MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija
22.11.2016 - (2016/2993(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Guy Verhofstadt, Alexander Graf Lambsdorff, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, José Inácio Faria, María Teresa Giménez Barbat, Nathalie Griesbeck, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1276/2016
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija[1] u tal-14 ta' April 2016 dwar ir-rapport 2015 dwar it-Turkija[2],
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar tal-UE għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005, b'mod partikolari l-paragrafi 4 u 5 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' progress annwali dwar it-Turkija għall-2016, ippubblikat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Novembru 2016 (SWD(2016)0366),
– wara li kkunsidra l-eżitu tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tal-14 ta' Novembru 2016,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew ikkundannaw bil-qawwa l-kolp ta' stat militari fallut fit-Turkija u rrikonoxxew ir-responsabbiltà leġittima tal-awtoritajiet Torok li jipprosegwixxu lil dawk responsabbli u involuti f'dan l-attentat;
B. billi l-miżuri repressivi tal-Gvern Tork kontra partiti tal-oppożizzjoni, inkluż l-arrest ta' mexxejja tal-oppożizzjoni u ta' membri tal-Gran Assemblea Nazzjonali Torka, ta' ġurnalisti u oħrajn, huma sproporzjonati u jmorru kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali Torka, jiksru l-impenji meħuda minn stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa u jmorru kontra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;
C. billi l-President Erdogan u l-Gvern Tork għamlu dikjarazzjonijiet ripetuti dwar ir-reintroduzzjoni tal-piena tal-mewt u billi hemm tħassib serju dwar il-kundizzjonijiet ta' dawk li sfaw detenuti u arrestati wara l-kolp ta' stat, dwar it-tkeċċija ta' għadd kbir ta' uffiċjali tal-istat, u dwar ir-restrizzjonijiet severi fuq il-libertà tal-espressjoni u restrizzjonijiet fuq l-istampa u l-midja fit-Turkija;
D. billi l-paragrafu 5 tal-qafas ta' negozjar għan-negozjati ta' adeżjoni mat-Turkija jistipula li l-Kummissjoni, fil-każ ta' ksur serju u persistenti tal-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, tista' tirrakkomanda li n-negozjati jiġu sospiżi u tipproponi l-kundizzjonijiet biex jiġu ssuktati;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-miżuri repressivi sproporzjonati li ilhom jittieħdu fit-Turkija mill-falliment tal-kolp ta' stat militari f'Lulju; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu bidu għal sospensjoni immedjata tan-negozjati li għaddejjin mat-Turkija; jissottolinja li x-xogħol fuq il-liberalizzazzjoni tal-viża jissokta biss meta t-Turkija tissodisfa adegwatament il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-aġenda għal-liberalizzazzjoni tal-viża;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi parametri ċari għall-issuktar tan-negozjati ta' adeżjoni, flimkien mal-kriterji ta' Copenhagen u bi qbil mal-obbligi tat-Turkija bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa; jissottolinja li rifjut ċar tal-piena kapitali għandu jiddaħħal fost il-kundizzjonijiet għall-issuktar tat-taħditiet ta' adeżjoni, flimkien ma' ritorn sħiħ għal ħajja politika demokratika u pluralista;
3. Jirrimarka li s-sospensjoni tan-negozjati għandha tkun akkumpanjata minn friża tal-finanzjament ipprovdut lit-Turkija taħt l-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), b'effett mill-bidu ta' sena baġitarja l-ġdida fl-1 ta' Jannar 2017; Jissottolinja li parti mill-finanzjament taħt l-IPA għandu jiġi inidirizzat lejn żieda fis-sostenn għar-refuġjati u l-migranti fit-Turkija;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Kummissjoni ta' Venezja biex joffru assistenza ġudizzjarja addizzjonali lill-awtoritajiet Torok, bil-għan li jissalvagwardjaw proċedimenti legali sodi u kundizzjonijiet ta' detenzjoni adegwati u sikuri għal dawk arrestati b'akkużi ta' involviment fl-attentat ta' kolp ta' stat militari tal-15 ta' Lulju 2016;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija, lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2016)0423.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2016)0133.