MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija
22.11.2016 - (2016/2993(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp EFDD
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-aħħar żviluppi fit-Turkija,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' progress annwali tal-2016 dwar it-Turkija, ippubblikat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Novembru 2016 (SWD(2016)0366),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fl-4 ta' Novembru 2016, l-awtoritajiet Torok arrestaw 12-il deputat mill-Partit Demoratiku tal-Poplu Kurd (HDP), inklużi l-mexxejja tiegħu Selahattin Demirtas u Figen Yuksekdag, b'firxa ta' akkużi relatati mat-terroriżmu wara d-deċiżjoni tal-Parlament Tork f'Mejju 2016 li titneħħa l-immunità tal-membri parlamentari; billi l-arresti huma biss l-aħħar eskalazzjoni fir-repressjoni min-naħa tal-gvern tal-oppożizzjoni Kurda wara l-għeluq bil-massa tal-midja, it-tkeċċija ta' sindki favur il-Kurdi u l-qtugħ kontinwu tal-aċċess għall-internet bl-iskop li jixxekklu l-komunikazzjonijiet;
B. billi, fil-11 ta' Novembru 2016, l-awtoritajiet Torok arrestaw il-President ta' Chumhuriyet, gazzetta ta' kuljum tal-oppożizzjoni, ġimgħa wara l-arrest ta' diversi membri anzjani tal-persunal, inkluż il-kap editur Murat Sabuncu, minħabba fl-allegati rabtiet ma' Fethullan Gülen u l-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan, grupp armat li ġie ddikjarat illegali;
C. billi l-għadd ta' eliminazzjonijiet mill-President Erdoğan qed jikber fejn 370 grupp mhux governattivi, inklużi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tat-tfal, ġew magħluqa fuq allegati rabtiet mat-terroriżmu u b'aktar minn 300 persuna ġew arrestati jew miżmuma f'dawn l-aħħar ġimgħat; billi l-iskala tar-repressjoni, wara l-attentat ta' kolp ta' stat, hija terribbli, fejn aktar minn 110 000 persuna tkeċċew jew ġew sospiżi mill-impjieg tagħhom u aktar minn 35 000 ġew arrestati;
D. billi, ġie rrappurtat li l-President Erdoğan qed jippjana li jagħmel proposta fil-Parlament, segwita minn referendum, dwar l-introduzzjoni ta' bidliet kostituzzjonali li tippermettilu jassumi l-pożizzjoni ta' aġent president eżekuttiv, bil-possibbiltà li joħroġ digrieti presidenzjali mingħajr il-ħtieġa li jikkonsulta lill-Parlament, u li jibqa' fil-poter sal-2029;
E. billi l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt hija wkoll fuq l-aġenda tal-gvern, u l-President Erdoğan qal li hu se japprova din il-miżura jekk tkun appoġġata mill-Parlament;
F. billi delegazzjoni tal-Parlament Ewropew lejn it-Turkija ġiet ikkanċellata wara li l-awtoritajiet Torok irrifjutaw li jiltaqgħu ma' Membru tal-Parlament Ewropew li kien parti mid-delegazzjoni u li kien ikkritika r-repressjoni tat-Turkija wara l-attentat ta' kolp ta' stat;
G. billi, filwaqt li t-Turkija hija sieħba importanti, hija mistennija li bħala pajjiż kandidat, tirrispetta l-ogħla standards tad-demokrazija, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u d-dritt universali għal proċess ġust;
H. billi l-kriterji ta' Copenhagen għall-adeżjoni huma l-kundizzjonijiet essenzjali li l-pajjiżi kandidati kollha jridu jissodisfaw sabiex isiru Stat Membru; billi l-kriterji politiċi jeħtieġu l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, u r-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi;
1. Jirrikonoxxi li, filwaqt li t-Turkija hija sieħba importanti tal-UE, ir-rieda politika li jkun hemm kooperazzjoni għandha tiġi miż-żewġ naħat tas-sħubija; jemmen li t-Turkija mhijiex turi din ir-rieda politika, peress li l-azzjonijiet tal-gvern qed jiddevjaw ulterjorment lit-Turkija minn triqitha lejn l-Ewropa;
2. Huwa mħasseb ħafna dwar aktar rigressjoni fejn jidħlu id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fit-Turkija; jemmen li, wara l-arrest tal-Kopresidenti tat-tieni l-akbar partit tal-oppożizzjoni tal-pajjiż, l-HDP, u d-detenzjoni ta' diversi membri tiegħu, id-demokrazija parlamentari mhix qiegħda 'l bogħod ħafna milli tiġi kompromessa;
3. Jafferma li r-restrizzjonijiet kontinwi fuq il-libertà tal-espressjoni, inkluż l-għeluq tal-midja u l-arrest tal-ġurnalisti, kif ukoll ir-repressjoni għaddejja tal-minoranza Kurda u prattikament fuq kull min jopponi l-President Erdoğan, huma manifestament kuntrarji għall-impenji li saru mit-Turkija fl-isforzi tagħha biex tingħaqad mal-UE u għall-obbligi internazzjonali tat-Turkija biex jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem;
4. Jinsab inkwetat dwar il-possibbiltà li l-President Erdoğan jinsisti fuq bidliet kostituzzjonali biex jestendi u jespandi l-mandat tiegħu sal-2029, ferm wara li l-mandat attwali tiegħu jkun spiċċa;
5. Ifakkar li l-UE għandha pożizzjoni b'saħħitha u ta' prinċipju kontra l-piena tal-mewt u li l-abolizzjoni tagħha madwar id-dinja tirrappreżenta waħda mill-objettivi ewlenin tagħha; huwa mħasseb ħafna dwar il-possibbiltà li t-Turkija tista' terġa' tintroduċiha u dwar id-dikjarazzjonijiet tal-President Erdoğan dwar din il-kwistjoni;
6. Itenni l-importanza tat-Turkija għall-UE u l-Istati Membri tagħha, iżda jemmen li sfortunatament huwa evidenti li l-kriterji politiċi ta' Copenhagen mhumiex qed jiġu aktar rispettati mit-Turkija; jistieden lill-Kunsill, bħala konsegwenza, biex iwaqqaf b'mod immedjat in-negozjati tal-adeżjoni u li jwaqqaf l-iżborż tal-fondi lit-Turkija;
7. Jemmen li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016, l-hekk imsejjaħ Ftehim bejn l-UE u t-Turkija dwar il-migrazzjoni, għandu jiġi wkoll sospiż;
8. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw pożizzjoni magħquda u komuni dwar l-iżviluppi fit-Turkija, u biex il-Kummissjoni u s-SEAE jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż filwaqt li jżommu l-kanali kollha tal-komunikazzjonijiet miftuħa;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u l-Parlament tat-Turkija.