MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija
22.11.2016 - (2016/2993(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Rebecca Harms, Ska Keller, Bodil Valero, Ernest Maragall, Ulrike Lunacek, Barbara Lochbihler, Josep-Maria Terricabras, Helga Trüpel, Pascal Durand, Igor Šoltes, Heidi Hautala, Eva Joly, Bart Staes, Molly Scott Cato, Judith Sargentini, Klaus Buchner, Jean Lambert, Michèle Rivasi f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1276/2016
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija[1] u tal-14 ta' April 2016 dwar ir-rapport 2015 dwar it-Turkija[2],
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar tal-UE għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' progress annwali dwar it-Turkija għall-2016, ippubblikat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Novembru 2016 (SWD(2016)0366),
– wara li kkunsidra r-rimarki li saru mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli Federica Mogherini fit-18 ta' Lulju 2016, waqt konferenza stampa konġunta tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti John Kerry,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)[3],
– wara li kkunsidra d-dritt għal-libertà ta' espressjoni li minqux fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li tagħhom it-Turkija hija stat parti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew ikkundannaw bil-qawwa l-kolp ta' stat militari fallut fit-Turkija u rrikonoxxew ir-responsabbiltà leġittima tal-awtoritajiet Torok li jipprosegwixxu lil dawk responsabbli u involuti f'dan l-attentat;
B. billi t-Turkija hija pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea; billi l-miżuri repressivi tal-Gvern Tork taħt l-istat ta' emerġenza huma sproporzjonati u, jiksru l-valuri demokratiċi li fuqhom tissejjes l-Unjoni Ewropea u li huma kuntrarji għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; billi, mill-attentat ta' kolp ta' stat 'il hawn, l-awtoritajiet arrestaw 10 membri tal-Gran Assemblea Nazzjonali Torka, membri tal-partit tal-oppożizzjoni HDP u
madwar 150 ġurnalista (l-akbar għadd ta' arresti simili fid-dinja), u billi 40 000 ruħ ġew detenuti, li minnhom aktar minn 31 000 ruħ għadhom arrestati, u 129 000 impjegat pubbliku għadhom jew sospiżi (66 000) jew tkeċċew (63 000), il-parti l-kbira minnhom bla ma saritilhom l-ebda akkuża formali sal-lum;
C. billi l-President Erdogan u l-Gvern Tork għamlu dikjarazzjonijiet ripetuti dwar ir-reintroduzzjoni tal-piena tal-mewt; billi l-Viċi-President/Rappreżentant Għoli Federica Mogherini tenniet li "l-ebda pajjiż ma jista' jsir Stat Membru tal-UE jekk jintroduċi l-piena tal-mewt";
D. billi hemm tħassib serju dwar il-kundizzjonijiet li taħthom inżammew dawk li sfaw detenuti u arrestati wara l-kolp ta' stat, b'allegazzjonijiet ta' tortura u maltrattament, u għajbien sfurzat, u dwar ir-restrizzjonijiet stretti fuq il-libertà tal-espressjoni u restrizzjonijiet fuq l-istampa u l-midja fit-Turkija, hekk li ftit li xejn għad hemm midja indipendenti; billi r-ripressjoni politika wasslet għal żieda fin-numru ta' persuni li jfittxu asil mit-Turkija f'ċerti Stati Membri;
E. billi l-paragrafu 5 tal-Qafas ta' Negozjar għan-Negozjati ta' Adeżjoni mat-Turkija jistipula li l-Kummissjoni, "fil-każ ta' ksur serju u persistenti tal-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, se tirrakkomanda li n-negozjati jiġu sospiżi u tipproponi l-kundizzjonijiet biex jiġu ssuktati"; billi t-Turkija m'għadhiex biżżejjed konformi mal-kriterji ta' Copenhagen ladarba ma tirrispettax il-valuri tal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; billi waqfien temporanju tan-negozjati jkun ifisser li t-taħditiet kurrenti jiġu ffriżati, li ma jinfetaħ l-ebda kapitolu ġdid u li ma tittieħed l-ebda inizjattiva ġdida bi rbit mal-adeżjoni tat-Turkija mal-UE, inkluż l-ebda tisħiħ tal-unjoni doganali;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-miżuri repressivi sproporzjonati li ilhom jittieħdu fit-Turkija mill-falliment tal-kolp ta' stat militari f'Lulju; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu bidu għal iffriżar temporanju tan-negozjati tal-adeżjoni li jinsabu għaddejjin sa ma l-Gvern Tork jerġa' jaqbad it-triq tar-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijijet tal-bniedem;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi parametri ċari għall-issuktar tan-negozjati ta' adeżjoni, flimkien mal-istipulazzjonijiet fil-kriterji ta' Copenhagen; Itenni li reintroduzzjoni tal-piena tal-mewt mit-Turkija twassal għal sospensjoni formali tan-negozjati;
3. Jissottolinja li x-xogħol fuq il-liberalizzazzjoni tal-viża jissokta biss meta t-Turkija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-aġenda għal-liberalizzazzjoni tal-viża, u jekk ma jkun hemm l-ebda użu ħażin tal-istat tal-emerġenza fil-pajjiż; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jaqblu fuq pjan ta' risistemazzjoni ambizzjuż għar-rifuġjati u li l-UE għandha twaqqaf ir-ritorn tar-rifuġjati lejn it-Turkija skont id-dikjarazzjoni UE-Turkija dwar il-migrazzjoni;
4. Jitlob li l-Kummissjoni tikkunsidra l-implikazzjonijiet ta' sospensjoni tal-finanzjament ipprovdut lit-Turkija taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), b'qies ukoll tal-influwenza ta' din id-deċiżjoni fuq is-soċjetà ċivili tal-pajjiż; jibqa' impenjat, madankollu, li jżomm lit-Turkija ankrata mal-UE, u jappoġġa l-atturi demokratiċi kollha fil-pajjiż;
5. Iqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/CFSP dwar l-esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija ma humiex issodisfati fil-preżent, u jistieden lill-Istati Membri biex jiffriżaw l-esportazzjonijiet ta' armi lejn il-pajjiż; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri kollha kkonċernati biex jirtiraw il-forzi armati u t-tagħmir tagħhom mit-Turkija;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija, lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2016)0423.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2016)0133.
- [3] ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11.