-reġjun kollu, inklużi l-Pjanura ta' Nineveh, Sinjar u Tal Afar, huwa ċentru ta' kummerċ ewlieni, mhux 'il bogħod mill-fruntieri tas-Sirja u tat-Turkija u qrib uħud mill-aktar bjar taż-żejt importanti tal-Iraq, u qrib il-pajpijiet taż-żejt li jservu lit-Turkija;

    C.  billi Mosul waqgħet taħt idejn il-forzi tal-ISIS fl-10 ta' Ġunju 2014, f'dak li huwa meqjus bħala l-aktar suċċess spettakolari tal-ISIS;

    D.  billi taħt il-kontroll tal-ISIS, il-belt saret post fejn aktar minn 2.5 miljun ruħ huma soġġetti għal atti ta' orrur, inklużi d-dekapitazzjoni fil-pubbliku, il-qtil ta' rġiel omosesswali li jitwaddbu mill-bjut għal isfel u l-priġunerija ta' rġiel mingħajr daqna u nisa li ma jilbsux ilbies Iżlamiku, bħalma hu l-burqa; billi, f'dawn l-aħħar sentejn, dan wassal għal eżodu tal-massa, u kkontribwixxa bil-kbir għall-kriżi ġenerali tar-rifuġjati, b'mijiet ta' eluf ta' nies li ħarbu mill-belt u li issa jinsabu spostati internament jew qed jgħixu f'pajjiżi barranin;

    E.  billi l-Iraq għandu popolazzjoni ta' 38 miljun ruħ, li 65 % minnhom huma Xiiti u 35 % huma Sunniti, u billi s-Sunniti jgħixu fin-naħa tal-Iraq li qiegħda fil-Majjistral ta' Bagdad; billi l-fruntieri etniċi u reliġjużi għadhom mhumiex definiti, u dan qed joħloq tilwim f'bosta żoni, inkluża l-belt ta' Mosul;

    F.  billi l-Insara tal-Iraq, li fl-2003 kienu 'l fuq minn 1.5 miljun, illum naqsu għal inqas minn 200 000-350 000, u ħafna minnhom jgħixu fil-faqar; billi l-preżenza tal-Insara u ta' minoranzi oħra fl-Iraq tradizzjonalment kellha importanza soċjali kbira u kkontribwiet b'mod sinifikanti għall-istabilità politika, u billi l-qerda ta' dawn il-minoranzi se tkompli tiddestabbilizza r-reġjun;

    G.  billi fuq il-post tfaċċaw u qegħdin jaħdmu l-forzi ta' awtodifiża Nsara, b'kooperazzjoni mal-armata tal-Iraq jew il-Peshmerga;

    H.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016, il-Parlament Ewropew irrikonoxxa li 'ISIS/Da'esh' "qed iwettaq ġenoċidju kontra l-Insara u l-Yazidi, u minoranzi reliġjużi u etniċi oħra, li ma jaqblux mal-interpretazzjoni tal-Iżlam tal-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh' ", u "li l-persekuzzjoni, l-atroċitajiet u d-delitti internazzjonali jammontaw għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità";

    I.  billi, fir-rigward tal-operazzjoni li għaddejja biex tintrebaħ lura Mosul, l-UNHCR wissa li, ladarba l-ġlieda tidħol fil-belt, huwa mistenni li jseħħ diżastru umanitarju u li aktar minn miljun ruħ jistgħu jiġu spostati minħabba l-offensiva;

    J.  billi, skont l-organizzazzjoni mhux governattiva bbażata fil-Kanada "The RINJ Foundation", li topera kliniki mediċi f'Mosul, il-każijiet ta' stupru fil-belt jagħtu evidenza ta' xejra ta' ġenoċidju u se jwasslu għal kundanna għal ġenoċidju kontra l-ISIS quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali, li hija tribunal internazzjonali permanenti għall-prosekuzzjoni ta' individwi għal stupru, ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u aggressjoni fi żminijiet ta' gwerra;

    K.  billi l-eżistenza ta' fdalijiet ta' mini tal-art, b'mod partikolari fil-Pjanura ta' Nineveh, għadha tikkostitwixxi kwistjoni u sfida sinifikanti għall-forzi lokali u internazzjonali;

    1.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għar-Repubblika tal-Iraq u l-Koalizzjoni internazzjonali kontra l-ISIL fl-isforzi tagħhom biex jeħilsu lill-belt ta' Mosul minn taħt l-ISIS; jappoġġa l-integrità territorjali tal-Iraq, b'mod partikolari r-reġjuni tat-Tramuntana tal-pajjiż;

    2.  Jisħaq fuq il-punt li l-kampanja militari li għaddejja bħalissa għal-liberazzjoni ta' Mosul għandha tosserva b'mod rigoruż id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    3.  Iħeġġeġ lill-Koalizzjoni internazzjonali kontra l-ISIL tagħmel kull sforz possibbli biex matul l-operazzjoni ta' liberazzjoni tal-belt tiddistingwi sew bejn il-popolazzjoni ċivili u l-ġellieda, bil-għan li tevita li jkun hemm vittmi fost il-popolazzjoni ċivili, speċjalment dawk li jintużaw bħala tarki umani, u jħeġġiġha tiffaċilita passaġġ sikur għal dawk li ma jridux joqogħdu fil-belt;

    4.  Jikkundanna bis-saħħa l-ksur sistematiku u mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi kommessi mit-terroristi tal-ISIS u gruppi ġiħadisti oħra fl-Iraq, b'mod partikolari f'Mosul, inklużi l-qtil tal-ostaġġi, kull forma ta' vjolenza kontra l-persuni abbażi tal-affiljazzjoni reliġjuża jew etnika tagħhom, u l-vjolenza kontra n-nisa u l-persuni LGBTI;

    5.  Jistieden lill-Iraq jiffirma l-Istatut ta' Ruma, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Iraqin, f'każ li ma jkunux jistgħu jiġġudikaw lill-kriminali tal-gwerra tal-ISIS fil-livell lokali, biex iressqu l-każijiet quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali kif permess skont l-Istatut;

    6.  Jisħaq li l-komunitajiet indiġeni tal-Iraq fir-reġjun – l-Insara, il-Yazidi, it-Turkmeni, u oħrajn – għandhom id-dritt li jgħixu ħajjithom f'ambjent sikur u mingħajr periklu fi ħdan l-istruttura federali tar-Repubblika tal-Iraq; jisħaq, għal darb'oħra, fuq il-fatt li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem;

    7.  Jemmen li l-awtodeterminazzjoni lokali tal-komunitajiet tal-Pjanura ta' Nineveh, b'mod partikolari tal-Insara, il-Yazidi, il-Mandjani u x-Shabak, tirrestawra u tħares id-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-popli indiġeni ta' dak ir-reġjun; jistieden lill-awtoritajiet Iraqin jagħtu setgħat delegati lill-minoranzi msemmija hawn fuq, kif previst mill-kostituzzjoni federali;

    8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet reġjonali u lill-komunità internazzjonali jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni umanitarja għar-rifuġjati minn Mosul u għar-ritorn eventwali tagħhom lejn il-belt, li naturalment jiddependi mill-istabilità tal-amministrazzjoni l-ġdida u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-belt; jenfasizza l-fatt li l-popli indiġeni u l-minoranzi tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar li jirritornaw lejn pajjiżhom għandhom jingħataw lura d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tagħhom, inklużi d-drittijiet ta' proprjetà tagħhom, li għandu jkollhom prijorità fuq kwalunkwe talba għad-drittijiet ta' proprjetà li ssir minn ħaddieħor;

    9.  Iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiżguraw li f'amministrazzjoni ġdida ta' Mosul ikun hemm rappreżentanza tal-minoranzi; jisħaq fuq id-dritt leġittimu li għandhom il-minoranzi biex jipparteċipaw fil-ħajja politika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet reġjonali u internazzjonali jiggarantixxu l-provvisti meħtieġa għall-forzi ta' awtodifiża Nsara bil-għan li jiżguraw li dawn ikunu jistgħu jkollhom rwol fil-liberazzjoni u l-protezzjoni fit-tul ta' pajjiżhom;

    10.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew jagħti prijorità lit-tneħħija tal-mini tal-art fir-reġjun, f'kooperazzjoni mal-kunsilli lokali li jirrappreżentaw lill-minoranzi, bil-għan li jgħin lir-rifuġjati jirritornaw id-dar;

    11.  Jemmen li l-liberazzjoni tal-belt ta' Mosul tista' tkun pass importanti lejn ir-rebħ tal-ġlieda kontra t-theddida mill-estremisti Iżlamiċi fir-reġjun kollu u lil hinn minnu, u barra minn hekk hija kruċjali biex jiġi miġġieled it-terroriżmu fl-UE, peress li l-avvanz ta' dan il-fenomenu fil-fatt jistimola r-radikalizzazzjoni mrawma internament;

    12.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li titkompla l-kampanja globali kontra l-ISIS/Da'esh bi strateġija fit-tul, inkluż il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;

    13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-gvernijiet u l-awtoritajiet tal-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fit-Tramuntana tal-Iraq, b'mod partikolari fil-liberazzjoni tal-belt ta' Mosul.