Proċedura : 2016/2956(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1161/2016

Testi mressqa :

B8-1161/2016

Dibattiti :

PV 26/10/2016 - 12
CRE 26/10/2016 - 12

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0422

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 431kWORD 87k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1159/2016
24.10.2016
PE593.587v01-00
 
B8-1161/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul (2016/2956(RSP))


Enrique Guerrero Salom, Elena Valenciano, Pier Antonio Panzeri, Ana Gomes, Clara Eugenia Aguilera García, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Miriam Dalli, Viorica Dăncilă, Isabella De Monte, Tanja Fajon, Jonás Fernández, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Michela Giuffrida, Theresa Griffin, Sergio Gutiérrez Prieto, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Eva Kaili, Cécile Kashetu Kyenge, Javi López, Krystyna Łybacka, Vladimír Maňka, Louis-Joseph Manscour, Costas Mavrides, Marlene Mizzi, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Emilian Pavel, Vincent Peillon, Pina Picierno, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Siôn Simon, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Paul Tang, Claudia Țapardel, Marc Tarabella, Julie Ward, Carlos Zorrinho f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul (2016/2956(RSP))  
B8-1161/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, Navi Pillay, tas-16 ta' Ġunju 2014, li tikkundanna l-eżekuzzjonijiet sommarji mwettqa mill-ISIL u tesprimi l-opinjoni li dawn kważi ċertament kienu delitti tal-gwerra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) dwar l-Iraq, b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 2299 (2016) u  2249 (2015) li tikkundanna l-attakki terroristiċi reċenti li twettqu mid-Da'esh,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq(1), tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja, u l-offensiva tal-IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi(2) u tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u fis-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS(3),

–  wara li kkunsidra r-rimarki tal-Viċi President/tar-Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, tat-18 ta' Ottubru 2016, wara t-tieni Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Iraq taħt il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) UE-Iraq.

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-armata Iraqija, bl-appoġġ tal-Koalizzjoni Globali kontra d-Da'esh u l-forzi Peshmerga tal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan u l-Forzi Popolari ta' Mobilizzazzjoni, varat operazzjoni biex tillibera lil Mosul, it-tieni l-akbar belt tal-Iraq, u ħafna bliet u rħula fil-"kuritur ta' Mosul", mid-Da'esh;

B.  billi hemm sa 1.5 miljun ruħ jgħixu f'Mosul li jistgħu jintlaqtu mill-operazzjonijiet militari biex il-belt tiġi liberata mid-Da'esh; billi, skont il-valutazzjoni tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji, skont kemm ikun intensiv u mifrux il-ġlied jista' jkun hemm sa miljun ruħ li jkollhom jaħarbu minn darhom;

C.  billi l-UE hija waħda mill-kontributuri prinċipali lill-għajnuna umanitajra għan-nies milquta mill-kunflitt fl-Iraq kollu, abbażi tal-prinċipji u l-ħtiġijiet umanitarji, u hija involuta b'mod attiv fir-rispons umanitarju għall-emerġenzi umanitarji li għadhom għaddejja f'Mosu u f'Hawija, bil-provvediment ta' għajnuna ta' emerġenza biex jiġu salvati l-ħajjiet lill-persuni l-aktar vulnerabbli;

D.  billi Mosul ilu belt multietnika fejn maġġoranza Sunnita-Għarbija għexet bieb u għatba ma' Kaldej/Sirjaki/Assirjani, Kurdi, Yazidijin, Shabakijin, Kakain u Turkmeni (Xiiti u Sunniti); billi ż-żoni ta' madwar il-belt ukoll għandhom storja ta' diversità etnoreliġjuża, b'konċentrazzjoni ta' Insara fil-pjanuri ta' Nineveh, Yazidijin madwar il-muntanji Sijar u Turkmeni Musulmani f'Tal Afar;

E.  billi l-mod li bih qed jitmexxew l-ostilitajiet u kif qed jiġu ttrattati ċ-ċivili huwa importanti bħala pedament politiku fundamentali għar-rikonċiljazzjoni u l-iżvilupp;

F.  billi, fl-4 ta' Frar 2016, il-Parlament irrikonoxxa li d-Da'esh qed iwettqu ġenoċidju kontra l-Insara u l-Yazidijin, u kontra minoranzi reliġjużi oħra, kif ukoll li qed jissoġġettaw lil dawk il-Musulmani li ma jaqblux mal-interpretazzjoni tal-Iżlam tad-Da'esh għall-persekuzzjoni, l-atroċitajiet u d-delitti li jammontaw għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

G.  billi l-Kunsill ta' Kooperazjzoni taħt il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) UE-Iraq iltaqa' għat-tieni darba fi Brussell fit-18 ta' Ottubru 2016 biex jiddiskuti l-isfidi umanitarji u ta' stabbilizzazzjoni immedjati;

1.  Jappoġġja bil-qawwa l-operazzjoni li nbdiet mill-Iraq biex tillibera lil Mosul mid-Da'esh; jara lil din l-operazzjoni bħala parti deċiżiva ta' sforz dinji li għadu għaddej biex tingħata l-aħħar daqqa lid-Da'esh darba għal dejjem; jesprimi l-fiduċja tiegħu li l-Iraq se joħroġ rebbieħ f'din il-ġlieda kontra għadu komuni u li se jeħles lil Mosul u partijiet oħra tal-pajjiż mill-preżenza tad-Da'esh;

2.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza, l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Iraq u d-dritt tiegħu li jieħu l-passi meħtieġa biex dawn iħarishom;

3.  Iħeġġeġ lill-UE, lin-NU u lill-komunità internazzjonali kollha kemm hi jkomplu jappoġġjaw b'mod sostenibbli lill-Gvern Iraqi b'għajnuna umanitarja u militari waqt l-operazzjonijiet ta' liberazzjoni li għadhom għaddejja madwar għadd ta' reġjuni Iraqini; jilqa' l-EUR 50 miljun f'għajnuna umanitarja mogħtija mill-UE lir-reġjun ta' Mosul;

4.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkooperaw bil-għan li jgħinu lill-awtoritajiet tal-Iraq u tal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan iżommu sikuri u jibnu mill-ġdid iż-żoni liberati bħalma huma l-Muntanji Sinjar, il-Pjanuri ta' Nineveh u l-belt ta' Mosul, ħalli r-rifuġjati u l-persuni spostati f'pajjiżhom ikunu jistgħu jerġgħu lura u jissistemaaw ruħhom mill-ġdid;

5.  Jinsab imħasseb minħabba t-tensjoni reċenti bejn it-Turkija u l-Iraq; jistieden lit-Turkija tirrispetta bis-sħiħ l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Iraq u żżomm lura milli tieħu xi azzjoni militari fl-Iraq mingħajr il-kunsens tal-Gvern Iraqin; jenfasizza kemm hu importanti li jiġi inkoraġġit id-djalogu bejn l-Iraq u l-pajjiżi l-oħra fir-reġjun bil-għan li jibnu Lvant Nofsani li jkun aktar sikur;

6.  Jenfasizza li d-Da'esh huwa sintomu ta' problemi aktar wiesgħa fl-Iraq u fir-reġjun u b'mod partikolari l-fatt li hemm il-ħtieġa assoluta li ssir ħidma għal akkomodazzjoni politika bejn ix-Xiiti u s-Sunniti fl-Iraq, speċjalment wara l-liberazzjoni ta' Mosul, u fir-reġjun aktar wiesa'; jenfasizza kemm hi interkonnessa l-ġlieda kontra d-Da'esh fl-Iraq u fis-Sirja; jinsab imħasseb, għalhekk, dwar rapporti li l-militanti tad-Da'esh qed jirrelokaw minn Mosul lejn is-Sirja; jinsisti li l-ġlieda kontra d-Da'esh, il-Front Al-Nusra (magħruf bħala Jabhat Fatah al-Sham) u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra skond id-deżinjazzjoni tal-KSNU tibqa' prijorità kemm fl-Iraq u kemm fis-Sirja u jfakkar lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt li l-protezzjoni taċ-ċivili u r-rispett għad-dritt internazzjonali iridu jkunu l-prijorità assoluta;

7.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali kemm waqt u kemm wara l-ostilitajiet u, fil-kunflitt, jirrispettaw il-prinċipji tal-proporzjonalità, tad-distinzjoni u tal-prekawzjoni; iħeġġeġ lill partijiet kollha involuti fil-kunflitt jiftħu kurituri umanitarji bil-għan li jippermettu u jgħinu liċ-ċivili jaħarbu l-kunflitt, biex jevitaw li ċ-ċivili jibqgħu maqbuda f'Mosul u jintużaw bħala tarki umani, biex jipprovdu aċċess għas-sikurezza u għall-għajnuna umanitarja u jiggarantixxu l-għajnuna u l-protezzjoni għaċ-ċivili waqt il-proċess tal-iskrinjar tas-sigurtà, skont l-istandards nazzjonali u internazzjonali, b'mod partikolari biex jiżguraw li l-familji ma jinfirdux u t-tfal ma jitqegħdux f'riskju, u jħeġġiġhom ukoll jistabbilixxu mekkaniżmu ta' monitoraġġ ta' partijiet terzi tan-NU; jitlob, b'mod partikolari, li jieħdu l-prekawzjonijiet kollha li hemm bżonn sabiex jiżguraw li t-tfal u l-familji tagħhom jitħarsu mill-ibbumbjar, u sabiex inaqqsu kemm jista' jkun il-għadd ta' vittmi u jipproteġu l-infrastruttura ċivili, b'mod partikolari l-iskejjel u l-isptarijiet;

8.  Ifakkar li l-ħarsien ta' ħajjet iċ-ċivili u r-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali huma wieħed mill-pedamenti politiċi fundamentali tar-rikonċiljazzjoni u l-iżvilupp, l-uniku mod kif jiġu megħluba l-mibgħeda u l-firda, u li huwa essenzjali li ma jingħatax in-nar aktar lit-tensjonijiet fost il-komunitajiet u li huwa essenzjali wkoll li titwitta t-triq għal Iraq stabbli u prosperu;

9.  Iħeġġeġ lill-koalizzjoni militari mmexxija mill-Iraq tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tippreserva l-evidenza tad-delitti tal-gwerra u tad-delitti kontra l-umanità mwettqa mid-Da'esh bil-għan li tiżgura l-obbligu ta' rendikont;

10.  Jenfasizza l-importanza vitali tal-provvediment f'waqtu u effettiv tas-sikurezza, permezz ta' rotot sikuri ġenwini fejn il-protezzjoni tkun tista' tiġi sostnuta, inkluż permezz tat-tneħħija tal-mini splussivi u l-istabbiliment mill-ġdid tal-istat tad-dritt, kif ukoll il-provvediment f'waqtu u effettiv tas-servizzi bażiċi, bħalma huma l-kura tas-saħħa, l-elettriku u l-edukazzjoni, fiż-żoni liberati; iwissi li jekk ma jiġux ipprovduti s-servizzi bażiċi, is-sikurezza u strateġija fit-tul fir-rigward tal-indirizzar determinat tal-kawżi fundamentali u l-isforzi għall-koeżjoni soċjali, jista' jiġri li jerġgħu jitfaċċaw il-qawwiet estremisti; jitlob, għalhekk, li jkun hemm nexus qawwi bejn l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp bil-għan li tiġi ggarantita sekwenza gradwata mill-għajnuna umanitarja għall-istabbilizzazzjoni, ir-reżiljenza u l-iżvilupp tal-Iraq;

11.  Jissottolinja l-importanza ta' Mosul għall-Iraq kollu kemm hu u jagħmel appell biex f'amministrazzjoni ġdida ta' Mosul il-minoranzi jiġu rappreżentati; jenfasizza d-dritt leġittimu li għandhom il-minoranzi etniċi u reliġjużi għall-parteċipazzjoni politika, kif ukoll li d-drittijiet ta' proprjetà tagħhom jerġgħu għal li kienu; jitlob il-koeżistenza paċifika u r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-minoranzi etniċi u reliġjużi differenti li storikament ilhom għandhom preżenza qawwija u ilhom jgħixu b'mod paċifiku ma' ġenb xulxin, b'mod partikolari fil-muntanji Sinjar (Yazidi), fil-Pjanuri ta' Nineveh (il-popli Kaldej-Sirjaki-Assirjani), f'Tel Afar u f'partijiet tal-Provinċja ta' Kirkuk, u jitlob ukoll biex jittieħdu miżuri ħalli jiġi ggarantit ir-ritorn sikur tar-rifuġjati spostati;

12.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, u lin-NU u lill-istati membri tagħha, jaħdmu mal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tal-Iraq u mal-atturi nazzjonali u internazzjonali rilevanti biex jissorveljaw ir-riintegrazzjoni paċifika tal-popli indiġeni – li issa huma persuni spostati f'pajjiżhom, rifuġjati jew persuni li qed ifittxu asil x'imkien ieħor – tal-Pjanura ta' Nineveh, ta' Tal Afar u ta' Sinjar fl-art twelid l-antenati tagħhom;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkompli ssir il-ġlieda biex l-ideoloġiji Iżlamisti-ġiħadisti, inkluż il-ġiħadiżmu Salafi li jservi ta' instigazzjoni teoloġika u politika għad-delitti tad-Da'esh, ma jkomplux jixterdu aktar fir-reġjun u lil hinn minnu, inkluż wara l-liberazzjoni ta' Mosul; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jirsistu biex jiġu riferuti lill-Qorti Kriminali Internazzjnali d-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità mwettqa fl-Iraq, fis-Sirja, fil-Libja u f'postijiet oħra mill-militanti tad-Da'esh, inkluż l-attentat ta' ġenoċidju kontra l-poplu Yazidi;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lill-Gvern tat-Turkija, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0171.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0027.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0040.

Avviż legali - Politika tal-privatezza