Proċedura : 2016/2952(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1241/2016

Testi mressqa :

B8-1241/2016

Dibattiti :

PV 22/11/2016 - 18
CRE 22/11/2016 - 18

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 543kWORD 122k
16.11.2016
PE593.675v01-00
 
B8-1241/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-lingwa tas-sinjali u l-interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali (2016/2952(RSP))


Kateřina Konečná, Jiří Maštálka, Merja Kyllönen, Marina Albiol Guzmán, Paloma López Bermejo, Sofia Sakorafa, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Lola Sánchez Caldentey, Miguel Urbán Crespo, Estefanía Torres Martínez, Stefan Eck, Miguel Viegas, João Ferreira, João Pimenta Lopes, Ángela Vallina, Kostadinka Kuneva, Stelios Kouloglou, Kostas Chrysogonos, Anja Hazekamp, Marisa Matias, Matt Carthy, Martina Anderson, Liadh Ní Riada, Lynn Boylan, Josu Juaristi Abaunz f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-lingwa tas-sinjali u l-interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali (2016/2952(RSP))  
B8-1241/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 5, 9, 10, 19, 168 u 216(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 2 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Ġunju 1988 dwar il-lingwi tas-sinjali għal persuni neqsin mis-smigħ(1), u tat-18 ta' Novembru 1998 dwar il-lingwi tas-sinjali(2),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (is-CRPD) tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-UE fil-21 ta' Jannar 2011 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, b'riferiment partikolari għall-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar is-CRPD(4),

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 4 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità dwar id-dritt għal edukazzjoni inklużiva(5),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ("id-Direttiva")(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar il-programm Erasmus+ u strumenti oħra sabiex titrawwem il-mobilità fl-ETV - approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja(8),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' politika tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni(9),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-2 ta' Diċembru 2015, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta' aċċessibilità għall-prodotti u għas-servizzi (COM(2015)0615),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2012 dwar l-aċċessibilità tas-siti elettroniċi tal-entitajiet tas-settur pubbliku (COM(2012)0721),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali(10),

–  wara li kkunsidra l-Eżiti tat-Tagħlim u l-Linji Gwida tal-Valutazzjoni tal-Forum Ewropew tal-Interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali (efsli) għall-opportunitajiet indaqs ta' taħriġ għal interpreti tal-lingwa tas-sinjali u servizzi ta' kwalità għal ċittadini neqsin mis-smigħ madwar l-Unjoni kollha(11),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida efsli/EUD għall-interpreti tal-lingwa tas-sinjali għal laqgħat fuq livell internazzjonali/Ewropew(12),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida AIIC għal interpreti tal-lingwa mitkellma li jaħdmu f'timijiet imħallta(13),

–  wara li kkunsidra r-rapport efsli dwar id-drittijiet għal servizzi ta' interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali waqt studju jew xogħol f'pajjiż barrani(14),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, bħala ċittadini sħaħ, il-persuni kollha b'diżabilità, b'mod partikulari n-nisa u t-tfal, inklużi persuni neqsin mis-smigħ u b'diffikultajiet ta' smigħ, inklużi dawk li jużaw il-lingwa tas-sinjali u dawk li ma jużawhiex, għandhom drittijiet ugwali u huma intitolati għal dinjità indiskutibbli, trattament ugwali, għajxien indipendenti, awtonomija u parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà;

B.  billi t-TFUE jobbliga lill-Unjoni tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità meta jiġu ddefiniti u implimentati l-politiki u l-attivitajiet tagħha (l-Artikolu 10) u jagħti s-setgħa li tiġi adottata leġiżlazzjoni li tindirizza tali diskriminazzjoni (l-Artikolu 19);

C.  billi l-Artikoli 21 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu b'mod espliċitu d-diskriminazzjoni abbażi ta' diżabilità u jipprevedu l-parteċipazzjoni ugwali ta' persuni b'diżabilità fis-soċjetà;

D.  billi hemm madwar miljun utent nieqes mis-smigħ tal-lingwa tas-sinjali fl-UE(15) u 51 miljun ċittadin b'diffikultajiet ta' smigħ(16), li ħafna minnhom huma wkoll persuni li jużaw il-lingwa tas-sinjali;

E.  billi l-lingwi tas-sinjali nazzjonali u reġjonali huma lingwi naturali kompluti bil-grammatika u s-sintassi tagħhom ugwali għal lingwi mitkellma(17);

F.  billi l-politika ta' multilingwiżmu tal-UE tippromwovi t-tagħlim ta' lingwi barranin u billi wieħed mill-għanijiet tagħha hu li kull Ewropew ikun jaf jitkellem b'żewġ lingwi oħra minbarra l-lingwa materna tiegħu; billi t-tagħlim u l-promozzjoni tal-lingwi bis-sinjali nazzjonali u reġjonali jistgħu jappoġġjaw dan l-objettiv;

G.  billi l-aċċessibilità hija prerekwiżit sabiex persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jgħixu b'mod indipendenti u jipparteċipaw bis-sħiħ u b'mod ugwali fis-soċjetà(18);

H.  billi l-aċċessibilità mhijiex limitata biss għall-aċċessibilità fiżika tal-ambjent iżda testendi għall-aċċessibilità ta' informazzjoni u komunikazzjoni, inkluż fil-forma ta' forniment tal-kontenut fil-lingwa tas-sinjali(19);

I.  billi l-interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali huma ugwali għall-interpreti tal-lingwa mitkellma f'termini ta' kompiti u funzjonijiet;

J.  billi s-sitwazzjoni tal-interpreti tal-lingwa tas-sinjali hija eteroġenja fost l-Istati Membri, u tvarja minn appoġġ informali għall-familja sa interpreti professjonisti b'formazzjoni universitarja u kompletament ikkwalifikati;

K.  billi hemm nuqqas ta' interpreti ikkwalifikati u professjonali tal-lingwa tas-sinjali fl-Istati Membri kollha u billi l-proporzjon ta' dawk li jużaw il-lingwa tas-sinjali u l-interpreti tal-lingwa tas-sinjali jvarja bejn 8:1 u 2 500:1, b'medja ta' 160:1(20);

L.  billi tressqet petizzjoni(21) quddiem il-Parlament li talbitu jippermetti li jiġu ppreżentati petizzjonijiet bil-lingwi tas-sinjali nazzjonali u reġjonali tal-UE;

M.  billi d-Dikjarazzjoni ta' Brussell dwar il-Lingwi tas-Sinjali fl-Unjoni(22) Ewropea tippromwovi approċċ nondiskriminatorju għall-użu ta' lingwa tas-sinjali naturali, kif meħtieġ skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li ġiet ratifikata mill-UE u l-Istati Membri kollha tal-UE minbarra wieħed;

N.  billi s-CRPD tagħmel referenza għal-lingwa tas-sinjali fl-Artikolu 2 (Definizzjonijiet), fl-Artikolu 9 (Aċċessibilità), fl-Artikolu 21 (Il-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni, u l-aċċess għall-informazzjoni), fl-Artikolu 24 (Edukazzjoni) u fl-Artikolu 30 (Parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali, rikreazzjoni, ħin liberu u sport)(23);

O.  billi, fl-Artikolu 2 tas-CRPD, id-definizzjoni ta' lingwa tinkludi "lingwi mitkellma jew bis-sinjali u forom oħra ta' lingwi mhux mitkellma" u, għalhekk, il-lingwi tas-sinjali huma inklużi fl-artikoli kollha li jsemmu jew komunikazzjoni jew lingwa;

P.  billi l-livell u l-kwalità ta' sottotitoli fuq it-televiżjoni pubblika u privata tvarja b'mod konsiderevoli fost l-Istati Membri, li tvarja minn anqas minn 10 % sa kważi 100 %, u bi standards ta' kwalità li jvarjaw ħafna(24); billi hemm nuqqas ta' data fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fir-rigward tal-livell ta' interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali fuq it-televiżjoni;

Q.  billi l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda tal-lingwa jistgħu jkunu ta' benefiċċju għal dawk li jużaw il-lingwa tas-sinjali;

R.  billi, skont is-CRPD, iċ-ċaħda ta' akkomodazzjoni raġonevoli tikkostitwixxi diskriminazzjoni u billi, skont id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli sabiex tiġi ggarantita l-konformità mal-prinċipju tat-trattament ugwali;

S.  billi bħalissa ma hemm l-ebda aċċess għal komunikazzjoni diretta ta' ċittadini neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja jew b'diffikultajiet ta' smigħ, lill-Membri tal-Parlament Ewropew u l-amministraturi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u, bil-maqlub, għal persuni neqsin mis-smigħ jew b'diffikultajiet ta' smigħ fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE;

T.  billi, fi żminijiet aktar riċenti, kien hemm bidla minn attenzjoni għal perspettiva medika għal dik politika u soċjali fil-ħidma biex jiġu żgurati d-drittijiet, il-libertà u d-dinjità tal-persuni b'diżabilità, minħabba li spiss huma ostakoli ta' attitudni u ambjentali li jipprevjenu lil persuni b'diżabilità milli jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

U.  billi l-Parti 1 tal-Karta Soċjali Ewropea (ESC) tal-1961 tgħid li l-persuni b'diżabilità għandhom id-dritt għal taħriġ vokazzjonali, għar-riabilitazzjoni u għar-risistemazzjoni, tkun xi tkun l-oriġini u n-natura tad-diżabilità tagħhom;

V.  billi l-Artikolu 15 tal-ESC riveduta jgħid li l-persuni b'diżabilità għandhom dritt għall-indipendenza, għall-integrazzjoni soċjali u għall-parteċipazzjoni fil-ħajja tal-komunità u jgħid ukoll li l-partijiet għall-ESC jimpenjaw ruħhom li:

–  jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdu lill-persuni b'diżabilità, bi gwida, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali fil-qafas ta' skemi ġenerali kull fejn ikun possibbli jew, fejn dan ma jkunx possibbli, permezz ta' korpi speċjalizzati, pubbliċi jew privati;

–  jippromwovu l-aċċess tagħhom għall-impjiegi permezz tal-miżuri kollha li x'aktarx iħeġġu lil min iħaddem sabiex jimpjegaw u jżommu fl-impjieg, persuni b'diżabilità fl-ambjent tax-xogħol ordinarju u biex jadattaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità jew, jekk dan ma jkunx possibbli minħabba raġunijiet ta' diżabilità, billi jorganizzaw jew joħolqu impjieg protett skont il-livell ta' diżabilità. F'ċerti każi, tali miżuri jistgħu jeħtieġu l-użu ta' servizzi speċjalizzati ta' tqegħid u ta' appoġġ;

–  biex tiġi promossa l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni soċjali kollha tagħhom fil-ħajja tal-komunità, b'mod partikolari permezz ta' miżuri, inkluż appoġġ tekniku, bil-għan li jingħelbu l-ostakli għal komunikazzjoni u l-mobilità u jippermettu l-aċċess għat-trasport, għall-akkomodazzjoni, għall-attivitajiet kulturali u għad-divertiment;

Interpreti kwalifikati u professjonali tal-lingwa tas-sinjali

1.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' interpreti kwalifikati u professjonali tal-lingwa tas-sinjali, li tista' biss tiġi ssodisfata fuq il-bażi tal-approċċ li ġej:

(a)  rikonoxximent uffiċjali tal-lingwa(i) tas-sinjali nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri u fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE,

(b)  taħriġ formali (università jew simili, ekwivalenti għal 3 snin ta' studji full-time, li jikkorrispondu għat-taħriġ meħtieġ għall-interpreti tal-lingwa mitkellma)(25),

(c)  ir-reġistrazzjoni (akkreditazzjoni uffiċjali u sistema ta' kontroll ta' kwalità, bħal pereżempju l-iżvilupp professjonali kontinwu),

(d)  rikonoxximent formali tal-professjoni;

2.  Jirrikonoxxi li l-għoti ta' servizzi ta' interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali ta' kwalità għolja:

(a)  jiddependi fuq valutazzjoni tal-kwalità oġġettiva li tinvolvi lill-partijiet interessati kollha,

(b)  huwa bbażat fuq il-kwalifiki professjonali,

(c)  jinvolvi rappreżentanti minn esperti tal-komunità ta' persuni neqsin mis-smigħ;

3.  Jirrikonoxxi li l-interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali tikkostitwixxi servizz professjonali li jeħtieġ remunerazzjoni xierqa;

4.  Jissuġġerixxi t-twaqqif ta' kodiċi ta' etika li jiżgura l-indipendenza u l-awtonomija tal-persuni neqsin mis-smigħ f'sitwazzjonijiet fejn interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali huma involuti; jinnota li l-kunfidenzjalità professjonali u l-għarfien tal-obbligi u r-rwoli ta' interpretu tal-lingwa tas-sinjali f'sitwazzjoni partikolari huma fundamentali biex jiġi żgurat status ugwali bejn il-partijiet f'sitwazzjoni ta' komunikazzjoni li tinvolvi l-interpretazzjoni; jenfasizza li kodiċi ta' etika tgħin biex tissalvagwardja d-dritt ta' persuna nieqsa mis-smigħ għall-indipendenza u awtonomija f'dawn is-sitwazzjonijiet;

Id-distinzjoni bejn l-aċċessibilità u l-akkomodazzjoni raġonevoli(26)

5.  Japprezza li l-aċċessibilità hija ta' benefiċċju għal ċerti gruppi u hija bbażata fuq sett ta' standards li jiġu implimentati gradwalment;

6.  Huwa konxju li l-isproporzjonalità jew il-piż eċċessiv mhux dovut ma jistgħux jintużaw bħala argument biex wieħed jiddefendi n-nuqqas li jipprovdi aċċessibilità;

7.  Jirrikonoxxi li l-akkomodazzjoni raġonevoli tirrigwarda l-individwu u timxi id f'id mal-obbligu tal-aċċessibilità;

8.  Jinnota wkoll li individwu jista' jitlob miżuri ta' akkomodazzjoni raġonevoli anki jekk l-obbligu tal-aċċessibilità jkun ġie sodisfat;

9.  Jifhem li l-forniment ta' interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali jista' jikkostitwixxi miżura ta' aċċessibilità jew miżuri raġonevoli ta' akkomodazzjoni, skont is-sitwazzjoni;

Aċċessibilità

10.  Jenfasizza li ċittadini neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ irid ikollhom aċċess għall-istess informazzjoni u komunikazzjoni bħall-pari tagħhom fil-forma ta' interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali, is-sottotitoli, bil-lingwa mitkellma li tinqaleb f'test miktub (speech-to-text) u/jew forom alternattivi ta' komunikazzjoni, inklużi interpreti orali;

11.  Jagħti parir lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li ċ-ċittadini neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ, jkollhom aċċess, fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor, għall-ambjent fiżiku, għat-trasport, għall-informazzjoni u għall-komunikazzjonijiet, inklużi t-teknoloġiji u s-sistemi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u għal faċilitajiet u servizzi oħra miftuħa jew ipprovduti lill-pubbliku;

12.  Jenfasizza li jeħtieġ li s-servizzi pubbliċi u governattivi, inkluż il-kontenut online tagħhom, ikunu aċċessibbli b'mod dirett permezz ta' intermedjarji bħal interpreti tal-lingwa tas-sinjali fuq il-post, iżda wkoll permezz ta' servizzi remoti alternattivi bbażati fuq l-internet, fejn xieraq;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi f'kuntatt mal-pubbliku u ta' emerġenza jkunu mgħammra u kapaċi jirċievu komunikazzjonijiet minn ċittadini neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ; jitlob ukoll li l-Istati Membri jħarsu lejn teknoloġiji emerġenti bl-għan li jiġi żgurat li ċ-ċittadini neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ, ikollhom disponibbli l-aktar teknoloġiji aġġornati disponibbli biex jikkuntattjaw s-servizzi li jkunu f'kuntatt mal-pubbliku u dawk tal-emerġenza;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li s-servizzi li huma f'kuntatt mal-pubbliku u dawk tal-emerġenza jkunu mgħammra u jkunu f'qagħda li immedjatament jittrattaw sitwazzjonijiet, bħal inċidenti u sitwazzjonijiet ta' emerġenza, meta jkun involut ċittadin nieqes mis-smigħ, nieqes mis-smigħ-għama jew b'diffikultajiet ta' smigħ;

15.  Itenni l-impenn tiegħu li jagħmel il-proċess politiku kemm jista' jkun aċċessibbli, inkluż bil-forniment ta' interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali; jinnota li dan jinkludi elezzjonijiet, konsultazzjonijiet pubbliċi u avvenimenti oħrajn, kif xieraq;

16.  Jitlob lill-Istati Membri biex jinvolvu l-assoċjazzjonijiet tal-persuni neqsin mis-smigħ fl-abbozzar, fit-tfassil u fid-definizzjoni tal-politiki;

17.  Jenfasizza r-rwol dejjem jikber tat-teknoloġiji lingwistiċi fl-għoti ta' aċċess ugwali għal kulħadd għall-ispazju diġitali;

18.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' standards minimi biex jiżguraw l-aċċessibilità, speċjalment fid-dawl ta' teknoloġiji ġodda u emerġenti, bħalma huwa l-forniment ta' servizzi ta' interpretazzjoni u ta' sottotitoli bil-lingwa tas-sinjali bbażati fuq l-internet;

19.  Jinnota li, filwaqt li l-għoti tal-kura tas-saħħa hija kompetenza tal-Istati Membri, din għandha taqdi l-ħtiġijiet ta' pazjenti neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ, pereżempju billi tipprovdi interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali u taħriġ ta' sensibilizzazzjoni għall-persunal, b'attenzjoni partikolari għan-nisa u t-tfal;

20.  Jirrikonoxxi li l-aċċess ugwali għall-ġustizzja għal ċittadini neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ, tista' tiġi żgurata biss permezz tal-provvista ta' interpreti kwalifikati b'mod xieraq u professjonali tal-lingwa tas-sinjali;

21.  Jinsab konxju tal-importanza ta' servizzi ta' interpretazzjoni u ta' traduzzjoni akkurati u preċiżi, b'mod partikolari fil-qorti u f'ambjenti legali oħra; itenni, għalhekk, l-importanza ta' interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali speċjalizzati u bi kwalifiki għolja, partikolarment f'dawk il-kuntesti;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-appoġġ u d-dispożizzjonijiet speċifiċi, bħall-interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali u l-informazzjoni bbażata fuq it-test aċċessibbli f'ħin reali fil-każ ta' diżastri, għall-persuni b'diżabilità f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati, emerġenzi umanitarji u diżastri naturali(27);

23.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jiżguraw li l-lingwi tas-sinjali tagħhom jkollhom għarfien legali u biex jieħdu l-miżuri adegwati kollha, inkluż l-għarfien u l-promozzjoni tal-użu tal-lingwi tas-sinjali;

Impjiegi, edukazzjoni u taħriġ

24.  Jinnota li d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tgħid li kull persuna għandha d-dritt li taħdem; jirrikonoxxi li l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jiggarantixxu dan id-dritt liċ-ċittadini neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ, fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor;

25.  Jinnota li, sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta' akkomodazzjoni raġonevoli, li jinkludu l-forniment ta' interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali;

26.  Jitlob li jingħata appoġġ lil intrapriżi li jipprovdu r-riżorsi meħtieġa għal ċittadini neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ; jinnota li l-fatt li wieħed ikollu r-riżorsi meħtieġa pereżempju fejn jidħlu l-intervisti tax-xogħol, joffri inklużjoni għaċ-ċittadini neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ;

27.  Jenfasizza li informazzjoni bilanċjata u olistika dwar il-lingwa tas-sinjali u xi jfisser li persuna tkun nieqsa mis-smigħ għandha tkun provduta sabiex il-ġenituri jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati fl-aħjar interess tat-tfal tagħhom;

28.  Ir-rikonoxximent li l-edukazzjoni hija kompetenza tal-Istati Membri, jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li ċittadini neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ, ma jkunux esklużi mis-sistema edukattiva ġenerali;

29.  Iqis li huwa meħtieġ, filwaqt li huwa rikonoxxut li l-edukazzjoni hija kompetenza tal-Istati Membri, li l-istudenti neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ jingħataw l-appoġġ tekniku kollu neċessarju, inkluża l-interpretazzjoni, fl-istadji kollha tas-sistema edukattiva;

30.  Jenfasizza, filwaqt li jirrikonoxxi wkoll li l-edukazzjoni hija kompetenza tal-Istati Membri, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw sistema edukattiva inklużiva fil-livelli kollha u tagħlim tul il-ħajja previst b'mod li huwa aċċessibbli għaċ-ċittadini neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ;

31.  Jenfasizza li l-programmi ta' intervent bikri huma kruċjali għat-tfal fl-iżvilupp tal-ħiliet għall-ħajja, inklużi l-ħiliet lingwistiċi; jinnota, barra minn hekk, li dawk il-programmi għandhom idealment jinkludu mudelli ta' imġieba ta' persuni neqsin mis-smigħ;

32.  Jenfasizza li studenti neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ u l-ġenituri tagħhom għandhom jingħataw l-opportunità li jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali nazzjonali jew reġjonali tal-ambjent tagħhom permezz ta' servizzi ta' qabel l-iskola u fl-iskejjel(28);

33.  Jenfasizza li għandhom jittieħdu miżuri għar-rikonoxximent u l-promozzjoni tal-identità lingwistika tal-komunitajiet tal-persuni neqsin mis-smigħ(29);

34.  Jitlob, b'mod partikolari, lill-Istati Membri biex irawmu ambjent fejn il-lingwa tas-sinjali u l-identità lingwistika jistgħu jirnexxu u jiġi promoss għal kulħadd, fl-iskejjel, fl-universitajiet, fuq il-postijiet tax-xogħol, fil-klabbs tal-isport u fis-soċjetà kollha kemm hi;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu t-tagħlim tal-lingwa tas-sinjali bl-istess mod bħal-lingwi barranin;

36.  Jenfasizza li interpreti tal-lingwa tas-sinjali kwalifikati u għalliema kompetenti fil-lingwa tas-sinjali u mgħammra bil-ħiliet biex jaħdmu effettivament f'ambjenti ta' edukazzjoni inklużivi bilingwi jiffurmaw parti essenzjali mill-kisbiet akkademiċi ta' tfal u ta' adulti żgħażagħ, li jirriżulta f'eżiti edukattivi ogħla u rati ta' qgħad aktar baxxi fuq medda twila ta' żmien;

37.  Jenfasizza n-nuqqas mifrux ta' kotba tal-iskola u materjal tat-tagħlim tas-sinjali bilingwi f'lingwi u formati aċċessibbli;

38.  Iħeġġeġ li l-prinċipju tal-libertà ta' moviment għal persuni neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja, u b'diffikultajiet ta' smigħ fl-UE jkun garantit, speċjalment fil-kuntest ta' Erasmus+ u programmi ta' mobilità relatati, billi jiġi żgurat li l-parteċipanti ma jkunux mgħobbija b'mod sproporzjonat billi jkollhom jieħdu ħsieb l-arranġamenti għall-interpretazzjoni tagħhom stess;

39.  Jilqa' l-proġett pilota Karta Ewropea tad-Diżabilità; jiddispjaċih dwar l-esklużjoni tal-interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali fil-proġett peress li dan ifixkel b'mod sinifikanti l-libertà ta' moviment ta' ħaddiema u studenti neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ fl-UE;

Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropeja

40.  Jirrikonoxxi li l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jirrappreżentaw eżempji tal-aħjar prattika għall-persunal, uffiċjali eletti u apprendisti tagħhom u vis-à-vis iċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tal-forniment ta' akkomodazzjoni raġonevoli u aċċessibilità, li tinkludi l-forniment ta' interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali;

41.  Jilqa' l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-UE diġà, fuq bażi ad hoc, qed jipprovdu aċċessibilità għall-avvenimenti pubbliċi u laqgħat tal-kumitati; huwa tal-fehma li s-sottotitoli u l-konverżjoni tal-kliem mitkellem f'kitba għandhom jitqiesu bħala miżura alternattiva iżda ugwali u meħtieġa għall-persuni b'diffikultajiet ta' smigħ li ma jużawx il-lingwa tas-sinjali, u li dan huwa wkoll rilevanti għall-impjegati tal-istituzzjonijiet tal-UE f'termini tal-forniment ta' akkomodazzjoni raġonevoli skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol;

42.  Jirrikonoxxi li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom sistema stabbilita li tipprovdi interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali permezz tad-dipartimenti tal-interpretazzjoni rispettivi tagħhom għall-finijiet ta' aċċessibilità; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jużaw dawn is-sistemi eżistenti anki meta jipprovdu akkomodazzjoni raġonevoli għall-persunal u/jew uffiċjali eletti, u b'hekk effettivament jimminimizzaw il-piż amministrattiv fuq l-individwu u l-istituzzjonijiet;

43.  Iħeġġeġ b'saħħa lill-istituzzjonijiet jagħtu formalment lill-interpreti tal-lingwa tas-sinjali l-istess status bħall-interpreti tal-lingwa mitkellma fir-rigward tas-servizzi ta' interpretazzjoni li huma jipprovdu lill-istituzzjonijiet u/jew lill-impjegati u l-uffiċjali maħturin tagħhom, inkluż l-aċċess għal appoġġ teknoloġiku u materjali u dokumenti preparatorji;

44.  Iħeġġeġ lill-Eurostat biex jiżgura li l-istatistika dwar utenti neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ li jużaw il-lingwa tas-sinjali tkun ipprovduta lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex ikunu jistgħu jiddefinixxu, jimplimentaw u janalizzaw aħjar il-politiki tagħhom lingwistiċi u tad-diżabilità;

45.  Iħeġġeġ lis-Servizz tal-Viżitaturi tal-Parlament biex jaqdi l-ħtiġijiet ta' viżitaturi neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ, billi jipprovdu aċċess b'mod dirett f'lingwa tas-sinjali u servizzi tal-lingwa mitkellma li tinqaleb f'test miktub (speech-to-text) nazzjonali jew reġjonali;

46.  Jitlob lill-istituzzjonijiet biex jimplimentaw b'mod sħiħ il-proġett pilota tal-UE INSIGN, li huwa tweġiba għad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-10-13 ta' Diċembru 2012 dwar l-implimentazzjoni ta' applikazzjoni u servizz tal-Lingwa tas-Sinjali f'ħin reali u ħija mmirata li ttejjeb il-komunikazzjoni bejn persuni neqsin mis-smigħ u b'diffikultajiet ta' smigħ u l-istituzzjonijiet tal-UE(30);

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU C 187, 18.7.1988, p. 236.

(2)

ĠU C 379, 07.12.1998 p. 66.

(3)

ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0318.

(5)

http://www.ohchr.org/Documents/HRBodies/CRPD/GC/RighttoEducation/CRPD-C-GC-4.doc

(6)

ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(7)

ĠU L 255, 30.09.2005, p. 22.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2016)0107.

(9)

http://www.youthforum.org/assets/2016/04/0099-16_Policy_Paper_Equality_Non-discrimination_FINAL2.pdf

(10)

ĠU L 280, 20.10.2010, p. 1.

(11)

http://efsli.org/publications

(12)

http://efsli.org/efsliblu/wp-content/uploads/2012/09/SL-Interpreter-Guidelines.pdf

(13)

http://aiic.net/page/6701/guidelines-for-spoken-language-interpreters-working-in-mixed-teams/lang/1

(14)

http://efsli.org/efsliblu/wp-content/uploads/2012/09/R1101-The-right-to-sign-language-interpreting-services-when-working-or-studying-abroad.pdf

(15)

http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-511_mt.htm

(16)

European Federation of Hard of Hearing People (Federazzjoni Ewropea tal-Persuni b'diffikultajiet ta' smigħ) (EFHOH) http://www.efhoh.org/about_us

(17)

Brentari, D., ed. (2010) Sign Languages. Cambridge University Press.

Pfau, R., Steinbach M. & Bencie W., eds. (2012) Sign Language: An International Handbook. De Gruyter.

(18)

Kumment Ġenerali Nru 2 tal-Kumitat CRPD, CRPD/C/GC/2, disponibbli fuq: https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/G14/033/13/PDF/G1403313.pdf?OpenElement

(19)

Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (CRPD), Artikolu 9.

(20)

WIT, M. de (2016, għadu mhux ippubblikat). Sign Language Interpreting in Europe, edizzjoni tal-2016.

(21)

Petizzjoni 1056-16

(22)

Brussels Declaration (2010), European Union of the Deaf (EUD) http://www.eud.eu/files/8514/5803/7674/brussels_declaration_FINAL.pdf

(23)

http://www.un.org/disabilities/documents/convention/convoptprot-e.pdf

(24)

EFHOH (2015). L-istat tal-aċċess għas-sottotitoli fl-UE. Disponibbli fis-sit web: http://media.wix.com/ugd/c2e099_0921564404524507bed2ff3648781a3c.pdf

(25)

efsli (2013), Learning Outcomes for Graduates of a Three Year Interpreting Training Programme

(26)

CRPD/C/GC/4, paragrafu 28

(27)

Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità(CRPD), Artikolu 11.

(28)

http://www.univie.ac.at/designbilingual/downloads/De-Sign_Bilingual_Findings.pdf

(29)

Kumment Ġenerali Nru 4, Kumitat CRPD, CRPD/C/GC/4, disponibbli fuq: http://www.ohchr.org/Documents/HRBodies/CRPD/GC/RighttoEducation/CRPD-C-GC-4.doc

(30)

http://www.eud.eu/projects/past-projects/insign-project/

Avviż legali - Politika tal-privatezza