Proċedura : 2016/2993(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1282/2016

Testi mressqa :

B8-1282/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2016 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0450

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 378kWORD 71k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1276/2016
22.11.2016
PE593.716v01-00
 
B8-1282/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija (2016/2993(RSP))


Cristian Dan Preda, Renate Sommer, Elmar Brok f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija (2016/2993(RSP))  
B8-1282/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dik tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija(1):

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2016 dwar it-Turkija tad-9 ta' Novembru 2016 (SWD(2016)0366),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew ikkundannaw bil-qawwa l-kolp ta' stat militari fallut fit-Turkija u rrikonoxxew ir-responsabbiltà leġittima tal-awtoritajiet Torok li jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli u involuti f'dan l-attentat;

B.  billi l-miżuri ripressivi tal-awtoritajiet Torok kontra partiti tal-oppożizzjoni, inkluż l-arrest ta' mexxejja tal-oppożizzjoni u ta' membri tal-Gran Assemblea Nazzjonali Torka, ta' ġurnalisti u oħrajn, huma sproporzjonati u jmorru kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali Torka, bi ksur tal-impenji meħuda minn stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa u kontra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

C.  billi l-President Erdogan u membri tal-Gvern Tork ripetutament għamlu dikjarazzjonijiet dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt;

D.  billi hemm tħassib serju dwar il-kundizzjonijiet ta' dawk li sfaw detenuti u arrestati wara l-kolp ta' stat, dwar it-tkeċċija ta' għadd kbir ta' uffiċjali tal-istat, u dwar ir-restrizzjonijiet severi fuq il-libertà tal-espressjoni u restrizzjonijiet fuq l-istampa u l-midja fit-Turkija;

E.  billi l-paragrafu 5 tal-Qafas ta' Negozjar jistipula li fil-każ ta' ksur serju u persistenti fit-Turkija tal-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt li fuqhom l-Unjoni hija msejsa, il-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta' terz mill-Istati Membri, se tirrakkomanda s-sospensjoni tan-negozjati u tipproponi l-kundizzjonijiet biex eventwalment dawn jerġgħu jinbdew.

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-miżuri ripressivi sproporzjonati meħuda fit-Turkija mit-tentattiv ta' kolp ta' stat militari fallut f'Lulju 2016, li l-Parlament ikkundanna wkoll; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproċedu għal posponiment temporanju tan-negozjati li għaddejjin bħalissa mat-Turkija, għall-inqas skont il-kundizzjonijiet attwali;

2.  Jinnota li l-approfondiment tal-unjoni doganali huwa importanti għat-Turkija; jenfasizza li s-sospensjoni tal-ħidma fuq l-approfondiment tal-unjoni doganali għandha konsegwenzi ekonomiċi serji għall-pajjiż;

3.  Jissottolinja li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena kapitali tista' twassal għat-tmiem tan-negozjati;

4.  Jirrikonoxxi li t-Turkija hija f'sitwazzjoni diffiċli ta' sigurtà b'theddid għall-istabilità tagħha kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra, iżda jtenni li dan ma jistax jiġġustifika arresti b'motivazzjoni politika ta' persuni innoċenti, inkluża d-detenzjoni ta' ċittadini barranin;

5.  Jinnota li sal-lum it-Turkija ma wettqitx sebgħa minn 72 punt ta' riferiment tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża, li wħud minnhom huma ta' importanza partikolari;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi punti ta' riferiment ċari biex jerġa' jingħata bidu għan-negozjati, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kriterji ta' Copenhagen u l-obbligi tat-Turkija bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis is-sospensjoni temporanja tal-finanzjament ipprovdut fil-qafas tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II); jissottolinja li parti mill-finanzjament tal-IPA tista' tiġi indirizzata lejn żieda fis-sostenn għar-rifuġjati u l-migranti fit-Turkija;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Kummissjoni ta' Venezja biex joffru assistenza ġudizzjarja addizzjonali lill-awtoritajiet Torok, bil-għan li jissalvagwardjaw proċedimenti legali sodi u kundizzjonijiet ta' detenzjoni adegwati u sikuri għal dawk arrestati u akkużati bl-involviment fl-attentat ta' kolp ta' stat militari tal-15 ta' Lulju 2016;

9.  Jissottolinja l-importanza strateġika tar-relazzjonijiet UE-Turkija għaż-żewġ naħat; jinnota li l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà indikat fl-14 ta' Novembru 2016 li l-Ministri tal-Affarijiet Barranin qablu li qabel kollox ikomplu jkollhom pożizzjoni b'saħħitha u magħquda bħala 28 Stat;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri, u lill-Gvern u l-Parlament tat-Turkija.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0423.

(2)

ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11.

Avviż legali - Politika tal-privatezza