Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1239/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1239/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Belarussja

16.11.2016 - (2016/2934(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Helmut Scholz, Jiří Maštálka, Merja Kyllönen f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2016/2934(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1239/2016
Testi mressqa :
B8-1239/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-1239/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Belarussja

(2016/2934(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f’dawn l-aħħar sentejn ittieħdu numru ta’ passi li taw kontribut għat-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja; billi dawn jinkludu negozjati dwar ftehim ta’ faċilitazzjoni tal-viżi u ta’ Riammissjoni u s-Sħubija għall-Mobilità, it-tkomplija tad-djalogu bejn l-UE u l-Belarussja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, l-iffirmar ta’ Arranġament ta’ Kooperazzjoni dwar Mekkaniżmu ta’ Twissija Bikrija fis-settur tal-enerġija, u l-parteċipazzjoni proattiva tal-Belarussja fis-Sħubija tal-Lvant;

B.  billi l-UE ma estendietx il-miżuri restrittivi li jaffettwaw 170 individwu u tliet kumpanniji, iżda ddeċidiet li l-embargo fuq l-armi u l-miżuri restrittivi relatati mal-erba’ individwi elenkati b’rabta mal-għajbien mhux riżolt ta’ żewġ politiċi tal-oppożizzjoni, negozjant u ġurnalist, ser jibqgħu f’posthom;

C.  billi l-priġunieri politiċi ġew rilaxxati; billi l-Missjoni tal-OSKE għall-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet ikkonkludiet: “l-elezzjonijiet parlamentari tal-11 ta’ Settembru ġew organizzati b’mod effiċjenti u... Kien hemm sforzi viżibbli biex jiġu indirizzati xi problemi li ilhom jeżistu”, iżda xorta waħda nnutat li: “Għadhom jeżistu ċertu numru ta’ nuqqasijiet sistemiċi, bħall-fatt li l-qafas ġuridiku jirrestrinġi d-drittijiet politiċi u l-libertajiet fundamentali u ġie interpretat b’mod wisq restrittiv. Il-kopertura tal-midja ma ppermettietx lill-votanti jagħmlu għażla infurmata u, minkejja żieda ġenerali fl-għadd ta’ kandidati, inkluż numru sinifikanti mill-oppożizzjoni, il-kampanja kellha viżibilità skarsa”;

D.  billi l-Belarussja beda jkollha rwol kostruttiv fir-reġjun;

E.  billi l-piena kapitali għadha tintuża fil-Belarussja;

F.  billi l-Belarussja hija membru tal-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika; billi r-Russja hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Belarussja u tirrappreżenta kważi nofs il-kummerċ internazzjonali tal-Belarussja;

1.  Jistieden lill-UE żżomm il-momentum għal normalizzazzjoni ulterjuri sjtar-relazzjonijiet mal-Belarussja: jilqa’ t-tneħħija tal-miżuri restrittivi kontra l-Belarussja u jtenni l-fehma tiegħu li d-differenzi eżistenti jistgħu jiġu indirizzati aħjar permezz ta’ kanali ta’ komunikazzjoni mtejba u aktar involviment tal-UE, u b’mod partikolari tal-Parlament Ewropew, fi djalogu mal-Belarussja u b’mod partikolari ċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili tagħha, kif ukoll mal-parlament u d-diversi partiti politiċi, billi bhekk jistgħu jinkisbu riżultati tanġibbli u jista’ jsir kontribut għall-indipendenza, is-sovranità u l-prosperità tal-pajjiż;

2.  Jitlob li jiġu stabbiliti relazzjonijiet parlamentari normali bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Belarussja; huwa tal-fehma li dan huwa l-qafas xieraq għal djalogu komprensiv dwar kwistjonijiet ta' interess komuni, fosthom dawk fejn is-sħab ikollhom differenzi fundamentali;

3.  Jinnota r-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari u l-fatt li, għall-ewwel darba fi 12-il sena, xi membri tal-oppożizzjoni huma rappreżentati fil-parlament; jistieden lill-Gvern Belarussu, flimkien mal-parlament li għadu kif ġie elett, biex ikomplu l-proċess ta’ demokratizzazzjoni u jagħmlu sforz komprensiv biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet li ilhom jeżistu tal-OSKE u l-Kummissjoni ta’ Venezja;

4.  Jilqa' d-disponibilità tal-awtoritajiet Belarussi li jerġgħu jibdew id-djalogu mas-sħab internazzjonali bħall-UE dwar problemi marbuta mad-drittijiet tal-bniedem; jiddeplora l-fatt li għad hemm problemi fil-kooperazzjoni mar-Relatur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Belarussja; jistieden lill-gvern u l-parlament tal-Belarussja jindirizzaw it-tħassib u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-28 ta’ Ġunju 2016[1];

5.  Itenni l-appelli tiegħu lill-Belarussja biex iddaħħal moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt bil-ħsieb tal-abolizzjoni tagħha;

6.  Jistieden lill-Belarussja tkompli tikkontribwixxi biex jerġgħu jinfetħu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn ir-Russja, l-Ukrajna u l-UE;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-Komunità tal-Istati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Belarussja.