Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1164/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1164/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul

24.10.2016 - (2016/2956(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Javier Couso Permuy, Ángela Vallina, Patrick Le Hyaric, Kateřina Konečná, Paloma López Bermejo, Eleonora Forenza, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Lola Sánchez Caldentey, Miguel Urbán Crespo, Estefanía Torres Martínez, Marie-Christine Vergiat, Merja Kyllönen, Marina Albiol Guzmán f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1159/2016

Proċedura : 2016/2956(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1164/2016
Testi mressqa :
B8-1164/2016
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-1164/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul

(2016/2956(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja, u b'mod partikolari dik tat-12 ta' Frar 2014 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u fis-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS[1],

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni umanitarja fl-Iraq kompliet tiddeterjora mill-2003 wara l-invażjoni tal-Istati Uniti; billi, skont data reċenti tan-NU, il-vjolenza wasslet għal aktar minn 3.3 miljun persuna spustati f'pajjiżhom (IDPs) madwar l-Iraq u ħalliet lil aktar minn 10 miljun ruħ fi bżonn ta' għajnuna umanitarja;

B.  billi l-grupp armat Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante (ISIL) ħa kontroll ta' diversi bliet fit-Tramuntana u fiċ-ċentru tal-Iraq, inkluż ta' Mosul, li hija t-tieni l-akbar belt tal-Iraq u li fiha madwar 2 miljun ruħ, u ta' Tikrit; billi koalizzjoni u l-forzi armati Iraqini u Kurdi bdiet offensiva militari fuq skala kbira biex tittieħed lura Mosul;

C.  billi kriżi umanitarja serja fl-Iraq, li ilha tikber mill-2003 wara l-invażjoni mmexxija mill-Istati Uniti, iggravat minħabba l-ġlied; billi n-NU tistma li l-attakk fuq Mosul jista' jwassal għal miljun persuna spostata, li fosthom huwa probabbli li 700,000 jirrikjedu appoġġ urġenti f'termini ta' kenn;

D.  billi l-uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) u s-sħab tiegħu għamlu ħilithom biex jitħejjew biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni li jistgħu jiġu spostati u affettwati minn din l-operazzjoni militari; billi l-finanzjament ta' għajnuna umanitarja kien totalment insuffiċjenti biex wieħed jitħejja b'mod sħiħ għal din is-sitwazzjoni; billi kenn f'kampijiet u siti ta' emerġenza attwalment huwa disponibbli biss għal 60,000 persuna: billi l-bini ta' siti addizzjonali, b'kapaċità ta' 250,000 persuna, jinsab għaddej bħalissa; billi l-provvista ta' ilma tajjeb għax-xorb jinsab f'riskju kbir; billi hemm biss razzjonijiet tal-ikel għal 220,000 familja li huma lesti biex jitqassmu;

E.  billi mindu beda l-kunflitt fis-Sirja, kważi 240,000 ruħ ħarbu mill-vjolenza lejn l-Iraq, l-aktar lejn ir-reġjun Kurd;

F.  billi s-setgħat reġjonali u l-atturi internazzjonali qed jużaw ħażin il-kunflitt fl-Iraq billi jsegwu l-interessi u l-aġenda tagħhom; billi t-Turkija, bl-iskuża tal-ġlieda kontra l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku, interveniet fl-Iraq kontra l-Kurdi u bagħtet madwar 2000 truppa fit-Tramuntana tal-Iraq, mingħajr koordinazzjoni jew qbil mal-Gvern tal-Iraq; billi l-preżenza militari Torka fl-Iraq hija vjolazzjoni ċara tas-sovranità nazzjonali tal-Iraq;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sikurezza ta' madwar 1,5 miljun persuna li jgħixu f'Mosul, li jistgħu jiġu affettwati minn operazzjonijiet militari biex tittieħed lura l-belt mill-ISIL;

2.  Itenni li fil-ġlieda kontra l-ISIL id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali għandhom jiġu rispettati; jistieden lill-partijiet kollha tal-kunflitt biex jieħdu passi konkreti biex jiżguraw li l-persuni ċivili kollha jkunu protetti u li l-għajnuna tingħata skont id-dritt umanitarju internazzjonali u l-prinċipji umanitarji, inkluż matul il-kampanji militari kollha; jistieden bil-qawwa lill-partijiet involuti kollha biex jevitaw li jistabbilixxu pożizzjonijiet militari f'żoni popolati, u ma jattakkawx direttament miri ċivili; jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet jiftiehmu dwar waqfien għal raġunijiet umanitarji, waqfien mill-ġlied lokalizzat u armistizzji sabiex aġenziji umanitarji jkollhom aċċess sikur u mingħajr ostakli għaż-żoni kollha milquta;

3.  Jitlob li l-UE tiżgura aktar appoġġ għar-rifuġjati, li l-għadd tagħhom kompla kiber; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel disponibbli aktar riżorsi finanzjarji u umani biex jassistu lir-rifuġjati; jikkundanna l-finanzjament insuffiċjenti kontinwu tal-ħidma mwettqa mill-UNHCR;

4.  Iħeġġeġ lill-UE tipprovdi assistenza lir-rifuġjati fil-parti Kurda tal-Iraq;

5.  Japprezza l-isforzi militari għall-ġlieda kontra gruppi terroristiċi li joperaw bħala armati irregolari, u jħeġġeġ lill-armata tal-Iraq biex taġixxi bħala forza ġenwinament nazzjonali u biex tabbanduna attitudnijiet settarji qodma li qed jikkontribwixxu għad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li l-aħjar mod biex tiġi appoġġata l-ġlieda tal-poplu Iraqi kontra l-grupp armat ISIL huwa li jintemm il-finanzjament ta' kwalunkwe milizzja u, b'mod partikolari, biex wieħed ma jibqax jixtri żejt prodott fi bjar taż-żejt taħt il-kontroll tal-ISIL u ttrasportat bit-trakkijiet mit-Turkija; jenfasizza l-fatt li l-kunflitt kompla jiħrax minħabba l-kummerċ u l-provvista tal-armi;

7.  Jitlob li ssir konferenza internazzjonali dwar l-Iraq taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Uniti, bil-parteċipazzjoni tal-pajjiżi ġirien; jenfasizza li hija biss soluzzjoni politika li tindirizza t-tħassib u l-interessi ta' kull parti mis-soċjetà tal-Iraq li tista' ttemm il-kunflitti u l-vjolenza settarji fil-pajjiż;

8.  Jikkundanna bis-saħħa r-rwol li d-diversi interventi tal-Punent tul dawn l-aħħar snin żvolġew fit-trawwim tar-radikalizzazzjoni ta' individwi, speċjalment fil-Lvant Nofsani; jenfasizza li dawn il-politiki qed jippromwovu, mhux qegħdin imorru kontra, it-terroriżmu u għalhekk għandhom jiġu abbandunati; Jenfasizza r-responsabilità li għandhom dawk il-pajjiżi fil-kunflitti fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u jistedinhom b'mod partikolari biex itaffu s-sofferenza ta' dawk milquta mill-vjolenza u biex jagħtu asil lir-rifuġjati;

9.  B'mod partikolari jikkundanna l-invażjoni fl-2003 li wasslet għall-iżmantellament tal-istat nazzjonali tal-Iraq u jħeġġeġ lill-atturi reġjonali u internazzjonali biex jirrispettaw il-Karta tan-NU u jastjenu milli jinterferixxu fl-affarijiet interni ta' stati oħra;

10.  Iħeġġeġ bil-qawwa lit-Turkija tirtira t-truppi tagħha mit-territorju tal-Iraq, u lill-pajjiżi kollha jirrispettaw is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE fl-Iraq, lill-presidenti u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tar-Repubblika tal-Iraq, lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran u lil-Lega tal-Istati Għarab.