Proċedura : 2016/2935(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1163/2016

Testi mressqa :

B8-1163/2016

Dibattiti :

PV 26/10/2016 - 15

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0423

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 433kWORD 91k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1162/2016
24.10.2016
PE593.589v01-00
 
B8-1163/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija (2016/2935(RSP))


Elena Valenciano, Pier Antonio Panzeri, Clara Eugenia Aguilera García, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Miriam Dalli, Viorica Dăncilă, Isabella De Monte, Tanja Fajon, Jonás Fernández, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Michela Giuffrida, Theresa Griffin, Sergio Gutiérrez Prieto, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Eva Kaili, Cécile Kashetu Kyenge, Javi López, Krystyna Łybacka, Vladimír Maňka, Louis-Joseph Manscour, Costas Mavrides, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Emilian Pavel, Vincent Peillon, Pina Picierno, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Siôn Simon, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Paul Tang, Claudia Țapardel, Marc Tarabella, Julie Ward, Carlos Zorrinho, Miltiadis Kyrkos f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija (2016/2935(RSP))  
B8-1163/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: Arresti reċenti ta' ġurnalisti, diriġenti fis-settur tal-midja u pressjoni sistematika kontra l-midja(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Turkija tat-18 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-16 ta' Lulju 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati ta' Tkabbir dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Lulju tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati ta' Tkabbir dwar id-dikjarazzjoni ta' stat tal-emerġenza fit-Turkija

–  wara li kkunsidra d-Djalogu Politiku ta' Livell Għoli bejn l-UE u t-Turkija tad-9 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-fatt li r-rispett tal-istat tad-dritt, inkluża l-libertà tal-espressjoni, huwa l-qalba tal-proċess ta' adeżjoni mal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-15 ta' Lulju 2016 seħħ attentat tat-twaqqigħ illegali tal-gvern elett fit-Turkija, li fih mietu aktar minn 250 ruħ u ndarbu aktar minn 2 100 persuna oħra;

B.  billi wara l-kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju 2016 il-pulizija Torka arrestat tal-anqas 99 ġurnalist u kittieb, li l-parti l-kbira minnhom għadhom sal-lum bla kap ta' akkuża formali, biex b'hekk l-għadd ta' ħaddiema tal-midja miżmuma b'akkużi relatati mal-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni laħaq tal-anqas 130, sal-20 ta' Ottubru 2016; billi 64 minn dawn il-ġurnalisti arrestati wara l-15 ta' Lulju 2016 inħelsu;

C.   billi fost il-ġurnalisti li nżammu hemm ir-rumanzier magħruf Asli Erdogan, li kien ukoll membru tal-Bord konsultattiv tal-gazzetta ta' kuljum Kurda Özgür Gündem, illum magħluqa, l-akkademiku u opinjonista Mehmet Altan u ħuħ Ahmet Altan, kittieb u eks-editur tal-gazzetta ta' kull ġimgħa Taraf,

D.  billi midja ħielsa, diversi u indipendenti huma essenzjali fi kwalunkwe soċjetà demokratika; billi mingħajr il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja mhuwiex possibbli li ċ-ċittadini jkunu attivi u involuti;

E.  billi, skont id-dispożizzjonijiet tad-digriet li nħareġ wara d-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza, dawk il-ġurnalisti arrestati ġew imċaħħda mid-dritt li jkollhom aċċess għal avukat tul l-ewwel ħamest ijiem tad-detenzjoni tagħhom, mid-dritt li jagħżlu avukat waqt li jkunu miżmuma mill-pulizija u li jgawdu l-kunfidenzjalità tar-relazzjoni bejn klijent u avukat, u billi ġew imposti restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tagħhom rigward viżitaturi; billi xi ġurnalisti qed iħabbtu wiċċom ma' restrizzjonijiet saħansitra aktar stretti;

F.  billi huwa allegat li bosta mill-ġurnalisti miżmuma sfaw maltrattati, mhedda, insultati u attakkati fil-ħabs; billi hemm allegazzjonijiet serji li Bilir Kaya u Inan Kizilkaya, il-koedituri kapijiet ta' Özgür Gündem,gazzetta ta' kuljum li ngħaqlet, sfaw torturati fil-ħabs;

G.  billi tul l-ewwel xahrejn u nofs tal-istat ta' emerġenza l-awtoritajiet għalqu madwar 150 stabbiliment tal-midja u tal-pubblikazzjoni, hekk li aktar minn 2 300 ġurnalist u ħaddiem tal-midja sfaw bla xogħol;

H.  billi wara l-attentat ta' kolp ta' stat il-ġurnalisti saru l-mira ta' sanzonjiet aministrattivi, fosthom il-konfiska tal-passaporti, restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar għad-detenturi tal-passaporti speċjali "griżi", l-irtirar tat-tesseri tal-istampa u restrizzjonijiet arbitrarji oħra, bħalma huma arresti temporanji u bla akkuża; billi l-istat ta' emerġenza ssospenda kwalunkwe possibbiltà ta' appell legali kontra dawk id-deċiżjonjiet;

I.  billi, wara l-attentat ta' kolp ta' stat, qraba tal-ġurnalisti, minkejja li ma kinux infushom qed jiġu investigati, ukoll sfaw arrestati u saru l-mira ta' sanzjonijiet amministrattivi, inkluża l-konfiska tal-passaporti;

J.  billi wara l-attentat ta' kolp ta' stat ġurnalisti barranin ġew arrestati u ddeportati mit-Turkija;

K.  billi aktar minn 150 stabbiliment tal-midja ngħalqu wara l-falliment tal-attentat ta' kolp ta' stat, fosthom 46 gazzetta, 29 stazzjon tat-televiżjoni, 31 stazzjon tar-radju, 3 aġenziji tal-aħbarijiet, 16-il rivista u 28 pubblikatur; billi Zarok TV, stazzjon li jxandar cartoons tat-tfal bil-lingwa Kurda, huwa fost il-milquta;

L.  billi, minħabba l-aktar każijijet reċenti tal-għeluq vjolenti ta' stazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni tal-oppożizzjoni f'rejds mil-pulizija, fosthom IMC TV, Hayatin Sesi TV u Özgür Radyo, u l-arrest tal-ġurnalisti tagħhom, il-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni jinsabu f'periklu kbir fit-Turkija, filwaqt li hemm il-periklu li l-pluraliżmu jgħib għalkollox u qed titqawwa ħafna l-awtoċensura;

M.  billi t-Turkija hija kklassifikata fil-151 post minn 180 pajjiż fl-aħħar Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tar-Reporters Mingħajr Fruntieri; billi, skont il-klassifikazzjoni magħmula minn Freedom House dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja, it-Turkija hija kklassifikata bħala pajjiż li m'għandux libertà tal-istampa u fejn il-libertà tal-internet hija biss parzjali;

N.  billi r-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni, jinsabu fil-qalba tal-valuri tal-UE, li t-Turkija ħadet impenn formali favurihom bl-applikazzjoni tagħha għall-adeżjoni mal-UE u bin-negozjati relatati, kif ukoll bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju 2016 fit-Turkija; jappoġġja l-istituzzjonijiet leġittimi tat-Turkija; jiddeplora l-għadd kbir ta' persuni li nqatlu jew indarbu u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi u mal-familji tagħhom;

2.  Jenfasizza li l-Gvern Tork għandu d-dritt u l-obbligu li jinvestiga l-attentat ta' kolp ta' stat faħxi tal-15 ta' Lulju 2016 u li jressaq quddiem il-ġustizzja kull min huwa responsabbli; jikkundanna, madankollu, ir-ripressjoni massiċċa kontra ġurnalisti, kittieba u rappreżentanti tal-midja fit-Turkija, fosthom ġurnalisti magħrufa bħal Nazli Ilicak, Sahin Alpay, Asli Erdogan, Murat Aksoy, Ahmet Altan u Mehmet Altan, bla prova ta' involviment individwali f'reat;

3.  Itenni li s-sitwazzjoni tal-ġurnalisti u tal-libertà tal-midja ilha sejra lura għal dawn l-aħħar ftit snin, u huwa mħasseb li, wara l-introduzzjoni tal-istat ta' emerġenza, is-sitwazzjoni tal-libertà tal-midja kompliet sejra għall-agħar fit-Turkija;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok biex minnufih u inkondizzjonatament jeħilsu l-ġurnalisti kollha miżmuma, fl-assenza ta' evidenza inkonfutabbli ta' attività kriminali; jissottolinja l-ħtieġa li ma jseħħx li l-ġurnalisti jinżammu abbażi tal-kontenut tal-ġurnaliżmu tagħhom jew tal-affiljazzjonijiet allegati tagħhom, inkluż f'każijiet fejn isiru akkużi formali kontrihom, u li jkun żgurat li d-detenzjoni qabel proċess tibqa' eċċezzjoni;

5.  Jemmen li stampa ħielsa u pluralista hija komponent essenzjali ta' kull demokrazija; ifakkar lill-awtoritajiet Torok li jeħtiġilhom jimxu bl-akbar attenzjoni meta jkunu qed jittrattaw mal-midja u mal-ġurnalisti, peress li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja jibqgħu ċentrali għall-funzjonament ta' soċjetà demokratika u miftuħa; iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex joħroġ gwida ċara lill-pulizija u lill-prosekuturi rigward l-importanza tal-libertà tal-midja, u biex jiżgura li kwalunkwe deċiżjoni dwar it-twettiq ta' investigazzjonijiet kriminali dwar ġurnalisti jew dwar organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet tkun ibbażata fuq evidenza ċara ta' aġir kriminali, tissodisfa l-kriterju tal-interess pubbliku u ma tagħmilx ħsara lil-libertà tal-espressjoni;

6.  Ifakkar lill-awtoritajiet Torok li d-digrieti ta' emerġenza m'għandhomx jintużaw bħala pretest biex jiffaċilitaw vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem, isikktu d-dissens u jagħlqu l-istabbilimenti tal-midja; ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt iridu jiġu rrispettati skont il-prinċipji tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li jinkludu d-dritt għall-ħajja, il-projbizzjoni tat-tortura u ta' trattament inuman jew degradanti, il-preżunzjoni tal-innoċenza, iċ-ċertezza legali, il-prinċipju nulla poena sine lege, l-individwalità tad-delitti, proċessi ġusti, l-indipendenza ġudizzjarja, informazzjoni wiesgħa u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet u aċċess sħiħ għall-evidenza inkriminatorja;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok biex jirrevokaw is-sanzjonijiet amministrattivi meħuda kontra l-ġurnalisti, inkluż l-irtirar ta' passaporti u tat-tesseri tal-istampa, restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għad-detenturi ta' passaporti speċjali "griżi" u restrizzjonijiet arbitrarji oħra, bħalma huma arresti temporanji mingħajr akkuża formali;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok biex joqogħdu lura milli jittrattaw il-qraba ta' ġurnalisti ssuspettati bħala persuni ssuspettati potenzjali huma wkoll,u milli jimponu fuqhom sanzjonijiet amministrattivi jew ta' tip ieħor;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok biex jipprevjenu l-vjolenza, l-użu ta' theddid jew maltrattament kontra l-persuni ssuspettati u jwettqu investigazzjoni kredibbli dwar każijiet ivverifikati; jistieden lill-Gvern Tork biex jinvestiga l-allegazzjonijiet ta' tortura tal-ġurnalisti miżmuma l-ħabs, b'mod partikolari ta' Bilir Kaya u Inan Kizilkaya, il-koedituri kapijiet tal-gazzetta ta' kuljum li ngħalqet Özgür Gündem;

10.  Huwa mħasseb serjament dwar l-għeluq ta' aktar minn 150 stabbiliment tal-midja, fosthom IMC TV u Zarok TV, li jxandru cartoons tat-tfal bil-lingwa Kurda; jitlob li dawn jerġgħu jinfetħu, li jerġgħu jingħataw l-indipendenza tagħhom u li l-impjegati mkeċċija tagħhom jerġgħu lura fil-karigi li kellhom; jistieden lill-awtoritajiet Torok biex itemmu l-prattika tal-użu abbużiv ta' dispożizzjonijiet fil-kodiċi penali għall-ħatra ta' fiduċjarji f'organizzazzjonijiet tal-midja privati u jtemmu l-indħil eżekuttiv f'organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet indipendenti, inkluż fir-rigward ta' deċiżjonijiet editorjali, tkeċċijiet ta' ġurnalisti u edituri, u l-użu ta' pressjoni u intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti u l-istabbilimenti tal-aħbarijiet kritiċi;

11.  Iħeġġeġ lit-Turkija biex tikkalma l-klima politika mimlija tensjoni wara l-attentat ta' kolp ta' stat, klima li toħloq ambjent li jrażżan il-libertà tal-espressjoni fil-midja u fl-internet;

12.  Jenfasizza li t-Turkija qed tiffaċċja theddida reali mit-terroriżmu; itenni, madankollu, li l-leġiżlazzjoni Torka kontra t-terroriżmu, li hija definita b'mod wiesgħa, m'għandhiex tintuża biex tikkastiga lill-ġurnalisti talli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' libertà tal-espressjoni;

13.  Iħeġġeġ lit-Turkija biex taħdem fuq riformi intiżi biex jipprovdu kontrolli u ekwilibriji li jiggarantixxu bis-sħiħ il-libertà, inklużi l-libertà tal-ħsieb, tal-espressjoni u tal-midjaa, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Itenni li l-midja indipendenti trid tingħata aktar attenzjoni fi ħdan il-qafas tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u jitlob li d-Delegazzjoni tal-UE fit-Turkija tissorvelja mill-qrib il-proċessi kollha mistennija ta' ġurnalisti u kittieba;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0014.

Avviż legali - Politika tal-privatezza