Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1233/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1233/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja

16.11.2016 - (2016/2934(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Knut Fleckenstein, Andrejs Mamikins, Jens Nilsson, Zigmantas Balčytis, Vilija Blinkevičiūtė, Tanja Fajon, Doru-Claudian Frunzulică, Karoline Graswander-Hainz, Anna Hedh, Miroslav Poche, Marlene Mizzi, Tibor Szanyi, Julie Ward, Elena Valenciano, Josef Weidenholzer, Miriam Dalli f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1232/2016

Proċedura : 2016/2934(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1233/2016
Testi mressqa :
B8-1233/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-1233/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja

(2016/2934(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-11 ta' Settembru 2016 u l-elezzjonijiet presidenzjali tal-11 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Belarussja tat-13 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari reċenti fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tal-OSKE/ODIHR, l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Frar 2016, li neħħew is-sanzjonijiet kontra 170 individwu u tliet kumpaniji Belarussi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-OSKE tat-28 ta' Jannar 2016 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarussja fil-11 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-bosta dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet Belarussi li xi rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 kienu se jiġu implimentati qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-ħelsien ta' sitt priġunieri politiċi mill-awtoritajiet Belarussi fit-22 ta' Awwissu 2015, segwit mid-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar il-ħelsien ta' priġunieri politiċi fil-Belarussja fit-22 ta' Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fir-rapport finali tiegħu dwar l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 fil-Belarussja, l-OSKE/ODIHR, flimkien mal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, ħejjew sett ta' rakkomandazzjonijiet biex jiġu implimentati mill-Belarussja qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;

B.  billi sabiex jibnu relazzjonijiet aħjar mal-Punent, l-awtoritajiet Belarussi ppermettew li partiti tal-oppożizzjoni demokratika jirreġistraw għall-elezzjonijiet parlamentari tal-2016 aktar faċilment milli f'elezzjonijiet preċedenti, u l-osservaturi barranin ingħataw aċċess akbar għall-għadd tal-voti;

C.  billi, skont il-valutazzjoni tal-OSKE/ODIHR, l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016 kienu organizzati b'mod effiċjenti, iżda għad fadal għadd ta' nuqqasijiet sistemiċi fit-tul, inklużi restrizzjonijiet għal drittijiet politiċi u libertajiet fundamentali fil-qafas ġuridiku; billi l-għadd u t-tabulazzjoni raw għadd sinifikanti ta' irregolaritajiet proċedurali u kienu nieqsa mit-trasparenza;

D.  billi l-oppożizzjoni demokratika se tkun rappreżentata fil-Parlament Belarussu għall-ewwel darba f'20 sena;

E.  billi fil-Belarussja, mill-1994 ma saret l-ebda elezzjoni li kienet libera u ġusta taħt leġiżlazzjoni elettorali konformi mal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment tal-OSKE/ODIHR;

F.  billi l-UE neħħiet il-biċċa l-kbira tal-miżuri restrittivi tagħha kontra uffiċjali u entitajiet legali Belarussi fi Frar 2016 bħala ġest ta' rieda tajba biex tħeġġeġ lill-Belarussja ttejjeb id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt tagħha; billi ġew innutati xi sforzi viżibbli biex jiġu indirizzati ċerti kwistjonijiet li ilhom għaddejjin minn qabel l-elezzjonijiet tal-2016, filwaqt li fl-istess ħin ħafna kwistjonijiet li ma ġewx indirizzati għadhom fil-qafas elettorali ġuridiku u proċedurali;

G.  billi l-"Human Rights Defenders for Free Elections" (Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem għal Elezzjonijiet Ħielsa - HRD) u r-"Right to Choose-2016" (Id-Dritt għal Għażla-2016 - R2C), iż-żewġ gruppi ta' osservazzjoni elettorali Belarussi, ikkundannaw l-aħħar elezzjonijiet talli ma ssodisfawx għadd ta' standards internazzjonali ewlenin u talli mhumiex riflessjoni kredibbli tar-rieda taċ-ċittadini Belarussi;

H.  billi gruppi ta' osservazzjoni Belarussi ġabru evidenza konkreta ta' sforzi nazzjonali massivi biex ikabbru l-għadd totali ta' eletturi li ħarġu jivvutaw matul il-perjodu ta' votazzjoni bikrija ta' ħamest ijiem (6-10 ta' Settembru 2016) u f'jum l-elezzjoni (11 ta' Settembru 2016);

I.  billi l-ewwel żjara uffiċjali mill-2002 'l hawn tad-Delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Belarussja saret f'Minsk fit-18 u d-19 ta' Ġunju 2015; billi l-Parlament attwalment m'għandu ebda relazzjoni uffiċjali mal-Parlament Belarussu;

J.  billi l-Belarussja kellha rwol kostruttiv fil-faċilitazzjoni ta' ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna;

K.  billi l-invażjoni Russa u l-annessjoni tal-Krimea komplew iżidu l-biża' tas-soċjetà Belarussa li jkun hemm destabilizzazzjoni tas-sitwazzjoni interna b'konsegwenza ta' bidla fil-poter;

L.  billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu jwettaq il-piena kapitali; billi fl-4 ta' Ottubru 2016, il-Qorti Suprema Belarussa kkonfermat is-sentenza tal-mewt kontra Siarhei Vostrykau; billi din kienet ir-raba' konferma ta' sentenza tal-mewt fl-2016;

M.  billi titjib sinifikanti fil-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, ir-rispett tad-drittijiet politiċi kemm taċ-ċittadini ordinarji kif ukoll tal-attivisti tal-oppożizzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma kollha prerekwiżiti għal relazzjonijiet aħjar bejn l-UE u l-Belarussja; billi l-Unjoni Ewropea għadha impenjata bis-sħiħ li tkompli tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inkluża l-libertà tal-espressjoni u tal-midja;

N.  billi, kif iddikjarat fir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja tal-21 ta' April 2016, minkejja intensifikazzjoni evidenti tal-kuntatti bejn il-Belarussja, l-UE u l-Istati Uniti, il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem għadhom jippersistu u ma ġiet innutata l-ebda bidla sinifikanti;

O.  billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ġibdu l-attenzjoni għal metodi ġodda ta' intimidazzjoni tal-oppożizzjoni:

1.  Jibqa' serjament imħasseb dwar in-nuqqasijiet osservati mill-osservaturi internazzjonali indipendenti matul l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 u l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016; jirrikonoxxi l-isforzi biex isir progress, li għadhom mhux biżżejjed; jinnota li l-oppożizzjoni se jkollha żewġ rappreżentanti fil-Parlament li għadu kif ġie elett; iqis, madankollu, li dawn huma aktar ħatriet politiċi milli ħatriet bħala riżultat elettorali ġust;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jerġgħu jibdew mingħajr dewmien il-ħidma fuq riforma elettorali komprensiva bħala parti minn proċess ta' demokratizzazzjoni usa' u f'kooperazzjoni ma' sħab internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR fi żmien xieraq qabel l-elezzjonijiet muniċipali ta' Marzu 2018; jenfasizza li dan huwa ta' importanza ewlenija biex jintlaħaq it-titjib mixtieq fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja;

3.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi sabiex jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Belarussja;

4.  Jistieden lill-Gvern Belarussu jirriabilita l-priġunieri politiċi meħlusa u jagħtihom lura d-drittijiet ċivili u politiċi kollha tagħhom;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li mis-sena 2000 'l hawn ma ġie rreġistrat l-ebda partit politiku ġdid fil-Belarussja; jitlob li jiġu llaxkati r-restrizzjonijiet f'dan il-qasam, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu permessi attivitajiet politiċi bla xkiel;

6.  Jistenna li l-awtoritajiet iwaqqfu l-intimidazzjoni tal-midja indipendenti għal raġunijiet politiċi; iħeġġiġhom iwaqqfu l-prattika ta' prosekuzzjoni amministrattiva u l-użu arbitrarju tal-Artikolu 22(9)(2) tal-Kodiċi Amministrattiv kontra l-ġurnalisti indipendenti li jaħdmu mal-midja barranija mingħajr akkreditazzjoni, li tillimita d-dritt għal-libertà ta' espressjoni u għat-tixrid ta' informazzjoni;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jħassru l-Artikolu 193(1) tal-Kodiċi Kriminali tal-Belarussja, li jipprojbixxi l-organizzazzjoni ta' attivitajiet ta' assoċjazzjonijiet pubbliċi mhux reġistrati jew il-parteċipazzjoni fl-istess l-attivitajiet, minħabba li din id-dispożizzjoni tmur kontra l-istandards internazzjonali dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u tirrappreżenta ksur mill-Belarussja tal-obbligi tagħha tal-OSKE u tan-NU;

8.  Iħeġġeġ lill-Belarussja, bħala l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali, sabiex tingħaqad mal-moratorju globali dwar l-eżekuzzjoni tal-piena ta' mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha; ifakkar li l-piena kapitali tikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, ma għandha l-ebda effett deterrenti ppruvat u tagħmel l-iżbalji ġudizzjarji irriversibbli;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jirrikonoxxu u jestendu kooperazzjoni sħiħa mal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja billi jinvolvu ruħhom fi djalogu sostantiv u kostruttiv u jiffaċilitaw żjara fil-pajjiż;

10.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni jfittxu mezzi ġodda biex jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu appoġġjati s-sorsi ta' informazzjoni indipendenti kollha għas-soċjetà Belarussa, inkluża l-midja li xxandar il-programmi bl-ilsien Belarussu;

11.  Jinnota li f'Jannar 2014 ingħata bidu għan-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi bl-għan li jittejbu l-kuntatti bejn il-persuni u li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili; jenfasizza li l-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jitħaffef il-progress f'dan ir-rigward;

12.  Jappoġġja l-UE fil-politika tagħha ta' "impenn kritiku" mal-awtoritajiet Belarussi, u jesprimi li hu lest ukoll li jikkontribwixxi għal din il-politika permezz tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Belarussja; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-inizjattivi leġislattivi fil-Belarussja u tiskrutinizza l-implimentazzjoni tagħhom;

13.  Itenni l-impenn tiegħu li jaħdem għall-benefiċċju tal-poplu tal-Belarussja, jappoġġja l-aspirazzjonijiet u l-inizjattivi prodemokratiċi tagħhom u jikkontribwixxi għal ġejjieni stabbli, demokratiku u prosperuż għall-pajjiż;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-OSKE/ODIHR, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-awtoritajiet Belarussi.