Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1160/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1160/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul

24.10.2016 - (2016/2956(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1159/2016

Proċedura : 2016/2956(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1160/2016
Testi mressqa :
B8-1160/2016
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-1160/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul

(2016/2956(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh'[1],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Iraq, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2299 (2016) u 2249 (2015) li jikkundannaw l-attakki terroristiċi reċenti mill-ISIS,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-forzi Iraqini u l-alleati tagħhom nedew offensiva kbira biex jieħdu lura l-belt ta' Mosul, li ttieħdet mill-ISIS f'Awwissu 2014; billi Mosul hija l-aħħar fortizza tal-ISIS fl-Iraq u belt strateġikament importanti għall-ISIS; billi filwaqt li ċ-ċifri huma inċerti, mhux inqas minn bejn 3 500 - 5 000 ġellied qed jiddefendu l-belt; billi l-offensiva hija partikolarment diffiċli peress li t-tattiki li jintużaw sikwit mill-ISIS jinkludu l-użu ta' bombi suwiċida, tagħmir splussiv improvizzat u karozzi bomba;

B.  billi l-offensiva għat-teħid lura ta' Mosul tista' tixkatta kriżi umanitarja kbira; billi l-popolazzjoni ċivili għandhom l-għażla impossibbli li jibqgħu fil-belt u jissograw li jkunu fil-mira, jinqabdu f'nofs il-ġlied jew jintużaw bħala tarki umani, jew inkella li jipprovaw jaħarbu minn qalb il-meded bil-mini, it-tiraturi tal-ISIS u l-punti ta' kontroll; billi n-NU qed tħejji għal operazzjoni kbira ta' salvataġġ umanitarju li għandha ssir wara l-liberazzjoni ta' Mosul;

C.  billi, fl-istess ħin, ir-rifuġjati li qed jippruvaw jaħarbu — b'mod partikolari s-Sunniti — jinsabu mħassba dwar il-preżenza tal-milizzji Xiiti li qed jieħdu sehem fl-operazzjoni; billi l-Forzi Popolari ta' Mobilizzazzjoni għandhom storja dokumentata sew ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-preżenza tagħhom fl-offensiva fuq il-belt ta' Mosul, fejn il-parti l-kbira tal-popolazzjoni hija Sunnita, qajmet il-biża' ta' azzjonijiet ta' tpattija kontra ċ-ċivili;

D.  billi t-tilwimiet mhux riżolti dwar il-fruntieri interni fit-Tramuntana tal-Iraq jistgħu jxekklu r-riabilitazzjoni taż-żona wara li tintemm il-battalja, jekk dawn ma jiġux indirizzati mill-atturi militari li qed jiġġieldu lill-ISIS u mill-komunità internazzjonali kollha kemm hi;

E.  billi l-Insara (Kaldej/Sirjaki/Assirjani), il-Yazidin, is-Sunniti u x-Xiiti Għarab, il-Kurdi, ix-Shabak, it-Turkmeni, il-Kaka' i u s-Sabjani-Mandjani dejjem għexu f'koeżistenza paċifika fil-Pjanura ta' Nineveh, f'Tal Afar u f'Sinjar qabel l-2003;

F.  billi l-mudell ta' kondiviżjoni tal-poter f'Mosul qabel ma l-ISIL ħadu l-poter f'idejhom fl-2014 altru li ma kienx perfett, iżda jirrappreżenta sistema li akkomodat u bbilanċjat l-interessi tal-minoranzi;

G.  billi l-UNHCR tikkalkula li aktar minn miljun persuna jaf jiġu spostati hekk kif l-operazzjoni ssegwi l-għan tagħha li tieħu lura l-belt, u l-maġġoranza kbira ta' dawn ir-rifuġjati huma Musulmani Sunniti, li ħafna minnhom iħossuhom maqtugħin mill-gvern Iraqin bi tmexxija Xiita f'Bagdad;

H.  billi l-istati kollha għandhom ir-responsabilità li jipproteġu l-popolazzjonijiet tagħhom mill-ġenoċidu, id-delitti tal-gwerra, it-tindif etniku u d-delitti kontra l-umanità;

I.  billi t-tensjonijiet bejn il-gvern Iraqi u t-Turkija żdiedu riċentement minħabba l-kamp militari ta' Basiqa fit-Tramuntana tal-Iraq u l-involviment possibbli ta' forzi Torok fil-ġlieda biex l-ISIS jitkeċċew minn Mosul, it-tieni l-akbar belt tal-pajjiż;

J.  billi fil-21 ta' Jannar 2014 il-Kunsill tal-Ministri tal-Iraq "qabel, fil-prinċipju, li d-distretti ta' Tuz Khurmatu, Fallujah u l-Pjanuri ta' Nineveh jinbidlu jsiru provinċji";

1.  Jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ tiegħu mal-popolazzjoni ċivili maqbuda f'Mosul; jikkundanna bil-qawwa l-abbużi mwettqa mill-ISIS fuq il-popolazzjoni ċivili u jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti li jissuġġerixxu li ċ-ċittadini jaf jintużaw bħala tarki umani waqt l-attakk;

2.  Ifakkar li l-awtoritajiet Iraqini jeħtiġilhom jieħdu passi konkreti sabiex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili waqt il-kampanja, fosthom billi jeżerċitaw kmand u kontroll effettivi fuq il-milizzji u billi jieħdu l-prekawzjonijiet kollha fattibbli biex jiġi evitat li jkun hemm vittmi ċivili u ksur tad-drittijiet tal-bniedem waqt l-attakk; jenfasizza li l-forzi fuq il-post iridu josservaw id-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem matul l-operazzjonijiet tagħhom;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Iraqini u l-atturi l-oħra kollha fuq il-post biex jiżguraw li ċ-ċivili li jkunu qed jaħarbu mill-ġlied jingħataw rotta sikura u l-appoġġ kollu possibbli, inkluż il-kenn u l-assistenza medika u umanitarja;

4.  Jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti li jiddokumentaw attakki ta' vendetta u diskriminazzjoni kontra Għarab Sunniti ssuspettati li jkunu kompliċi f'reati tal-IS; Ifakkar li hija r-responsabbiltà tal-gvern li jipproteġi ċ-ċittadini tiegħu, u li għandhom isiru kontrolli rigorużi biex ikun żgurat li kwalunkwe appoġġ jew materjal ipprovdut mill-Gvern Iraqi jew kwalunkwe attur involut fl-attakk ma jiffaċilitax l-abbużi;

5.  Jenfasizza l-importanza ta' Mosul għall-gruppi etniċi kollha fl-Iraq, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jaħdmu mal-partijiet rilevanti biex tiġi żgurata r-rappreżentanza tal-minoranzi f'amministrazzjoni ġdida Mosul;

6.  Jistieden lil setgħat reġjonali oħra biex ma jkomplux jindaħlu fl-affarijiet interni tal-Iraq mingħajr il-permess tal-Gvern tal-Iraq;

7.  Jenfasizza li r-rebħha fuq l-ISIL f'Mosul se tkun biss pass wieħed lejn ir-restawr ta' pajjiż fejn il-minoranzi jkunu jistgħu jgħixu fil-paċi ħdejn xulxin; iwissi li kwalunkwe bidla fil-kompożizzjoni etnika ta' Mosul tista' twassal għal kunflitti interni u reġjonali;

8.  Jistieden lill-UE u l-komunità internazzjonali biex taħdem mal-Gvern tal-Iraq u lill-Gvern Reġjonali Kurd biex jintlaħaq consensus f'Mosul u f'territorji oħra fejn hemm tilwim, bħal Kirkuk;

9.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għar-rikonoxximent ta' provinċja politikament, soċjalment u ekonomikament vijabbli u sostenibbli fil-Pjanura ta' Nineveh; jenfasizza l-importanza li n-nies jitqarrbu lejn xulxin biex jiddiskutu mudell ta' governanza għall-amministrazzjoni provinċjali futura li se tirrappreżenta l-gruppi u l-minoranzi kollha;

10.  Ifaħħar l-isforzi mill-Organizzazzjoni Hammurabi tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill Iraqi għad-Djalogu Interreliġjuż u l-Alleanza tal-Minoranzi Iraqini sabiex tissaħħaħ il-vuċi tal-minoranzi ta' Nineveh, sabiex titqajjem aktar il-kuxjenza pubblika dwar is-sitwazzjoni traġika tagħhom u sabiex isemmgħu leħinhom ma' dawk li jieħu d-deċiżjonijiet fil-pajjiż;

11.  Jistieden lill-Parlament Iraqi biex jaħdem fuq leġiżlazzjoni ġdida biex jipproteġi l-minoranzi u biex jirriforma l-kurrikulu edukattiv sabiex id-diversità fil-pajjiż tkun ċelebrata u jiġi stimulat ir-rispett lejha;

12.  Jistieden lill-komunità internazzjonali, inkluża l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex tiżgura l-kundizzjonijiet ta' sigurtà u prospetti meħtieġa għal dawk kollha li ġew imġiegħla jitilqu minn arthom jew li ġew spostati b'mod furzat, biex jagħmlu effettiv id-dritt tagħhom li jirritornaw lejn pajjiżhom malajr kemm jista' jkun, biex jippreservaw id-djar, l-art, il-proprjetà u l-proprjetà personali tagħhom, kif ukoll is-siti reliġjużi u kulturali tagħhom, u li jagħtuhom l-opportunità li jgawdu ħajja u futur dinjitużi;

13.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, lin-NU u lill-komunità internazzjonali b'mod ġenerali biex jaħdmu mal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tar-Repubblika tal-Iraq u mal-atturi nazzjonali u internazzjonali rilevanti kollha biex jissorveljaw ir-rintegrazzjoni paċifika tal-popli indiġeni spostati; jenfasizza li l-UE għandha tieħu l-inizjattiva f'dan il-proċess sabiex jiġi żgurat li l-minoranzi se jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet leġittimi tagħhom; jistieden lill-UE tipprovdi għajnuna lill-bliet meħuda lura mingħand l-ISIS u biex taħdem mar-rappreżentanti tal-minoranzi fuq il-ġestjoni effettiva ta' din l-għajnuna;

14.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipprovdu mezzi biex jitneħħew il-mini minn żoni li qabel kienu okkupati mill-ISIS/Da'esh u biex jaħdmu f'kooperazzjoni mal-kunsilli lokali li jirrappreżentaw il-minoranzi bl-għan li jiżguraw koordinazzjoni li tiffunzjona u jiġi evitat dewmien li jfixkel ir-ritorn tar-rifuġjati u l-IDPs;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-gvernijiet u l-awtoritajiet tal-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fit-Tramuntana tal-Iraq, partikolarment fil-liberazzjoni tal-belt ta' Mosul.