Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1165/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1165/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul

24.10.2016 - (2016/2956(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Javier Nart, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, José Inácio Faria, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Alexander Graf Lambsdorff, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Paavo Väyrynen, Ilhan Kyuchyuk f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1159/2016

Proċedura : 2016/2956(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1165/2016
Testi mressqa :
B8-1165/2016
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-1165/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul

(2016/2956(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ispostament Intern tal-1998,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, Navi Pillay, tas-16 ta' Ġunju 2014 li tikkundanna l-eżekuzzjonijiet sommarji mwettqa mill-ISIL u tesprimi l-opinjoni li dawn kważi ċertament kienu delitti tal-gwerra,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU u Direttur Eżekuttiv tan-Nisa tan-NU, Phumzile Mlambo-Ngcuka, li tesprimi preokkupazzjonijiet speċifiċi dwar is-sikurezza tan-nisa u l-bniet fl-Iraq, speċjalment fiż-żoni kkontrollati mill-ISIS/mid-Da'esh,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Iraq, b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2299 (2016) u 2249 (2015) li jikkundannaw l-attakki terroristiċi reċenti mwettqa mill-ISIS/mid-Da'esh,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2091(2016) dwar "Foreign fighters in Syria and Iraq" (Il-Ġellieda Barranin fis-Sirja u fl-Iraq) adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fis-27 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq[1], tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja[2], u tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u fis-Sirja[3],

–  wara li kkunsidra l-kummenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini wara li kien sar it-Tieni Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Iraq taħt il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) UE-Iraq,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-operazzjoni għal-liberazzjoni tal-belt ta' Mosul mill-hekk imsejħa ISIS/Da'esh bdiet reċentament; billi l-offensiva tista' twassal għal sitwazzjoni umanitarja estremament inkwetanti; billi t-tilwimiet kollha li mhumiex riżolti dwar il-konfini interni fit-Tramuntana tal-Iraq, jekk ma jiġux indirizzati mill-atturi militari rilevanti li qed jiġġieldu kontra l-ISIS u mill-komunità internazzjonali kollha kemm hi, jistgħu jipprevjenu r-riabilitazzjoni taż-żona u r-ripatrijazzjoni tal-abitanti spostati, u b'hekk ikunu ta' theddida għall-eżistenza futura tal-minoranzi vulnerabbli fiż-żona; billi t-Tramuntana tal-Iraq ilha żmien il-patrija ta' minoranzi etniċi u reliġjużi, ikkaratterizzata mill-pluraliżmu, l-istabilità u l-kooperazzjoni komunali, minkejja perjodi ta' vjolenza u persekuzzjoni;

B.  billi Mosul ilu żmien belt multietnika fejn maġġoranza Sunnita-Għarbija għexet bieb u għatba ma' Kaldej/Sirjaki/Assirjani, Kurdi, Yazidijin u Turkmeni; billi ż-żoni ta' madwar il-belt ukoll għandhom storja ta' diversità etnoreliġjuża, b'konċentrazzjoni ta' Insara fil-pjanuri ta' Nineveh, Yezidijin madwar il-muntanji Sijar u Turkmeni Musulmani f'Tal Afar;

C.  billi fl-4 ta' Frar 2016 il-Parlament Ewropew irrikonoxxa li "'ISIS/Da'esh' qed iwettaq ġenoċidju kontra l-Insara u l-Yazidi, u minoranzi reliġjużi u etniċi oħra, li ma jaqblux mal-interpretazzjoni tal-Iżlam tal-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh'", u "li l-persekuzzjoni, l-atroċitajiet u d-delitti internazzjonali jammontaw għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità";

D.  billi mal-Parlament issieħbu l-Kunsill tal-Ewropa, id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, il-Kungress tal-Istati Uniti, il-Parlament tar-Renju Unit, il-Parlament Awstraljan u nazzjonijiet u istituzzjonijiet oħra fir-rikonoxximent li l-atroċitajiet imwettqa mill-ISIS/mid-Da'esh kontra l-minoranzi reliġjużi u etniċi fl-Iraq jinkludu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

E.  billi, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), madwar 3.3 miljun Iraqin inqalgħu minn darhom minħabba l-gwerra mill-2014 'il hawn u aktar minn 1.5 miljun ruħ jinsabu f'riskju imminenti ta' spostament f'Mosul b'riżultat dirett tal-operazzjoni biex tittieħed lura din iż-żona;

F.  billi l-UNHCR għandu ħames kampijiet miftuħa u jinsab lest biex jagħti kenn lil 45 000 ruħ li jaħarbu minn Mosul u mill-inħawi tal-madwar, filwaqt li l-organizzazzjoni qed tippjana li jkollha miftuħa total ta' 11-il kamp fil-ġimgħat li ġejjin għal 120 000 ruħ, kemm-il darba jkun hemm art li tista' tinżamm għal dan il-għan f'żoni sikuri 'l bogħod mill-avvanz tal-armati; billi l-baġit ta' rispons tal-UNHCR għal Mosul bħalissa jinsab iffinanzjat kemm kemm aktar minn 38 % tiegħu; billi il-finanzjament huwa meħtieġ mhux biss għat-tħejjija tal-bidu iżda wkoll biex jiġi indirizzat l-ispostament mifrux ma' kullimkien, li jista' jibqa' għaddej tul ix-xitwa kollha;

G.  billi t-tfal f'Mosul u fil-madwar huma partikolarment vulnerabbli u jinsabu fir-riskju li jmutu jew li jiġu feruti minħabba l-ġlied, li jġarrbu vjolenza sesswali, ħtif jew reklutaġġ minn gruppi armati;

H.  billi l-Unjoni Ewropea taqdi rwol ċentrali fi ħdan l-ambitu tal-Koalizzjoni Globali kontra l-ISIS/id-Da'esh fl-Iraq billi tipprovdi għajnuna umanitarja u ta' stabbilizzazzjoni; billi sal-ġurnata tal-lum l-UE pprovdiet EUR 134 miljun f'għajnuna umanitarja fl-Iraq, li EUR 50 miljun minnhom marru għal Mosul;

I.  billi l-Parlament enfasizza l-importanza li l-komunità internazzjonali tipprovdi protezzjoni u għajnuna, inklużi protezzjoni u għajnuna militari, f'konformità mad-dritt internazzjonali, lil dawk kollha li jinsabu fil-mira tal-hekk imsejjaħ ISIS/Da'esh u ta' organizzazzjonijiet terroristiċi oħra fil-Lvant Nofsani, bħalma huma l-minoranzi etniċi u reliġjużi, u li dawn in-nies jipparteċipaw f'soluzzjonijiet politiċi dejjiema futuri;

J.  billi l-operazzjoni militari kontra l-hekk imsejħa ISIS/Da'esh fit-Tramuntana tal-Iraq qed titmexxa taħt missjoni komuni tas-sigurtà nazzjonali li tiġbor flimkien forzi tas-sigurtà Iraqini, il-forzi Peshmerga tal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan u forzi tas-sigurtà lokali; billi l-Koalizzjoni Globali qed tipprovdi appoġġ ta' konsulenza, appoġġ mill-ajru u appoġġ ta' intelligence;

K.  billi l-ippriservar tal-identità tal-komunitajiet tat-Tramuntana tal-Iraq u li tiġi ggarantita l-protezzjoni tas-sigurtà tagħhom fil-qafas tar-Repubblika Federali tal-Iraq jirrestawraw u jippriservaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inklużi drittijiet ta' proprjetà, tal-popli indiġeni ta' dak ir-reġjun;

L.  billi l-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni tal-Iraq "jiggarantixxi d-drittijiet reliġjużi sħaħ tal-individwi kollha għal-libertà tat-twemmin u tal-prattika reliġjużi";

M.  billi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq, b'mod partikolari l-klawżola tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem, jenfasizza li d-djalogu politiku UE-Iraq għandu jiffoka fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-eżekuzzjonijiet tal-massa li għadhom għaddejja mwettqa mill-ISIS/mid-Da'esh fl-Iraq; jesprimi t-tħassib serju tiegħu minħabba r-rapporti kontinwi dwar l-użu li jagħmlu l-ISIS/id-Da'esh tat-tfal, tal-anzjani, tan-nisa u tal-persuni vulnerabbli bħala tarki kontra l-operazzjonijiet militari ta' liberazzjoni li għaddejjin li qed jitwettqu fit-Tramuntana tal-Iraq; jikkundanna bil-qawwa l-ispostament ta' eluf ta' Iraqini, inklużi l-minoranzi etniċi u reliġjużi li jgħammru fit-Tramuntana tal-Iraq; josserva bi tħassib estrem li l-ISIS/id-Da'esh qed ikomplu jimmiraw għall-Insara (Kaldej/Sirjaki/Assirjani, Melkiti u Armeni), il-Yazidijin, it-Turkmeni, ix-Xiiti, ix-Xabaki, is-Sabeani, il-Kakain u s-Sunniti fl-attentati tagħhom li jeqirdu minn wiċċ l-art kull minoranza reliġjuża u etnika li tinsab fiż-żoni taħt il-kontroll tagħhom;

2.  Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni taċ-ċivili waqt l-operazzjonijiet militari f'Mosul u fil-madwar;

3.  Jagħraf id-dritt li għandu l-Gvern tar-Repubblika tal-Iraq li jiddefenti t-territorju sovran tiegħu; iħeġġeġ lill-forzi tas-sigurtà tal-Iraq jaġixxu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt internazzjonali u tad-dritt nazzjonali u b'rispett lejn l-impenji tal-Iraq favur il-ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

4.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-komunità internazzjonali kollha kemm hi jkomplu jappoġġjaw lill-Gvern Iraqi b'mod sostenibbli b'għajnuna umanitarja u militari waqt l-operazzjonijiet ta' liberazzjoni li għadhom għaddejja madwar għadd ta' reġjuni Iraqini; jilqa' l-EUR 50 miljun f'għajnuna umanitarja mogħtija mill-UE lir-reġjun ta' Mosul, li qed jiffaċċja diżastru umanitarju straordinarju li qatt ma kien hemm bħalu;

5.  Jissottolinja l-importanza ta' Mosul għall-Iraq kollu kemm hu, u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li f'amministrazzjoni ġdida ta' Mosul il-minoranzi jkunu rappreżentati; iqis li r-ritorn tar-rifuġjati u tal-persuni spostati f'pajjiżhom se jiddependi mill-istabilità tal-amministrazzjoni l-ġdida; jenfasizza d-dritt leġittimu li għandhom il-minoranzi etniċi u reliġjużi għall-parteċipazzjoni politika u li d-drittijiet ta' proprjetà tagħhom jerġgħu għal li kienu;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq u lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, kif ukoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, lill-komunità internazzjonali u lill-atturi internazzjonali, jiżguraw l-integrità u s-sigurtà territorjali tal-Pjanuri ta' Nineveh;

7.  Iħeġġeġ lill-atturi kollha li qed jiġġieldu lill-ISIS/id-Da'esh fir-Repubblika tal-Iraq jiżviluppaw kooperazzjoni u djalogu politiċi sostenibbli, fit-tul u inklussivi bil-għan li jipprovdu l-pedament għal Iraq li jkun ħieles mill-movimenti radikali u estremisti; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha, il-Koalizzjoni Globali kontra l-ISIL, il-komunità u l-atturi internazzjonali jaħdmu flimkien mal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tar-Repubblika tal-Iraq favur soluzzjoni sostenibbli dwar is-sigurtà fil-Pjanuri ta' Nineveh, f'Tal Afar u f'Sinjar;

8.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-komunità internazzjonali kollha kemm hi jaħdmu mal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tar-Repubblika tal-Iraq biex jimmonitorjaw l-integrazzjoni mill-ġdid tal-Iraqini kollha u tal-minoranzi etniċi u reliġjużi kollha li ġew spostati; iqis li l-postijiet tal-kenn, li huma protetti minn forzi b'mandat min-NU, jistgħu jkunu parti mir-risposta għall-isfida enormi tal-protezzjoni temporanja għal miljuni ta' refuġjati li ġejjin mill-kunflitt fis-Sirja u fl-Iraq;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu r-rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertajiet diġitali; iqis li midja bbilanċjata fl-Iraq u fir-reġjuni kollha tagħha hija fundamentali, u tkun tippromwovi l-paċi u tiġġieled lil kull tip ta' ideoloġija radikalizzanti wara li jinqerdu l-ISIS/id-Da'esh;

10.  Jistieden lill-atturi reġjonali kollha jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iwaqqfu l-attivitajiet kollha mwettqa minn entitajiet uffiċjali jew privati mmirati biex jippropagaw u jxerrdu ideoloġiji Iżlamisti estremi; jistieden lill-UE tiffaċilita djalogu reġjonali dwar il-problemi li qed iħabbat wiċċu magħhom il-Lvant Nofsani u tinkludi l-partijiet sinifikanti kollha, b'mod partikolari lill-Iraq, lill-Arabja Sawdija u lit-Turkija; jirrikonoxxi l-kontribut deċiżiv tal-Iran fl-Iraq, li waqqaf l-avvanz tal-ISIS/tad-Da'esh u rkupra territorji li kienu ġew soġġetti għat-terroriżmu ġiħadista;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lill-Gvern tat-Turkija, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.