Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1162/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1162/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija

24.10.2016 - (2016/2935(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1162/2016

Proċedura : 2016/2935(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1162/2016
Testi mressqa :
B8-1162/2016
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-1162/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija

(2016/2935(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE[1] u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja[2],

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline tat-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2015 dwar il-progress tat-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Turkija tinsab fil-151 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi Dinji dwar il-Libertà tal-Istampa tal-2016 tal-organizazzjoni Reporters Mingħajr Fruntieri;

B.  billi, fid-19 ta' Ottubru ta' din is-sena, mill-anqas 130 ġurnalist kienu detenuti u l-għadd ta' ġurnalisti mingħajr impjieg kien laħaq l-10 000 wara r-repressjoni li segwiet l-attentat ta' kolp ta' stat;

C.  billi, fix-xhur tal-istat ta' emerġenza, il-libertà tal-istampa marret lura lil hinn mill-punt diġà allarmanti li kienet waslet fih, peress li skont l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tat-Turkija aktar minn 100 ġurnalist ġew arrestati mill-15 ta' Lulju 'l quddiem, 150 stabbiliment tal-midja ġew magħluqa, 2 500 ġurnalist sfaw mingħajr xogħol u t-tesseri tal-istampa ta' 660 ġurnalist ġew ikkanċellati; billi għadd kbir ta' ġurnalisti qed jirrinunzjaw għall-karrieri tagħhom, peress li jsostnu li ma għadux possibbli għalihom li jeżerċitaw ġurnaliżmu kritiku fit-Turkija;

D.  billi mill-anqas 150 pjattaforma u stabbiliment tal-midja, kemm online kif ukoll offline, ġew magħluqa;

E.  billi d-Digriet-Liġi Nru KHK/668 tas-27 ta' Lulju 2016, approvat wara d-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza, jipprevedi l-għeluq tal-istazzjonijiet privati tar-radju u tat-televiżjoni u l-gazzetti u r-rivisti marbutin ma' Fethullah Gülen; billi dan id-digriet jipprevedi wkoll li kwalunkwe stazzjon privat tar-radju jew tat-televiżjoni, gazzetta jew rivista, jew mezz ta' pubblikazzjoni jew distribuzzjoni li jinstabu li jippreżentaw theddida għas-sigurtà nazzjonali jistgħu jingħalqu fuq proposta minn kumitat ad hoc u bl-approvazzjoni tal-ministru kompetenti;

F.  billi fit-28 ta' Settembru l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Tork ħareġ ordnijiet għall-għeluq ta' 23 stazzjon tat-televiżjoni u tar-radju għar-raġuni li jappoġġaw attivitajiet separatisti u sovversivi;

G.  billi l-President Tork Recep Tayyip Erdogan estenda l-istat ta' emerġenza għal perjodu ieħor ta' 90 jum li jibda fid-19 ta' Ottubru;

H.  billi koalizzjoni ta' 26 organizzazzjoni internazzjonali li jaħdmu favur il-libertà tal-midja u d-drittijiet tal-bniedem ħarġu dikjarazzjoni li tappella għat-tneħħija tal-istat ta' emerġenza;

I.  billi r-repressjoni kienet immirata wkoll lejn stazzjonijiet televiżivi Kurdi u Alevi, inklużi wħud ibbażati barra mit-Turkija;

J.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 appellaw għal koerenza bejn l-assistenza finanzjarja offruta mill-Unjoni Ewropea u l-progress ġenerali magħmul mill-pajjiżi kandidati, inkluż fir-rigward tar-rispett sħiħ għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali;

1.  Jirrikonoxxi li l-Gvern Tork għandu d-dritt u r-responsabbiltà li jinvestiga l-avvenimenti vjolenti tal-attentat ta' kolp ta' stat ta' Lulju 2016 u li jressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk kollha responsabbli;

2.  Jiddeplora bil-qawwa s-sitwazzjoni intollerabbli tal-libertà tal-espressjoni, tal-opinjoni u tal-midja, kemm offline kif ukoll online, fit-Turkija, li qed tkompli tiddeterjora wara l-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju;

3.  Itenni li l-libertà tal-opinjoni, tal-espressjoni u tal-kelma, inkluża l-midja indipendenti, huma valuri Ewropej ċentrali u li stampa indipendenti hija kruċjali għal soċjetà demokratika; jirrimarka li s-sitwazzjoni attwali tal-midja u tal-libertà tal-espressjoni fit-Turkija hija bla dubju inkompatibbli mal-valuri Ewropej;

4.  Jissottolinja li t-Turkija ma għadhiex tirrispetta t-termini politiċi tal-kriterji ta' Copenhagen; jappella għas-sospensjoni immedjata tal-assistenza finanzjarja lit-Turkija fil-qafas tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, peress li l-kundizzjonijiet għall-iżborż tagħha ma għadhomx issodisfati;

5.  Jemmen li r-restrizzjonijiet imposti fil-kuntest tal-istat ta' emerġenza jmorru lil hinn minn dawk li jippermetti d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi limitazzjonijiet mhux ġustifikabbli fuq il-libertà tal-midja u fuq id-dritt għal-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-Gvern Tork biex jirrestrinġi l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri ta' emerġenza, biex ma jużahomx bl-iskop li jrażżan il-libertà tal-espressjoni, u biex jirrevoka l-istat ta' emerġenza mill-aktar fis possibbli;

6.  Jappella għall-ħelsien immedjat tal-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja kollha li jinsabu l-ħabs u għall-ftuħ mill-ġdid tal-istabbilimenti tal-midja magħluqa;

7.  Jiddeplora l-attakki personali u l-intimidazzjoni li qed isofru l-ġurnalisti min-naħa ta' uffiċjali prominenti tal-gvern, l-użu tad-Digriet-Liġi Nru KHK/668 bħala għodda li trażżan il-libertà tal-espressjoni u tad-dissent, u l-klima politika ġenerali li qed toħloq ambjent ta' trażżin fil-konfront tal-libertà tal-kelma fil-midja u fuq l-internet;

8.  Jiddispjaċih għall-fatt li dispożizzjonijiet ta' emerġenza ntużaw ukoll biex jiffastidjaw lill-membri tal-familja ta' ġurnalisti li ħarbu minn pajjiżhom jew li qed jistaħbew, inkluż bil-kanċellazzjoni tal-passaporti tagħhom jew bid-detenzjoni tagħhom minflok l-akkużati;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.