Proċedura : 2016/2988(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1291/2016

Testi mressqa :

B8-1291/2016

Dibattiti :

PV 30/11/2016 - 16
CRE 30/11/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0476

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 411kWORD 50k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1285/2016
23.11.2016
PE593.727v01-00
 
B8-1291/2016

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-1812/2016, B8-1813/2016 u 1814/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (2016/2988(RSP))


Raffaele Fitto, Remo Sernagiotto, Andrew Lewer, Branislav Škripek, Tomasz Piotr Poręba, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (2016/2988(RSP))  
B8-1291/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja ("l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE")(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' April 2011 dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-valutazzjoni tar-riskju għall-ġestjoni tad-diżastri fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 li jappellaw biex il-kapaċitajiet tal-protezzjoni ċivili jiġu mtejba b'sistema Ewropea ta' assistenza reċiproka li tibni fuq approċċ modulari tal-protezzjoni ċivili (16474/08),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar it-Titjib tal-kapaċità tal-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri(4),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (O-000139/2016 – B8-1812/2016, O-000140/2016 – B8-1813/2016 u O-000141/2016 – B8-1814/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, wara t-terremot devastanti li laqat liċ-ċentru tal-Italja nhar l-24 ta' Awwissu 2016, tliet terremoti kbar oħra, flimkien ma' sensiela ta' theżżiżiet, laqtu lir-reġjuni taċ-ċentru tal-Italja, nhar is-26 ta' Ottubru b'qawwa ta' 5.5 u 6.1, u nhar it-30 ta' Ottubru b'qawwa ta' 6.5;

B.  billi t-terremoti u t-theżżiżiet sekondarji komplew ikissru l-Italja ċentrali matul l-aħħar xhur; billi t-tregħid li heżżeż lill-Italja nhar it-30 ta' Ottubru kien l-aktar terremot b'saħħtu li laqat lill-pajjiż mill-1980;

C.  billi fit-terremoti reċenti aktar minn 400 persuna huma rappurtati li ġew midruba filwaqt li mietu 290 persuna;

D.  billi t-terremoti devastanti jistgħu jakkumulaw f'"effett ta' domino" u jwasslu għal 100 000 resident spostati;

E.  billi l-impatt tal-aħħar terremoti qered bliet, għamel ħafna ħsara lill-infrastruttura lokali u reġjonali, qered wirt storiku u kulturali, attivitajiet ekonomiċi, speċjalment dawk tal-SMEs, l-agrikultura, u l-potenzjal tal-industriji tat-turiżmu u tal-ospitalità;

F.  billi t-territorji konċernati jsofru minn deformazzjoni li testendi fuq żona ta' madwar 130 kilometru kwadru, bi spostament massimu ta' mill-inqas 70 ċentimetru;

G.  billi l-isforzi ta' rikostruzzjoni sostenibbli jeħtieġu jiġu koordinati b'mod xieraq sabiex jirrimedjaw it-telf ekonomiku u soċjali;

H.  billi l-proċess ta' rikostruzzjoni jrid iqis esperjenzi fil-passat u l-ħtieġa li jiġu provduti s-sigurtà u l-istabbiltà għal residenti affettwati sabiex jiġi żgurat li huma jkunu jistgħu jkomplu jgħixu f'dawn ir-reġjuni, u billi r-rikostruzzjoni sostenibbli trid issir malajr kemm jista' jkun, u tkun faċilitata permezz ta' riżorsi adegwati, semplifikazzjoni burokratika u trasparenza;

I.  billi l-prevenzjoni tirrikjedi wkoll programm ta' azzjoni konkret dwar it-tixrid ta' informazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni;

1.  Jesprimi l-akbar solidarjetà u empatija mal-individwi kollha affettwati mit-terremoti u l-familji tagħhom, u mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali Taljani involuti fl-isforzi tal-għajnuna wara d-diżastru;

2.  Japprezza l-isforzi bla heda tal-unitajiet tat-tiftix, tal-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili, tal-voluntiera, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex isalvaw il-ħajjiet u jrażżnu l-ħsara fiż-żoni devastati;

3.  Jissottolinja l-effetti ekonomiċi serji tat-terremoti suċċessivi u l-qerda li tħalliet warajhom;

4.  Jinnota s-solidarjetà espressa mill-Istati Membri, ir-reġjuni Ewropej u l-atturi internazzjonali l-oħra fis-sura ta' assistenza reċiproka f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

5.  Jenfasizza l-problemi ta' previżjoni marbuta mas-sistemi tat-terremoti u s-sismiċità għolja fix-Xlokk tal-Ewropa; jinnota bi tħassib li riżultat tat-terremoti qerrieda li jolqtu l-Ewropa, eluf ta' persuni mietu u mijiet ta' eluf oħra sfaw bla dar f'dawn l-aħħar ħmistax-il sena;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-numru kbir ta' persuni spostati li huma esposti għall-kundizzjonijiet tat-temp ħarxa tal-istaġun tax-xitwa li ġej; jistieden lill-Kummissjoni għaldaqstant toffri l-għajnuna kollha meħtieġa lill-awtoritajiet Taljani sabiex il-persuni mċaħħda minn djarhom tingħatalhom garanzija ta' kundizzjonijiet ta' għajxien diċenti;

7.   Jisħaq fuq l-importanza li l-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili jrawwem kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili fl-Ewropa kollha f'sitwazzjonijiet avversi u jnaqqas kemm jista' jkun l-effetti tat-terremoti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jissemplifikaw il-proċeduri għall-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu sabiex jagħmluh disponibbli b'mod rapidu u effettiv immedjatament wara li jseħħ diżastru;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri neċessarji kollha biex tippermetti u tipprevedi l-finanzjament rapidu u effettiv permezz tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa programm Ewropew dwar il-kultura tal-prevenzjoni, li tillimita l-effetti ta' avvenimenti naturali spiss drammatiċi li jesponu l-fraġilità u l-vulnerabbiltà estremi ta' territorju partikolari;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrumenti disponibbli kollha fi ħdan il-fondi ta' koeżjoni u reġjonali jintużaw b'mod effettiv għal attivitajiet ta' prevenzjoni, u sabiex jiżguraw is-sigurtà territorjali, l-attivitajiet ta' rikostruzzjoni u l-intervenzjonijiet meħtieġa l-oħra kollha, b'kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Taljani; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li tuża l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali biex issostni ż-żoni rurali u l-attivitajiet agrikoli li ġew milquta mit-terremoti;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-inizjattivi kollha mmirati li jiżguraw l-implimentazzjoni ta' pjan għall-irkupru, il-konservazzjoni, il-protezzjoni u t-tisħiħ tal-wirt storiku, artistiku u kulturali li saritlu l-ħsara bit-terremot reċenti fl-Italja ċentrali;

12.  Fir-rigward tas-sejħa tal-Gvern Taljan għall-flessibbiltà fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni eċċezzjonali u verament serja, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-riżorsi kollha provduti jew diretti biex itaffu s-sitwazzjoni fil-fatt jintużaw mill-Gvern Taljan għal dan il-għan speċifiku;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Gvern tal-Italja kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali taż-żoni milquta.

(1)

ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1.

(2)

ĠU L 122, 24.4.2014, p. 1.

(3)

ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

(4)

ĠU L 286, 27.11.2009, p. 15.

Avviż legali - Politika tal-privatezza