MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja
16.11.2016 - (2016/2934(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Anna Elżbieta Fotyga, Mark Demesmaeker, Ryszard Czarnecki, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Angel Dzhambazki, Kazimierz Michał Ujazdowski, Marek Jurek f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1232/2016
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-11 ta’ Settembru 2016,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Belarussja tat-13 ta’ Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari reċenti fil-Belarussja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tat-12 ta’ Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tal-OSKE/ODIHR, l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) tat-12 ta’ Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarussja, b’mod partikolari dawk tas-16 ta’ Frar 2016, li neħħew is-sanzjonijiet kontra 170 individwu u tliet kumpanniji Belarussi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tat-12 ta’ Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-bosta dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet Belarussi li xi rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 kienu se jiġu implimentati qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fir-rapport finali tiegħu dwar l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 fil-Belarussja, l-OSKE/ODIHR ħejja sett ta’ rakkomandazzjonijiet biex jiġu implimentati mill-Belarussja qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;
B. billi, skont il-valutazzjoni tal-OSKE/ODIHR, l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016 kienu organizzati b’mod effiċjenti, iżda għad fadal għadd ta’ nuqqasijiet sistemiċi fit-tul, inklużi restrizzjonijiet għal drittijiet politiċi u libertajiet fundamentali fil-qafas ġuridiku;
C. billi għad hemm liġijiet u prattiki mhux demokratiċi sostanzjali, li jagħmlu l-proċess elettorali kollu kemm hu mhux trasparenti u mhux demokratiku; billi dan jikkonċerna fil-biċċa l-kbira prattiki ta' votazzjoni bikrija mhux tas-soltu u nuqqas ta’ aċċess min-naħa tal-oppożizzjoni għall-għadd tal-voti (ir-rappreżentanza tal-oppożizzjoni fil-kumitati elettorali tad-distretti kienet biss ta’ 0.08 %);
D. billi l-uniku istitut ta' stħarriġ tal-opinjoni indipendenti fil-Belarussja (NISEPI) issospenda l-attivitajiet tiegħu wara pressjoni min-naħa tal-gvern, li jagħmilha diffiċli ħafna biex wieħed jivvaluta x’inhuma konkretament il-preferenzi politiċi taċ-ċittadini Belarussi;
E. billi fil-Belarussja, mill-1994 ma saret l-ebda elezzjoni li kienet libera u ġusta taħt il-leġiżlazzjoni elettorali f'konformità mal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment tal-OSKE/ODIHR;
F. billi, minkejja xi bidliet pożittivi, il-Belarussja għadha stat ċentralizzat u awtokratiku taħt dittatorjat “ħafif”, fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ikompli jsir sistematikament minn korpi tal-istat kontra individwi li ma jaqblux jew li jipprotestaw, fejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti qed ikomplu jiġu intimidati u qed jinżammu milli jwettqu d-dmirijiet tagħhom kif suppost, u fejn rappreżentanti tal-midja indipendenti jew barranija li ma jkollhom akkreditazzjoni approvata mill-Istat spiss ikunu detenuti, jittellgħu l-qorti u/jew jingħataw multa;
G. billi l-politika tal-UE ta’ “impenn kritiku” għandha l-għan li tħeġġeġ lill-Belarussja biex ittejjeb ir-rekord tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; billi l-UE jeħtiġilha tiżgura li r-riżorsi tagħha ma jintużawx għar-repressjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti indipendenti u l-mexxejja tal-oppożizzjoni;
H. billi l-ewwel żjara uffiċjali mill-2002 'l hawn tad-Delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Belarussja saret f'Minsk fit-18 u d-19 ta' Ġunju 2015; billi l-Parlament bħalissa m'għandu ebda relazzjoni uffiċjali mal-Parlament Belarussu;
I. billi titjib sinifikanti fil-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, ir-rispett tad-drittijiet politiċi kemm taċ-ċittadini ordinarji kif ukoll tal-attivisti tal-oppożizzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma kollha prerekwiżiti għal relazzjonijiet aħjar bejn l-UE u l-Belarussja; billi l-Unjoni Ewropea għadha impenjata bis-sħiħ li tkompli tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inkluża l-libertà tal-espressjoni u tal-midja;
J. billi l-elezzjonijiet ma ġewx segwiti minn arresti enormi bħal ħafna oħrajn fil-passat; billi, madankollu, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ġibdu l-attenzjoni dwar il-metodi ġodda ta’ intimidazzjoni tal-oppożizzjoni u l-arresti ta’ Eduard Palchis u Uladzimir Kondrus fl-2016;
1. Jibqa' serjament imħasseb dwar in-nuqqasijiet osservati mill-osservaturi internazzjonali indipendenti matul l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 u parlamentari tal-2016; iqis li t-titjib kollu nnutat bħala motivat mill-fatt li r-reġim ipprova jattira iktar għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi tal-Punent; ifakkar, madankollu, li l-Belarussja mhijiex membru tad-WTO, iżda tappartjeni għall-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika (EAEU);
2. Jinnota li l-oppożizzjoni se jkollha żewġ rappreżentanti fil-Parlament elett il-ġdid, iżda jqishom bħala ħatriet politiċi aktar milli riflessjoni tar-riżultati tal-elezzjoni;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jerġgħu jibdew mingħajr dewmien il-ħidma fuq riforma elettorali komprensiva bħala parti minn proċess ta' demokratizzazzjoni usa' u f'kooperazzjoni ma' sħab internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR fi żmien xieraq qabel l-elezzjonijiet muniċipali ta' Marzu 2018; jenfasizza li dan huwa ta' importanza ewlenija biex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja;
4. jistieden lill-Gvern Belarussu jirriabilita l-priġunieri politiċi meħlusa u jagħtihom lura d-drittijiet ċivili u politiċi kollha tagħhom;
5. Jesprimi t-tħassib tiegħu li mis-sena 2000 'l hawn ma ġie rreġistrat l-ebda partit politiku ġdid fil-Belarussja; jitlob għal approċċ inqas restrittiv fuq din il-kwistjoni;
6. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni jfittxu mezzi oħra kif jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jingħata appoġġ lis-sorsi ta' informazzjoni indipendenti kollha għas-soċjetà Belarussa, inkluża l-midja li xxandar il-programmi bl-ilsien Belarussu, u minn barra l-pajjiż;
7. Jinnota li f'Jannar 2014 ingħata bidu għan-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi bl-għan li jittejjbu l-kuntatti bejn il-persuni u li tiġi mħeġġa l-emerġenza s-soċjetà ċivili; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitħaffef il-progress f’dan ir-rigward;
8. Jikkundanna bil-qawwa l-politika tal-Gvern tal-Belarussu tal-użu tal-forzi speċjali sabiex jinterferixxi fl-affarijiet interni ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi dawk li jirrappreżentaw minoranzi nazzjonali bħalma huma l-NGOs indipendenti “Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja”;
9. Itenni l-impenn tiegħu li jaħdem għall-benefiċċju tal-poplu tal-Belarussja, jappoġġja l-aspirazzjonijiet u l-inizjattivi prodemokratiċi tagħhom u jikkontribwixxi għal futur stabbli, demokratiku u prosperuż għall-pajjiż;
10. Jinnota, madankollu, li l-ammissjoni ta’ żewġ membri tal-oppożizzjoni fil-parlament hija sfida għall-oppożizzjoni, peress li s-sistema se tipprova tuża l-preżenza tagħhom sabiex tnaqqas it-talbiet tal-oppożizzjoni għal bidliet ulterjuri;
11. Huwa mħasseb li l-kostruzzjoni ta’ impjant ta’ enerġija nukleari għaddejja bħalissa f’Ostrovets fid-distrett ta’ Grodno, li, skont il-President Lukashenko, huwa mistenni li jkun l-istallazzjoni ta’ dan it-tip li “nbena l-iktar malajr u li kien l-irħas”; ifakkar li dan l-impjant qed jinbena 50 km mill-kapitali Litwana u qrib il-fruntiera Pollakka, mingħajr ma jissodisfa r-rekwiżiti tal-Konvenzjonijiet ta’ Aarhus u ta’ Espoo; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-kwistjoni ta’ dan l-investiment fid-djalogu tagħha mal-Belarussja u biex tiżgura garanziji li r-rekwiżiti tal-kontroll u tas-sigurtà kollha ser jiġu sodisfatti; jinsab imħasseb li dan l-investiment, iffinanzjat mir-Russja u bl-użu ta’ teknoloġija Russa, se jwassal għal aktar dipendenza tal-Belarussja fuq ir-Russja f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà tal-enerġija;
12. Jenfasizza li l-Belarussja hija parti mill-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva (CSTO) u tieħu sehem fil-manuvri militari konġunti mar-Russja; jikkundanna, f’dan ir-rigward, il-parteċipazzjoni tal-armata tal-Belarussja fl-eżerċizzji militari “Zapad” aggressivi fil-passat, u huwa mħasseb dwar il-pjanijiet li jsir eżerċizzju strateġiku konġunt “Zapad-2017”; jiddispjaċih li s-Serbja ospitat ukoll u ħadet sehem f’eżerċizzji militari separati f’kooperazzjoni mar-Russja u l-Belarussja;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-OSKE/ODIHR, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-awtoritajiet tal-Belarussja.