Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1281/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1281/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija

22.11.2016 - (2016/2993(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Angel Dzhambazki, Ruža Tomašić, Jan Zahradil f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1276/2016

Proċedura : 2016/2993(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1281/2016
Testi mressqa :
B8-1281/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-1281/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija

(2016/2993(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dik tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija[1], dik tal-14 ta' April 2016 dwar ir-rapport 2015 dwar it-Turkija[2] u dik tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta' ġurnalisti u ta' diriġenti tal-midja u l-pressjoni sistematika fuq il-midja[3],

–  wara li kkunsidra r-rapport 2016 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet rilevanti preċedenti tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet rilevanti mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli Federica Mogherini u mill-Kummissarju Johannes Hahn,

–  wara li kkunsidra d-Djalogu Politiku ta' Livell Għoli bejn l-UE u t-Turkija tad-9 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Turkija tat-12 ta' Settembru 1963,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u t-Turkija huma sħab mill-qrib f'firxa wiesgħa ta' oqsma; billi t-Turkija hija pajjiż kandidat u sieħba ewlenija tal-UE; billi t-Turkija ilha membru tal-Kunsill tal-Ewropa sa mill-1950 u membru tan-NATO sa mill-1952;

B.  billi, nhar il-15 ta' Lulju 2016, seħħ attentat ta' kolp ta' stat fit-Turkija; billi l-attentat ta' kolp ta' stat falla wara respinġiment mill-forzi militari u tas-sigurtà tat-Turkija, kif ukoll minn ċittadini ordinarji; billi l-partiti politiċi kollha ewlenin ikkundannaw l-avvenimenti bil-qawwa; billi mijiet ta' persuni, inklużi ħafna ċivili, tilfu ħajjithom;

C.  billi, immedjatament wara, l-awtoritajiet iddikjaraw stat ta' emerġenza, li fid-19 ta' Ottubru ġie prorogat għal tliet xhur ulterjuri u li jagħti setgħat estensivi lill-eżekuttiv biex jiggverna permezz tal-ħruġ ta' digrieti;

D.  billi t-Turkija ppreżentat avviż formali ta' deroga mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi ma tista' ssir l-ebda deroga mill-Artikoli 2, 3, 4(1) u 7 ta' tali Konvenzjoni; billi l-Gvern Tork indika wkoll li se jidderoga mit-13-il artikolu tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

E.  billi, minn mindu seħħ l-attentat fallut ta' kolp ta' stat, l-awtoritajiet Torok issospendew, keċċew u ddetenew aktar minn 40 000 ruħ, fosthom suldati, uffiċjali, pulizija, imħallfin, prosekuturi, għalliema u ġurnalisti;

F.  billi t-Turkija hija kklassifikata fil-151 post fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa 2016; billi r-reazzjoni tal-gvern għall-kolp ta' stat fallut wasslet għall-arrest ta' għexieren ta' ġurnalisti u għall-għeluq ta' bosta stabbilimenti tal-midja;

G.  billi l-ostilitajiet bejn l-Istat Tork u l-forzi tal-PKK żdiedu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar xhur, u dan irriżulta f'ħafna mijiet ta' mwiet fost iċ-ċivili u l-forzi militari; billi l-forzi militari Torok huma dejjem aktar involuti fil-kunflitti fis-Sirja u fl-Iraq, u wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħhom huwa li jimpedixxu reġjun kontigwu kkontrollat mill-Kurdi fit-Tramuntana tas-Sirja; billi, għal dan il-għan, il-forzi militari Torok qed jibbumbardjaw bl-artillerija u jattakkaw mill-ajru l-forzi tal-milizzja Kurdi fis-Sirja, inklużi dawk li qed jiġġieldu kontra l-IS/Da'esh;

H.  billi t-Turkija qed tagħti kenn lil madwar tliet miljun persuna li ħarbu l-gwerra fis-Sirja; billi t-Turkija hija potenza reġjonali importanti u alleata tan-NATO fejn jidħlu l-indirizzar tal-konsegwenzi tal-kunflitt fis-Sirja, il-ġlieda internazzjonali kontra t-terroriżmu ġiħadista fir-reġjun, u l-iffaċċjar tal-kriżi tal-migrazzjoni fil-Mediterran tal-Lvant;

I.  billi l-UE kkonkludiet ftehim mat-Turkija dwar il-kwistjoni tal-ġestjoni tal-flussi migratorji u tar-rifuġjati; billi dan il-ftehim, għad li ċertament mhuwiex perfett, naqqas b'mod sinifikanti l-flussi migratorji bla kontroll lejn l-UE; billi, wara bidu kajman, l-iskambju "wieħed b'wieħed" tal-migranti u r-rifuġjati qed jibda jiffunzjona;

J.  billi l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma valuri demokratiċi ewlenin, li t-Turkija ħadet impenn formali lejhom permezz tal-applikazzjoni tagħha għall-adeżjoni mal-UE, kif ukoll permezz tal-fatt li hi membru tal-Kunsill tal-Ewropa;

K.  billi l-President Recep Tayyip Erdogan ta ħjiel li għandu mnejn isejjaħ referendum nazzjonali dwar it-taħditiet ta' adeżjoni tat-Turkija mal-UE; billi l-President Erdogan issuġġerixxa wkoll li t-Turkija taf tintroduċi mill-ġdid il-piena tal-mewt;

1.  Jiddispjaċih ferm għat-telf ta' ħajjiet ikkaġunat mill-attakki terroristiċi fit-Turkija u jwiegħed l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-ġlieda tal-pajjiż kontra t-terroriżmu;

2.  Jappoġġa r-rieda tal-poplu Tork fl-aspirazzjonijiet tiegħu li jippreserva l-libertajiet u l-istrutturi demokratiċi u fl-oppożizzjoni tiegħu għal dawk il-forzi li jhedduh;

3.  Jikkundanna l-awturi tal-attentat ta' kolp ta' stat kontra l-gvern elett demokratikament tat-Turkija u jirrikonoxxi d-dritt u r-responsabbiltà tal-Gvern Tork li jirreaġixxi għal tali attentat, inkluż billi jiddikjara stat ta' emerġenza; jenfasizza li l-awtoritajiet għandhom josservaw l-ogħla standards possibbli f'dak li hu rispett għad-drittijiet fundamentali u għall-istat tad-dritt, f'konformità mal-impenji internazzjonali tat-Turkija; jisħaq fuq il-ħtieġa li t-Turkija ddaħħal fis-seħħ mekkaniżmi maħsubin biex jiġu evitati l-abbużi u biex jiġu ppreservati s-separazzjoni tas-setgħat u l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-Gvern Tork jirrispondi għall-kolp ta' stat ta' Lulju b'mod meqjus u proporzjonat; ifakkar ukoll lill-Gvern Tork fir-responsabbiltà tiegħu biex, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, jirrispetta l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

4.  Jikkundanna t-trażżin intensifikat kontra l-midja, is-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni politika wara l-attentat fallut ta' kolp ta' stat; jistieden lill-Gvern Tork itemm l-użu dejjem jiżdied tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu fil-konfront tal-ġurnalisti u l-oppożizzjoni;

5.  Jesprimi tħassib serju dwar l-użu tal-istat ta' emerġenza bħala mezz kif il-Gvern Tork joħnoq il-kritika mmirata lejh permezz tal-għeluq tal-istabbilimenti tal-midja u l-arrest u l-priġunerija tal-ġurnalisti; jappoġġa bil-qawwa l-kampanja #journalismisnotacrime u jemmen li midja ħielsa u pluralistika ssaħħaħ id-demokrazija u l-libertajiet fit-Turkija, kif ukoll fi bnadi oħra;

6.  Jistieden lit-Turkija tirrispetta d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi li jeżerċitaw il-libertà ta' reliġjon jew twemmin u l-libertajiet assoċjati magħha ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika;

7.  Jiddispjaċih għas-sospensjoni tal-proċess ta' paċi bejn l-awtoritajiet Torok u l-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK), u jħeġġeġ bil-qawwa sforzi mġedda biex tinstab soluzzjoni paċifika għal differenzi li ilhom jeżistu żmien;

8.  Jilqa' r-rwol tat-Turkija fir-reazzjoni għall-kriżi umanitarja kkaġunata mill-kunflitt fis-Sirja, u jwiegħed li jkompli jagħti l-appoġġ tiegħu lill-awtoritajiet Torok u lill-aġenziji ta' għajnuna fit-Turkija;

9.  Jappella biex il-forzi militari Torok jieqfu jimmiraw l-attakki tagħhom kontra l-forzi Kurdi fit-Tramuntana tas-Sirja li huma involuti fil-ġlieda kontra l-organizzazzjoni terroristika tal-IS/Da'esh;

10.  Jinkoraġġixxi l-iżvilupp u t-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u t-Turkija f'firxa wiesgħa ta' oqsma ta' interess reċiproku, inklużi l-kummerċ, is-sigurtà u l-kuntatt bejn il-persuni; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-President Erdogan biex itemm ir-retorika tiegħu kontra l-UE, biex jawtorizza ż-żjarat ta' uffiċjali (eletti) tal-UE u biex iżomm milli jkompli jdgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fit-Turkija;

11.  Jesprimi t-tama tiegħu li żewġ ċittadini Ċeki, Markéta Všelichová u Miroslav Farkas, li ġew arrestati mill-awtoritajiet Torok u akkużati li jappoġġaw il-grupp Kurd YPG fis-Sirja, jingħataw proċess ġust f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali, u li d-drittijiet fundamentali tagħhom jiġu ggarantiti; jitlob li l-Ambaxxata tar-Repubblika Ċeka u d-delegazzjoni tal-UE fit-Turkija jinżammu infurmati bis-sħiħ dwar l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti legali rigward dan il-każ;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.