MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja
16.11.2016 - (2016/2934(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Petras Auštrevičius, Dita Charanzová, Ivan Jakovčić, Urmas Paet, Jozo Radoš, Pavel Telička f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1232/2016
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tal-10 ta' Settembru 2015[1], tad-29 ta' Marzu 2012[2], tas-16 ta' Frar 2012[3], tal-15 ta' Settembru 2011[4], tat-12 ta' Mejju 2011[5], tal-10 ta' Marzu 2011[6] u tal-20 ta' Jannar 2011[7],
– wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-11 ta' Settembru 2016 u l-elezzjonijiet presidenzjali li saru fil-11 ta' Ottubru 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tal-OSKE/ODIHR, tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE u tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Frar 2016, li neħħew il-miżuri restrittivi kontra 170 individwu u tliet kumpaniji Belarussi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fir-rapport finali tiegħu dwar l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 fil-Belarussja, l-OSKE/ODIHR, flimkien mal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, ħejjew sett ta' rakkomandazzjonijiet biex jiġu implimentati mill-Belarussja qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;
B. billi, sabiex jibnu relazzjonijiet aħjar mal-Punent, l-awtoritajiet Belarussi ħadu għadd ta' miżuri ppreżentati bħala li jippermettu lill-partiti demokratiċi tal-oppożizzjoni biex jirreġistraw b'mod aktar faċli mill-elezzjonijiet preċedenti u li jagħtu aċċess aħjar lill-osservaturi barranin għall-għadd tal-voti, li fil-verità, skont il-valutazzjoni tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali mmexxija mill-OSKE/ODIHR, ma wasslux biex l-elezzjonijiet isiru b'mod xieraq f'konformità mal-impenji tal-OSKE u ma' obbligi u standards oħra internazzjonali;
C. billi, skont il-valutazzjoni tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016, għad fadal għadd ta' nuqqasijiet sistemiċi fit-tul, inklużi restrizzjonijiet għal drittijiet politiċi u libertajiet fundamentali fil-qafas ġuridiku; billi l-kummissjonijiet elettorali ġew meqjusa li għadhom mhumiex indipendenti, minħabba n-nuqqas ta' rappreżentanti tal-oppożizzjoni; billi l-votazzjoni bikrija, l-għadd u t-tabulazzjoni rreġistraw għadd sinifikanti ta' irregolaritajiet proċedurali u kienu nieqsa mit-trasparenza;
D. billi skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, is-sistemi ġuridiċi u amministrattivi sottostanti restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-bniedem għadhom mhux mibdula, u ż-żewġ deputati tal-parlament indipendenti 'simboliċi' (token) jissottolinjaw biss in-natura 'ggwidata' tal-proċess;
E. billi sa mill-1994, fil-Belarussja ma kien ebda elezzjoni li kienet libera u ġusta skont leġiżlazzjoni elettorali f'konformità mal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment tal-OSKE/ODIHR;
F. billi titjib sinifikanti fil-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, ir-rispett tad-drittijiet politiċi kemm taċ-ċittadini ordinarji kif ukoll tal-attivisti tal-oppożizzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma kollha prerekwiżiti għal relazzjonijiet aħjar bejn l-UE u l-Belarussja; billi l-Unjoni Ewropea għadha impenjata bis-sħiħ li tkompli tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inkluża l-libertà tal-espressjoni u tal-midja;
G. billi l-UE temmet ħames snin ta' miżuri restrittivi kontra l-Belarussja fi Frar 2016 bħala ġest ta' rieda tajba biex tħeġġeġ lill-Belarussja ttejjeb id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt tagħha; billi ġew innutati għadd ta' sforzi minuri biex jiġu indirizzati ċerti kwistjonijiet li ilhom għaddejjin minn qabel l-elezzjonijiet tal-2016, filwaqt li fl-istess ħin ħafna kwistjonijiet fir-rigward tal-qafas elettorali ġuridiku u proċedurali għadhom ma ġewx indirizzati;
H. billi Human Rights Defenders for Free Elections (HRD) u Right to Choose2016 (R2C), iż-żewġ gruppi ta' osservazzjoni elettorali Belarussi, ikkundannaw l-aħħar elezzjonijiet talli ma ssodisfawx għadd ta' standards internazzjonali ewlenin u talli ma jirriflettux b'mod kredibbli r-rieda taċ-ċittadini Belarussi;
I. billi l-gruppi ta' osservazzjoni Belarussi ġabru evidenza konkreta ta' sforzi nazzjonali massivi biex ineffħu l-ammont ta' persuni li ħarġu jivvutaw matul il-perjodu ta' votazzjoni bikrija ta' ħamest ijiem (6-10 ta' Settembru 2016) u f'jum l-elezzjoni (11 ta' Settembru 2016);
J. billi l-forzi tal-oppożizzjoni Belarussi taċ-ċentru-lemin, fit-18 ta' Novembru 2015, għall-ewwel darba ppreżentaw ftehim ta' kooperazzjoni konġunta biex jibqgħu magħqudin matul l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;
K. billi l-Parlament bħalissa m'għandu ebda relazzjoni uffiċjali mal-Parlament Belarussu; billi l-ewwel żjara uffiċjali mill-2002 'l hawn tad-Delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Belarussja saret f'Minsk fit-18 u d-19 ta' Ġunju 2015;
L. billi l-Parlament Belarussu ma għandu ebda status uffiċjali fl-Assemblea Parlamentari Euronest;
M. billi l-Belarussja kellha rwol kostruttiv fil-faċilitazzjoni ta' ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna;
N. billi l-kunflitt fl-Ukrajna kabbar il-biża' fis-soċjetà Belarussa ta' destabilizzazzjoni tas-sitwazzjoni interna b'riżultat ta' bidla fil-poter, li madankollu, ma jfissirx u ma jimplikax li l-poplu tal-Belarussja abbanduna t-tama tiegħu għal riformi sostanzjali u għal trasformazzjoni paċfika ta' pajjiżu;
O. billi l-ekonomija tal-Belarussja esperjenzat aktar minn għoxrin sena ta' staġnar, b'setturi ewlenin jibqgħu taħt is-sjieda tal-istat u taħt sistema ta' kmand u kontroll amministrattiv; billi qiegħda tkompli tiżdied b'mod kontinwu d-dipendenza ekonomika tal-Belarussja fuq l-għajnuna ekonomika tar-Russja, u billi l-prestazzjoni ekonomika tal-Belarussja hija fost l-aktar baxxa fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika – pereżempju, il-PDG tagħha naqas b'aktar minn USD 30 biljun fl-2015-2016;
P. billi l-Belarussja tibqa' l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali; billi fl-4 ta' Ottubru 2016, il-Qorti Suprema Belarussa kkonfermat is-sentenza tal-mewt kontra Siarhei Vostrykau; billi din hija r-raba' konferma mill-Qorti Suprema Belarussa ta' sentenza tal-mewt fl-2016;
Q. billi, kif iddikjarat fir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja tal-21 ta' April 2016, minkejja intensifikazzjoni evidenti tal-kuntatti bejn il-Belarussja, l-UE u l-Istati Uniti, il-vjolazzjonijiet tal-drittijiet tal-bniedem għadhom jippersistu u ma ġiet innutata l-ebda bidla sinifikanti;
R. billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ġibdu l-attenzjoni għal metodi ġodda ta' intimidazzjoni tal-oppożizzjoni u għall-arresti ta' Eduard Palchis, Mikhail Zhamchuzhny u Uladzimir Kondrus lejn tmiem l-2015 u fl-2016, l-aħħar tnejn ġew identifikati bħala priġunieri politiċi miċ-ċentru Belarussu tad-drittijiet tal-bniedem "Viasna";
S. billi l-Belarussja bħalissa qiegħda tibni l-ewwel impjant tal-enerġija nukleari tagħha f'Ostrovets, mal-fruntiera tal-UE; billi dan il-bini fil-fatt qiegħed jitmexxa u qiegħed jiġi ffinanzjat mir-Russja u minn kumpaniji Russi li jirrappreżentaw is-setturi nukleari u finanzjarji;
1. Jibqa' serjament imħasseb dwar in-nuqqasijiet osservati mill-osservaturi internazzjonali indipendenti matul l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 u parlamentari tal-2016; jirrikonoxxi l-isforzi biex isir progress, li għadhom żgħar wisq u insuffiċjenti; jinnota li fil-parlament li għadu kemm ġie elett se jkun hemm rappreżentant tal-oppożizzjoni u rappreżentant tas-settur mhux governattiv; iqis, madankollu, li dawn huma ħatriet politiċi aktar milli riżultat tal-eżitu elettorali, peress li dawn ir-rappreżentanti ġew maħtura mill-amministrazzjoni;
2. Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jerġgħu jibdew mingħajr dewmien il-ħidma dwar riforma elettorali komprensiva bħala parti minn proċess ta' demokratizzazzjoni usa' u f'kooperazzjoni ma' sħab internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR fi żmien xieraq qabel l-elezzjonijiet muniċipali ta' Marzu 2018 u li dawn jiġu osservati bis-sħiħ fil-prattika; jenfasizza li dan huwa ta' importanza ewlenija biex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja;
3. Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi sabiex jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula fi ħdan l-Eżami Perjodiku Universali (EPU) tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Belarussja;
4. Jistieden lill-Gvern Belarussu jirriabilita l-priġunieri politiċi kollha li ġew meħlusa u jagħtihom lura d-drittijiet ċivili u politiċi kollha tagħhom;
5. Jesprimi t-tħassib tiegħu li mis-sena 2000 'l hawn ma ġie rreġistrat l-ebda partit politiku ġdid fil-Belarussja; jistieden lill-Belarussja tabbanduna r-restrizzjonijiet kollha f'dan ir-rigward;
6. Jistieden lill-Gvern Belarussu biex iħassar mingħajr dewmien l-Artikolu 193(1) tal-Kodiċi Kriminali, li jippenalizza l-organizzazzjoni u l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta' assoċjazzjonijiet u organizzazzjoni pubbliċi mhux reġistrati, u biex jippermetti l-funzjonament legali sħiħ, liberu u mingħajr xkiel tal-assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, b'mod partikolari, għall-fatt li bħalissa, b'riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 193(1) u ta' miżuri restrittivi oħra, hemm aktar minn 150 NGO Belarussi rreġistrati fil-Litwanja, fil-Polonja, fir-Repubblika Ċeka u bnadi oħra; jinnota l-inkosistenza fl-isforzi tal-UE biex tiżdied l-assistenza finanzjarja permezz ta' kanali kkontrollati mill-Gvern Belarussu filwaqt li appoġġ finanzjarju internazzjonali lis-settur mhux governattiv fil-Belarussja għadu soġġett għal piż kbir tat-taxxa;
7. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni jipprijoritizzaw it-tħassib imsemmi hawn fuq fid-djalogu li għaddej dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Belarussja u, f'dan il-kuntest, jespandi l-kooperazzjoni tal-UE mal-atturi internazzjonali kollha, fosthom in-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE u, fl-aħħar u mhux l-inqas, l-oppożizzjoni tal-Belarus u s-soċjetà ċivili indipendenti, fl-isforzi tiegħu biex jinvolvi lill-awtoritajiet Belarussi fl-abbozzar ta' pjan direzzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
8. Jikkundanna l-fatt li l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għad għandu l-piena tal-mewt, u dan imur kontra l-valuri Ewropej; jappella għal moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet u għal bidliet fil-kodiċi penali sabiex il-piena kapitali tiġi abolita; ifakkar li l-piena kapitali tikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, ma għandha l-ebda effett deterrenti ppruvat u tagħmel l-iżbalji ġudizzjarji irriversibbli; iqis li huwa inaċċettabli li sentenza ta' mewt ingħatat l-għada li l-Unjoni Ewropea neħħiet ħafna mis-sanzjonijiet kontra l-Belarussja;
9. Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu u jespandu l-appoġġ tagħhom għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw fil-Belarussja u barra mill-pajjiż, f'konformità mal-politika tal-UE ta' involviment kritiku mal-Belarussja; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jingħata appoġġ lis-sorsi ta' informazzjoni indipendenti kollha għas-soċjetà Belarussa, inkluża l-midja li xxandar il-programmi bl-ilsien Belarussu, u minn barra l-pajjiż; iqis li huwa importanti li jibqgħu jiġu megħjuna l-programmi u l-istituzzjonijiet edukattivi li jiffunzjonaw f'eżilju, bħall-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi f'Vilnius;
10. Jinnota li f'Jannar 2014 ingħata bidu għan-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi bl-għan li jittejbu l-kuntatti bejn il-persuni u li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili; jenfasizza l-ħtieġa li jitħaffef il-progress f'dan ir-rigward;
11. Jinsab imħasseb b'mod partikolari dwar il-problemi ta' sigurtà li tqajmu mill-bini tal-impjant tal-enerġija nukleari Belarussu f'Ostrovets, f'inqas minn 50 kilometru bogħod minn Vilnius; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet Belarussi biex jinvolvu ruħhom f'kooperazzjoni kostruttiva mal-awtoritajiet internazzjonali rilevanti kollha, mal-UE u l-Istati Membri tagħha, u biex jibdew jaderixxu ruħhom b'mod rigoruż mal-Konvenzjonijiet ta' Espoo u ta' Aarhus tan-NU u biex juru r-rieda politika biex isegwu l-valutazzjonijiet tar-riskju u tas-sigurtà ta' wara Fukushima applikati mill-UE;
12. Jappella bil-qawwa lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest tad-djalogu dwar l-enerġija ppjanat bejn l-UE u l-Belarussja, biex tipprijoritizza l-kwistjoni tas-sigurtà u t-trasparenza fir-rigward tal-impjant tal-enerġija nukleari Belarussu, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament u lill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk ġirien tal-Belarussja, b'rapporti regolari dwar l-isforzi tagħha biex tiżgura l-ogħla livell ta' standards ta' sigurtà nukleari fil-kuntest ta' dan is-sit nukleari li qiegħed jinbena; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istituzzjonijiet u l-mekkaniżmi finanzjarji tal-UE, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment jew il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), ma jiġux użati direttament jew indirettament biex jiffinanzjaw l-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ostrovets, u biex tivvaluta jekk il-garanzija tal-UE li ngħatat lill-BEI aktar kmieni fl-2016 hijiex konformi mas-sanzjonijiet tal-UE imposti fuq il-Federazzjoni Russa;
13. Jappoġġa lill-UE fil-politika tagħha ta' 'impenn kritiku' mal-awtoritajiet Belarussi, u jesprimi li huwa lest ukoll li jikkontribwixxi għal din il-politika permezz tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Belarussja; ifakkar li l-UE jeħtiġilha, madankollu, żżomm għajnejha miftuħa f'dak li jikkonċerna fejn jiġu allokati r-riżorsi tagħha u biex tiżgura li dawn jikkontribwixxu għat-titjieb tas-sitwazzjoni tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili;
14. Itenni l-impenn tiegħu li jaħdem għall-benefiċċju tal-poplu tal-Belarussja, jappoġġja l-aspirazzjonijiet u l-inizjattivi prodemokratiċi tagħhom u jikkontribwixxi għal futur stabbli, demokratiku u prosperuż għall-pajjiż;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-OSKE/ODIHR, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-awtoritajiet Belarussi.