MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
21.11.2016 - (2016/2933(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Javier Couso Permuy, João Pimenta Lopes, João Ferreira, Miguel Viegas f'isem il-Grupp GUE/NGL
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u l-offensiva tal-ISIS, u b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-Sirja: is-sitwazzjoni f'Palmira u l-każ ta' Mazen Darwish[1], tat-30 ta' April 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-kamp tar-rifuġjati ta' Yarmouk fis-Sirja[2] u tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra dwar ir-rifuġjati,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kunflitt fis-Sirja ddeterjora għal gwerra mdemmija wara l-interferenza ta' ċerti setgħat barranin li ppromovew, armaw u ffinanzjaw gruppi estremisti;
B. billi s-Sirja issa tinsab fil-ħames sena ta' gwerra li wasslet għal 470 000 mewt, ħalliet 860 000 persuna jgħixu taħt assedju u spustat nofs il-popolazzjoni Sirjana, inkluż kważi 4.8 miljun rifuġjat; billi l-gwerra fis-Sirja rriżultat fl-akbar u l-aktar kriżi umanitarja kumplessa ta' żmienna, u s-sitwazzjoni qed tkompli tmur għall-agħar; billi Aleppo tibqa' l-epiċentru tal-kriżi Sirjana, iżda jibqa' għaddej il-ġlied f'Hama, f'Idlib, fil-Majjistral tas-Sirja, fis-subborgi ta' Damascus u f'Dier ez-Zor;
C. billi l-ftehim tas-26 ta' Settembru 2016 milħuq bejn ir-Russja u l-Istati Uniti, iż-żewġ kopresidenti tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja, dwar li jiġi stabbilit waqfien mill-ġlied fis-Sirja ma wassalx għad-deskalazzjoni meħtieġa fuq il-post; billi r-Russja ħabbret pawża unilaterali mill-ġlied għal diversi jiem sabiex tagħmel possibbli l-għajnuna umanitarja għall-popolazzjonijiet ċivili fis-settur assedjat ta' Aleppo;
D. billi, f'konformità mal-Komunikat ta' Ġinevra u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-partijiet kollha għandhom jiġu mfakkra mill-ġdid dwar il-ħtieġa li l-kunflitt fis-Sirja jissolva permezz ta' proċess politiku mmexxi mis-Sirja li jwassal għal ftehim ta' paċi li jilħaq l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan;
E. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti qed japplikaw sanzjonijiet ekonomiċi u diplomatiċi li prinċipalment jaffettwaw il-popolazzjoni Sirjana;
F. billi l-isforzi tal-Gvern Sirjan biex jikseb paċi ġust permzz ta' djalogu ħadu l-forma tal-ħolqien tal-Kumitat Nazzjonali ta' Rikonċiljazzjoni, ir-riforma tal-Kostituzzjoni u t-twettiq ta' elezzjonijiet presidenzjali ħielsa f'April li għadda;
1. Jikkundanna bil-qawwa d-delitti kollha mwettqa kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja; jikkundanna bl-akbar qawwa possibbli l-vjolazzjonijiet sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali li jirriżultaw minn atti terroristiċi mwettqa mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (ISIL) u minn gruppi radikali armati oħra kontra l-poplu Sirjan, li possibbilment huma delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-ksur mill-armata tal-Istati Uniti tal-waqfien mill-ġlied miftiehem bejn il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergey Lavrov, u s-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti John Kerry, fejn attakk min-naħa tal-Istati Uniti qatel kważi 100 suldat Sirjan li kienu qed jiddefendu l-belt ta' Deir ez-Zor li kienet mdawra bl-ISIL, attakk li John Kerry allega li kien "żball";
3. Huwa inkwetat serjament bid-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni umanitarja devastanti fis-Sirja, b'aktar minn 13.5 miljun persuna issa jeħtieġu għajnuna umanitarja, madwar 6.1 miljun persuna spustati internament (minbarra nofs miljun rifuġjat Palestinjan li kienu stabbilew ruħhom fis-Sirja) u diversi mijiet ta' eluf isofru f'żoni assedjati;
4. Jitlob li l-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu l-passi xierqa kollha biex jipproteġu liċ-ċivili, b'konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż billi jwaqqfu l-attakki diretti kontra faċilitajiet ċivili bħalma huma ċ-ċentri mediċi, l-iskejjel u l-istazzjonijiet tal-ilma, billi jiddemilitarizzaw immedjatament dawn il-faċilitajiet, billi jfittxu li jevitaw li jistabbilixxu pożizzjonijiet militari f'żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni u billi jippermettu l-evakwazzjoni taċ-ċivili mweġġa' u ta' dawk kollha li jixtiequ jitilqu miż-żoni assedjati;
5. Itenni l-istedina tiegħu lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jippermettu immedjatament intervent umanitarju taħt il-patroċinju tan-NU, li jagħti aċċess rapidu, sikur u bla xkiel mas-Sirja kollha minn l-aktar rotot diretti li jippermettu l-għajnuna umanitarja immedjata tilħaq lil dawk fil-bżonn, speċjalment fiż-żoni kollha assedjati u li diffiċli li jintlaħqu, u biex jikkonformaw immedjatament mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif applikabbli;
6. Jirrifjuta mingħajr riżervi l-idea li tista' tinsab soluzzjoni fit-tul għall-kunflitt Sirjan abbażi ta' azzjonijiet militari;
7. Jitlob b'mod urġenti għal waqfien mill-ġlied dejjiemi u sostenibbli, li huwa essenzjali biex tinkiseb soluzzjoni politika għall-kunflitt fir-Repubblika Għarbija Sirjana u li jġib fi tmiemhom il-vjolazzjonijiet u l-abbużi sistematiċi, mifruxa u gravi tad-dritt umanitarju;
8. Jenfasizza li s-sitwazzjoni umanitarja fis-Sirja se tkompli tiddeterjora aktar fin-nuqqas ta' soluzzjoni politika għall-kriżi; jappoġġa bil-qawwa d-djalogu politiku paċifiku u l-ħtieġa ta' proċess immexxi mis-Sirjani li jilħaq l-aspirazzjonijiet leġittimi u r-rieda tal-poplu Sirjan, inkluż id-dritt għad-demokrazija, għas-sovranità u għall-integrità territorjali tas-Sirja; jiddeplora d-dewmien imtawwal fil-proċess politiku kollu Sirjan u jitlob li ma jkun hemm ebda posponiment ieħor fin-negozjati inklużivi;
9. Jikkundanna bis-saħħa d-delitti kollha mwettqa kontra l-popolazzjoni ċivili tas-Sirja li jistgħu jammontaw għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-użu min-naħa tal-ISIL ta' tarki umani fil-belt ta' Aleppo; jesprimi tħassib serju, u jikkundanna bil-qawwa, iż-żieda tal-attakki terroristiċi, fosthom l-attakki kimiċi u r-repressjoni ta' protesti ċivili kontra dawk il-gruppi terroristiċi, li wasslet għal ħafna feruti u qerda mwettqa mill-ISIL (magħruf ukoll bħala Da'esh), l-Al Nusrah Front (ANF), l-individwi, il-gruppi, l-impriżi u l-entitajiet l-oħra kollha assoċjati mal-Al-Qaeda jew l-ISIL u gruppi terroristiċi oħra;
10. Jenfasizza li, fil-kuntest ta' djalogu inklużiv u kredibbli, il-poplu Sirjan għandu jistabbilixxi proċessi u mekkaniżmi xierqa biex jikseb il-ġustizzja, ir-rikonċiljazzjoni, il-verità u l-obbligu ta' rendikont għal vjolazzjonijiet u abbużi gravi tad-dritt internazzjonali, kif ukoll il-kumpens u r-rimedji effikaċi għall-vittmi;
11. Jenfasizza l-fatt li l-kunflitt kompla jiħrax bħala riżultat tal-kummerċ tal-armi u l-provvista tal-armi; jikkundanna bil-qawwa r-rwol li d-diversi interventi tal-Punent ta' dawn l-aħħar snin żvolġew fit-trawwim tar-radikalizzazzjoni tal-individwi, speċjalment fil-Lvant Nofsani u fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar; jenfasizza li dawn il-politiki qed jippromwovu, minflok imorru kontra, it-terroriżmu u għaldaqstant għandhom jiġu mwarrba;
12. Jikkundanna bil-qawwa l-appoġġ dirett jew mhux dirett (fil-forma ta' finanzjament, armi, taħriġ, eċċ.) li l-Istati Uniti, l-UE, it-Turkija u l-monarkiji tar-reġjun tal-Golf kienu qed jipprovdu lill-gruppi terroristiċi; jistieden b'mod partikolari lill-Istati Uniti, lill-Istati Membri tal-UE u atturi reġjonali, b'mod partikolari l-Arabja Sawdija u t-Turkija, biex iwaqqfu l-finanzjament ta' kwalunkwe milizzja u, b'mod partikolari, biex jieqfu jixtru żejt minn bjar taż-żejt ikkontrollati mill-ISIL u ttrasportati bit-trakk minn ġot-Turkija; jemmen li huma meħtieġa mekkaniżmi biex jitwaqqaf il-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta' entitajiet lil hinn mill-kosta li jinvolvu stati u istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll biex jitwaqqaf it-traffikar tal-armi u x-xiri u l-bejgħ ta' riżorsi tal-enerġija u materja prima li minnhom jibbenefikaw gruppi terroristiċi;
13. Jenfasizza li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma għandhiex tkun skuża għall-vjolenza li taffettwa l-popolazzjoni ċivili u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, bħal attakki fuq iċ-ċivili u fuq l-infrastruttura ċivili u t-tfixkil minn gruppi estremisti tal-aċċess umanitarju għall-persuni Sirjani fil-bżonn, mhux aċċettabbli; itenni li t-terroriżmu jista' jingħeleb biss billi jiġu indirizzati l-għeruq tiegħu, jiġifieri l-faqar, l-isfruttament u n-nuqqas ta' abilità tas-soċjetà li taqdi l-bżonnijiet tan-nies; jemmen li r-rispett sħiħ għall-indipendenza, għas-sovranità u għall-integrità territorjali ta' stati bħalma huma s-Sirja, kif ukoll ir-rispett għan-natura multikulturali tas-soċjetajiet tagħhom, jikkostitwixxu l-uniku mezz biex jiġi evitat it-tixrid tal-ISIL u tbatija ulterjuri fost il-popolazzjonijiet tagħhom;
14. Jesprimi tħassib serju dwar in-numru dejjem jikber ta' rifuġjati u persuni spustati internament li qed jaħarbu mill-vjolenza fir-Repubblika Għarbija Sirjana; jilqa' l-isforzi li saru mill-pajjiżi ġirien biex jospitaw ir-rifuġjati Sirjani, u jirrikonoxxi l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-preżenza ta' popolazzjonijiet ta' rifuġjati fuq skala kbira f'dawk il-pajjiżi; iħeġġeġ lill-Istati l-oħra barra r-reġjun, b'mod partikolari l-Istati Membri tal-UE, biex jikkunsidraw ukoll l-implimentazzjoni ta' miżuri u politiki simili, bil-għan li jipprovdu lir-rifuġjati Sirjani bi protezzjoni u għajnuna umanitarja;
15. Jinnota li l-ħtiġijiet finanzjarji dejjem ikbar u d-diskrepanza fil-finanzjament fir-rigward tal-għajnuna umanitarja pprovduta lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja; jistieden lill-Istati Membri jżommu l-wegħdiet tagħhom u jipprovdu l-appoġġ tant meħtieġ lin-NU, lill-aġenziji speċjalizzati tagħhom u atturi umanitarji oħra fil-provvista ta' għajnuna umanitarja lil miljuni ta' Sirjani spostati kemm internament kif ukoll f'pajjiżi u komunitajiet ospitanti;
16. Jappella lill-ambaxxati u lill-uffiċċji konsulari tal-UE biex joħorġu minnufih viżi umanitarji lil dawk li jfittxu l-asil mis-Sirja, u biex jinfurzaw l-impenji internazzjonali meħuda mill-UE u l-Istati Membri tagħha rigward il-migrazzjoni, jiġifieri permezz ta' programmi ta' risistemazzjoni fil-livell tal-UE; jappella għal kooperazzjoni sħiħa mill-Istati Membri kollha tal-UE li qed jipparteċipaw f'dawn il-programmi;
16. Iħeġġeġ lill-UE ttemm minnufih is-sanzjonijiet ekonomiċi u diplomatiċi kontra r-Repubblika Għarbija Sirjana, u biex tippromwovi proċess politiku inklussiv u mmexxi mis-Sirjani sabiex tinkiseb soluzzjoni ġusta u paċifika għall-kunflitt;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-presidenti tal-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran, u lil-Lega tal-Istati Għarab.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2015)0229.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2015)0187.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2015)0040.