Proċedura : 2016/2933(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1250/2016

Testi mressqa :

B8-1250/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2016 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0449

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 425kWORD 89k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1249/2016
21.11.2016
PE593.684v01-00
 
B8-1250/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (2016/2933(RSP))


Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Traian Ungureanu, Tunne Kelam, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Antonio Tajani, Fernando Ruas, Ivo Belet, Daniel Caspary, Anna Maria Corazza Bildt, László Tőkés, Eduard Kukan f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (2016/2933(RSP))  
B8-1250/2016

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) u mill-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet dwar is-Sirja tat-28 ta' Lulju 2016, tal-20 ta' Settembru 2016, tal-24 ta' Settembru 2016, tat-2 ta' Ottubru 2016, tal-25 ta' Ottubru 2016 u tal-31 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar is-Sirja mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta' Franza, tal-Italja, tal-Ġermanja, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti u tal-VP/RGħ tal-24 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tas-17 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja tal-20 u tal-21 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iran tal-14 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2016/1893 tas-27 ta' Ottubru 2016 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1897 tas-27 ta' Ottubru 2016 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2016/1984 tal-14 ta' Novembru 2016 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1985 tal-14 ta' Novembru 2016 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet dwar ir-Repubblika Għarbija tas-Sirja tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tas-27 ta' Settembru 2016 u tal-20 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 2268, 2258 u 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f'April 2016, il-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja (UNSE), Staffan de Mistura, indika li 400 000 persuna kien mietu fil-gwerra ċivili Sirjana; billi, skont il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-NU, 13.5 miljun persuna jeħtieġu għajnuna umanitarja, 8.7 miljun persuna huma stmati li jkunu ġew spostati ġewwa s-Sirja fl-2016 u 4.8 miljun persuna ħarbu mill-pajjiż;

B.  billi l-ostilitajiet fis-Sirja ħraxu drastikament, b'mod partikolari f'Aleppo, li ġarrbet bumbardament qawwi mill-ajru, fost l-oħrajn b'attakki fuq faċilitajiet mediċi; billi l-forzi tal-ajru Sirjana u Russi qegħdin jużaw armi tqal, inklużi bombi intiżi biex jisplodu l-bunkers (bunker-buster bombs) fuq żoni residenzjali; billi, fil-Lvant ta' Aleppo, mijiet ta' eluf ta' persuni huma maqbuda u mijiet ta' tfal inqatlu;

C.  billi fl-10 ta' Novembru 2016, il-Konsulent Speċjali għall-UNSE, Jan Egeland, ħeġġeġ sabiex tittieħed azzjoni biex tiġi evitata t-theddida tal-ġuħ tal-massa fil-Lvant ta' Aleppo qabel il-wasla tax-xitwa, li huwa jibża' tista' tkun "qattiela reali" għal kwart ta' miljun persuna maqbuda hemm; billi s-Sur Egeland qal li l-aħħar darba li provvisti umanitarji sinifikanti kienu waslu f'Aleppo kien fil-bidu ta' Lulju;

D.  billi kien hemm deterjorazzjoni rapida u drammatika fis-sitwazzjoni, minkejja l-isforzi tal-komunità internazzjonali biex tistabbilixxi waqfien mill-ġlied;

E.  billi l-attakki intenzjonati fuq ċittadini, inkluż persunal umanitarja u li jipprovdi kura tas-saħħa, u fuq infrastruttura ċivili u medika huma ksur ċar tad-dritt umanitarju internazzjonali u jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra;

F.  billi t-tortura u t-trattament ħażin huma pprattikati fuq skala kbira f'faċilitajiet ta' detenzjoni governattivi fis-Sirja; billi l-abbużi f'detenzjoni qed iseħħu fil-kuntest ta' deterjorament drammatiku tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, fejn l-awtoritajiet qed ikomplu jarrestaw u jżommu b'mod arbitrarju kull minn jopponihom, inklużi ċivili;

G.  billi d-Da'esh/ISIL għada qed tikkontrolla partijiet kbar tas-Sirja u tal-Iraq; billi d-Da'esh/ISIL, twettaq ġenoċidju kontra minoranzi reliġjużi u etniċi; billi l-Armata Sirjana Ħielsa appoġġjata minn attakki mill-ajru Torok ħakmu l-belt Sirjana ta' Dabiq fis-16 ta' Ottubru;

H.  billi l-Front Al-Nusra, l-affiljat tal-al Qaeda fis-Sirja, huwa organizzazzjoni terroristika li tirrifjuta tranżizzjoni politika negozjata u futur demokratiku u inklużiv għas-Sirja;

I.  billi l-UE hija fost il-kontributuri ewlenin ta' għajnuna umanitarja għan-nies li qed jaħarbu l-vjolenza u l-ħerba storiċi fis-Sirja;

J.  billi n-nuqqas ta' għaqda internazzjonali jagħmilha ferm aktar diffiċli li tmiem innegozjat għall-gwerra fis-Sirja; billi fit-8 ta' Ottubru 2016, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU naqas milli jadotta riżoluzzjoni sabiex jintemm it-tixrid ta' demm fil-Lvant ta' Aleppo;

K.  billi fit-3 ta' Ottubru 2016, l-Istati Uniti ħabbret li kienet ser tissospendi l-parteċipazzjoni tagħha f'kanali bilaterali mar-Russja li kienu ġew stabbiliti biex jiġi sostnut il-waqfien mill-ġlied; billi fil-15 ta' Ottubru saret laqgħa f'Lausanne bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Istati Uniti, tar-Russja, tal-Iran, tal-Iraq, tal-Arabja Sawdija, tat-Turkija, tal-Qatar, tal-Ġordan u tal-Eġittu;

1.  Huwa xxukkjat ferm bil-vjolenza fis-Sirja; jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha fuq iċ-ċivili u fuq l-infrastruttura ċivili; il-kontinwazzjoni tal-assedji kollha fis-Sirja u n-nuqqas ta' aċċess umanitarju għall-poplu Sirjan fil-bżonn;

2.  Jesprimi t-tħassib mill-akbar tiegħu dwar it-tbatija umana fl-inħawi assedjati ta' Aleppo u fis-Sirja kollha, tbatija li taffettwa lil ħafna nisa u tfal li ma għandhomx aċċess għall-provvisti umanitarji essenzjali u li jinsabu fi bżonn estrem ta' ikel, ilma nadif u provvisti mediċi;

3.  Jiddeplora bis-sħiħ u inkundizzjonatament l-attakki reċenti fuq konvoj tal-għajnuna umanitarja u fuq maħżen tan-Nofs Qamar l-Aħmar ħdejn Aleppo bħala ksur gravi u allarmanti tad-dritt umanitarju internazzjonali u bħala delitt tal-gwerra possibbli; jagħti ġieħ lill-ħaddiema umanitarji li tilfu ħajjithom fl-isforz biex jassistu lill-poplu ta' Aleppo u fis-Sirja kollha u jesprimi l-kondoljanzi l-aktar sinċieri tiegħu lill-familji u lill-ħbieb tal-vittmi;

4.  Itenni t-talba tiegħu li dawk ħatja li wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità jbatu l-konsegwenzi u jinżammu responsabbli; jenfasizza li dawk li jwettqu reati kontra gruppi u minoranzi reliġjużi, etniċi u gruppi u minoranzi oħra għandhom ukoll jitressqu quddiem il-ġustizzja; jemmen li s-sitwazzjoni fis-Sirja għandha tiġi referuta lill-Qorti Kriminali Internazzjonali; jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex tieħu azzjoni f'dan ir-rigward;

5.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tas-17 ta' Ottubru 2016, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja tal-20 u l-21 ta' Ottubru 2016; jappoġġa s-sejħa tal-UE għat-tmiem tat-titjiriet militari kollha fuq fil-belt ta' Aleppo; jieqfu b'mod immedjat l-ostilitajiet u li dan jiġi ssorveljat minn mekkaniżmu b'saħħtu u trasparenti; waqfien tal-assedji; kif ukoll aċċess umanitarju sħiħ, sostenibbli u mingħajr xkiel fil-pajjiż kollu, mogħti mill-partijiet kollha;

6.  Jenfasizza li r-reġim Sirjan għandu r-responsabbiltà primarja li jipproteġi l-popolazzjoni Sirjana; jikkundanna bil-qawwa l-attakki eċċessivi u sproporzjonati mir-reġim u mill-alleati tiegħu, kemm deliberati u bla distinzjoni, kontra l-popolazzjonijiet ċivili, b'mod partikolari fuq it-tfal, fuq persunal umanitarju u dak li jipprovdi kura tas-saħħa u fuq l-infrastruttura ċivili u umanitarja;

7.  Jappella għar-rilaxx immedjat ta' dawk miżmuma b'mod arbitrarju u għat-tmiem tal-użu tat-tortura u trattament ħażin ieħor kif ukoll il-prattika ta' għajbien furzat, b'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2139 tat-22 ta' Frar 2014; jitlob aċċess immedjat u mingħajr xkiel għall-osservaturi internazzjonali tad-detenzjoni, għal detenuti fis-Sirja;

8.  Jenfasizza li l-UE appellat lir-Russja, inkluż bħala kopresident tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja (ISSG) biex, permezz ta' politiki u azzjonijiet, turi li qed isiru l-isforzi kollha biex jintemmu l-bumbardamenti indiskriminati mir-reġim Sirjan, biex jerġa' jkun hemm waqfien mill-ostilitajiet, biex jiġi żgurat aċċess umanitarju immedjat u estiż u biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal tranżizzjoni politika kredibbli u inklużiva;

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-isparar bla distinzjoni ta' għadd kbir ta' rokits minn gruppi armati ta' oppożizzjoni fuq subborgi ċivili fil-Punent ta' Aleppo; jenfasizza li ħafna ċivili, inklużi tfal, ġew irrappurtati feruti u maqtula;

10.  Jikkundanna bil-qawwa l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità mwettqa mid-Da'esh/ISIL; jilqa' l-impenn tan-Nazzjonijiet QUINT (l-Istati Uniti, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit) u lill-VP/RGħ għall-qerda tad-Da'esh/ISIL fis-Sirja u fl-Iraq; jappoġġa l-isforzi tal-Koalizzjoni Dinjija biex tiġġieled kontra d-Da'esh/ISIL fis-Sirja u l-Iraq; jenfasizza l-importanza li dawk li huma fil-mira tad-Da'esh/ISIL jingħataw protezzjoni u għajnuna;

11.  Jikkundanna bil-qawwa l-atroċitajiet imwettqa mill-Front Al-Nusra; jappoġġja s-sejħa tan-Nazzjonijiet Quint u tal-VP/RGħ fuq il-gruppi armati kollha li qed jiġġieldu fis-Sirja biex tintemm kull kollaborazzjoni mal-Front Al-Nusra;

12.  Jitlob li tittieħed azzjoni għall-prevenzjoni ta' appoġġ materjali u finanzjarju milli jilħaq lil individwi, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati ma' gruppi ddeżinjati bħala terroristiċi min-NU;

13.  Jeżiġi li kulħadd jirrispetta d-dritt tal-minoranzi reliġjużi fis-Sirja, inklużi l-Insara, biex jibqgħu jgħixu fl-art storika u tradizzjonali fejn twieldu b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza, u li jipprattikaw bis-sħiħ ir-reliġjon u t-twemmin tagħhom b'mod liberu mingħajr ma jkunu suġġetti għal ebda tip ta' ġegħil, vjolenza jew diskriminazzjoni; jappoġġja d-djalogu interreliġjuż sabiex jiġi promoss fehim reċiproku u jiġi miġġieled il-fundamentaliżmu;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva umanitarja ta' emerġenza għal Aleppo, li, minbarra li timmobilizza fondi għal bżonnijiet umanitarji urġenti, għandha l-għan li tiżgura l-evakwazzjoni medika tal-midruba u l-morda mil-lvant ta' Aleppo, b'attenzjoni partikolari għan-nisa, it-tfal u l-anzjani; jinnota li l-Kunsill Ewropew stieden lill-VP/RGħ biex, flimkien mal-Kummissjoni, tkompli taħdem favur l-inizjattiva umanitarja ta' emerġenza u l-evakwazzjonijiet mediċi f'kooperazzjoni man-NU;

15.  Jilqa' l-prijoritajiet tas-sħubija u tal-patti mal-Ġordan għall-perjodu 2016-2018 u mal-Libanu għall-perjodu 2016-2020; jinnota li l-patti huma l-qafas li permezz tiegħu l-impenji reċiproċi li saru fil-Konferenza ta' Londra tal-4 ta' Frar 2016 dwar "l-Appoġġ għas-Sirja u r-Reġjon" huma tradotti f'azzjonijiet;

16.   Iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha fl-ISSG biex jissuktaw in-negozjati bil-għan li jiffaċilitaw tregwa stabbli u jintensifikaw il-ħidma għas-sejbien ta' soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja; jenfasizza li l-atturi reġjonali, b'mod partikolari l-pajjiżi ġirien, għandhom responsabilità speċjali; jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-MSNU, Staffan de Mistura, f'dan ir-rigward;

17.  Itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex jiġeddu l-isforzi lejn strateġija komuni UE-Sirja, li għandha tkun immirata biex tiffaċilita soluzzjoni politika fis-Sirja u li tinkludi l-għodod ta' monitoraġġ u infurzar biex tisaħħaħ il-konformità mal-ftehimiet u mal-obbligi stabbiliti skont l-ISSG; jenfasizza li l-Kunsill Ewropew stieden lill-VP/RGħ biex jagħmel kuntatt mal-atturi prinċipali fir-reġjun dwar tranżizzjoni politika u dwar it-tħejjijiet għal rikonċiljazzjoni u rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt; jinnota li, wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-VP/RGħ, żar l-Iran u l-Arabja Sawdija biex jinbeda djalogu mal-atturi ewlenin fir-reġjun dwar il-futur tas-Sirja; jenfasizza li l-Kunsill talab lill-VP/RGħ biex ikompli din il-ħidma ma' atturi ewlenin fir-reġjun sabiex jiġu appoġġjati l-isforzi tal-UNSE Staffan de Mistura;

18.  Jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jaqdu rwol importanti biex tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt fis-Sirja; jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ifittxu li jesploraw possibbiltajiet għal azzjoni konċertata permezz, inter alia, l-Assemblea Ġenerali tan-NU;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għas-Sirja, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

 

(1)

ĠU L 293, 28.10.2016, p. 25.

(2)

ĠU L 293, 28.10.2016, p. 36.

(3)

ĠU L 305 I, 28.10.2016, p. 1.

(4)

ĠU L 305 I, 14.11.2016, p. 4.

Avviż legali - Politika tal-privatezza