Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1315/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1315/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

28.11.2016 - (2016/3001(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Maria Lidia Senra Rodríguez, Marie-Christine Vergiat, Dimitrios Papadimoulis, Kostadinka Kuneva, Kostas Chrysogonos, Patrick Le Hyaric, Stelios Kouloglou, Lola Sánchez Caldentey, Tania González Peñas, Estefanía Torres Martínez, Xabier Benito Ziluaga, Miguel Urbán Crespo, Barbara Spinelli f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2016/3001(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1315/2016
Testi mressqa :
B8-1315/2016
Testi adottati :

B8-1315/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

(2016/3001(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-7 ta' Ottubru 2010, tad-9 ta' Lulju 2015 u tal-10 ta' Marzu 2016, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u b'mod partikolari l-Artikolu 56 tagħha, li jiddikjara li, "Kull att, kull ftehim, kull konvenzjoni, kull arranġament jew kull fatt ieħor, li jkollu l-konsegwenza li jċaħħad lin-nazzjon, lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, parzjalment jew totalment, mill-mezzi ta' sussistenza tagħhom li jirriżultaw mir-riżorsi tagħhom jew mir-rikkezzi naturali tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet internazzjonali dwar ir-reati ekonomiċi, għandu jitqies bħala r-reat ta' sakkeġġ li hu kastigabbli mil-liġi",

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 u l-Protokoll II tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949, li jipprojbixxu l-eżekuzzjoniijet sommarji, l-istupri, ir-reklutaġġi furzati u atroċitajiet oħra,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni nru 2211(2015) ta' Marzu 2015 tal-Kunsill tas-Sigurtà li estendiet sal-31 ta' Marzu 2016 il-mandat tal-Missjoni tan-NU għall-Istabilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (Monusco),

–  wara li kkunsidra l-fatt li, fl-2014, il-premju Sakharov ingħata lil Dr Denis Mukwege, ġinekologu Kongoliż, għall-ġlieda tiegħu favur il-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa fil-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu, adottata fl-20 ta' Mejju 2015, dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' importaturi ta' ċerti minerali jew metalli li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent tal-15 ta' April 2015 dwar l-isfruttament u l-kummerċ illegali tar-riżorsi naturali għall-benefiċċju tal-gruppi kriminali organizzati,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.  billi t-tkattir tal-fazzjonijiet armati, id-diżorganizzazzjoni u l-assenza ta' Stat stabbli, l-inkapaċità tan-Nazzjonijiet Uniti li jagħtu rispons koerenti meta jiġu affaċjati b'ġenoċidju u l-konsegwenzi tiegħu, u l-kompliċità tal-pajjiżi li għandhom interessi fir-reġjun, bħall-Istati Uniti u Franza, ikkaġunaw sitwazzjoni drammatika li sa mill-1996 x'aktarx ħalliet mejta bosta mijiet ta' eluf, jekk mhux miljuni, fil-biċċa l-kbira minnhom persuni ċivili, vittmi b'mod partikolari tal-malnutrizzjoni, il-mard u l-faqar b'segwitu l-gwerer tal-1996 u tal-1998; billi din is-sitwazzjoni għad għandha riperkussjonijiet fil-pajjiż fil-ġurnata tal-lum;

B.  billi, skont il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF), il-mortalità perinatali naqset bi 30 % bejn l-2007 u l-2014: minn 148 għal kull 1 000 tarbija li twieldu fl-2007, niżlet għal 104 fl-2014; billi l-mortalità fost l-ommijiet żgħażagħ naqset b'35 %: minn 1 289 għal kull 100 000 tarbija li twieldu fl-2007, niżlet għal 846 fl-2014;

C.  billi l-instabilità ilha mill-2012 karatteristika tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo l-ġdida u ħalliet diversi eluf ta' vittmi, relatati mal-ġlied u l-atroċitajiet li jikkonċernaw b'mod partikolari l-provinċji tal-Kivu tat-Tramuntana u ta' Nofsinhar fil-Lvant tal-pajjiż; billi, skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji, sal-31 ta' Lulju 2015, kien hemm kważi 1,5 miljun persuna li ġew spostati internament, jiġifieri 7 % tal-popolazzjoni totali tal-pajjiż; billi għad fadal aktar minn 400 000 rifuġjat Kongoliż li qed jgħixu fl-eżilju; billi r-rifuġjati li qed jaħarbu mill-kriżi umanitarja gravi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, pajjiż ġar, qed jaslu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

D.  billi, fost il-ġellieda, hemm il-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (milizzji Hutu), ir-Raggruppament Kongoliż għad-Demokrazija ta' Goma (RCD-Goma) appoġġat mir-Rwanda kontra l-gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur (LRA) li ħarġet minn ribelljon fl-Uganda, il-grupp Mai Mai fil-Katanga u l-Moviment Popolari ta' Awtodifiża (MPA); billi, avolja ċerti fazzjonijiet bdew jiġu demobilizzati mill-2010 u f'ċerti każijiet ġew parzjalment integrati fl-armata Kongoliża (FARDC), l-istat ta' insigurtà għadu jippersisti; billi l-istrumentalizzazzjoni tal-"kwistjoni etnika" fir-reġjun kebbset bil-kbir il-kunflitti u għadha tifred it-territorji;

E.  billi ġew kommessi bosta delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, ksur enormi tad-drittijiet tal-bniedem, tħarrix tar-repressjoni kontra l-oppożituri, stupri tal-massa ta' nisa u bniet, kif ukoll spustamenti tal-massa tal-popolazzjonijiet; billi mill-1996 'l hawn uffiċjalment kien hemm minn tal-anqas 200 000 vittma ta' istupri fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u ċertament ħafna aktar, peress li ħafna stupri ma ġewx reġistrati; billi l-istupru huwa arma tal-gwerra li tintuża mill-ġellieda kollha, inklużi l-forzi armati uffiċjali; billi r-reklutaġġ furzat, speċjalment tat-tfal biex isiru ġellieda, huwa fatt komuni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

F.  billi l-armata regolari (FARDC) tiġi regolarment akkużata b'atroċitajiet; billi l-Gvern, f'Ottubru 2012, adotta pjan ta' azzjoni biex itemm ir-reklutaġġ tat-tfal, il-vjolenzi sesswali u l-ksur gravi l-ieħor tad-drittijiet tat-tfal min-naħa tal-forzi armati u ta' sigurtà; billi, minn dakinhar, il-problemi baqgħu jippersistu u l-impunità għadha attwali;

 

G.  billi l-bilanċ tal-Monusco (il-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo), li ġiet stabbilita fl-1999, huwa falliment totali peress li ma rnexxilhiex ittejjeb id-destin tal-popolazzjoni ċivili milquta b'mod qawwi mill-gwerra u billi l-appoġġ tagħha għall-armata nazzjonali Kongoliża (FARDC) ma għamel xejn ħlief aggrava d-delitti ta' din tal-aħħar; billi, b'segwitu għal sospensjoni tal-kooperazzjoni militari fi Frar 2015 bejn il-Monusco u l-FARDC, in-Nazzjonijiet Uniti ddeċidiet, fit-2 ta' Marzu 2016, li terġa' tagħti l-appoġġ militari lill-forzi governattivi;

H.  billi l-kostituzzjoni tipprevedi li l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss għandhom isiru f'Diċembru 2016; billi l-mandat tal-President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo huwa limitat mill-kostituzzjoni Kongoliża għal żewġ mandati. billi l-President Joseph Kabila xtaq jirrevedi l-liġi elettorali biex jipposponi l-elezzjonijiet għal wara l-2016, u dan iġġenera tensjonijiet politiċi, dimostrazzjonijiet u tfaqqigħ ta' vjolenza b'bilanċ letali ta' diversi għexieren ta' nies mejta; billi Joseph Kabila ddeċieda li jorganizza djalogu politiku nazzjonali li qed jiġi bbojkottjat minn partit tal-oppożizzjoni li r-ritorn għal medjazzjoni internazzjonali u r-rispett sħiħ tal-kostituzzjoni għamilhom kundizzjonijiet sine qua non biex jieħu sehem;

I.  billi deċiżjoni tas-17 ta' Ottubru 2016 li temmet il-finzjoni ta' "djalogu politiku" (fejn ma kien hemm l-ebda preżenza tal-oppożizzjoni) ipposponiet id-data tal-elezzjonijiet għal April 2018;

J.  billi l-oppożizzjoni qed takkuża lill-President Kabila u lill-gvern tiegħu bl-użu tal-mezzi amministrattivi u tekniċi biex idewmu l-elezzjonijiet u jibqgħy fil-poter oltre tmiem il-mandat kostituzzjonali;

K.  billi diversi NGOs ikkundannaw il-fatt li l-ġustizzja Kongoliża qed tiġi strumentalizzata sabiex dawk li ma jaqblux mal-idea ta' tielet mandat għall-President Kabila jissiktu;

L.  billi, f'dawn l-aħħar ftit xhur, l-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem irrapportaw diversi drabi dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni fil-pajjiż, b'mod partikolari l-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi, il-militanti politiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li opponew it-tentattivi biex il-President Kabila jkun jista' jibqa' fil-poter wara l-limitu ta' żewġ mandati stabbilit mill-kostituzzjoni;

M.  billi ġie rrapportat li aktar minn 30 persuna nqatlu matul id-dimostrazzjonijiet fid-19 u l-20 ta' Settembru 2016 f'Kinshasa u ħafna oħrajn għebu; billi għad hemm membri tal-Moviment LUCHA detenuti illegalment f'Goma u billi uffiċċju tal-istampa bħal dak tal-RFI ngħalqu;

N.  billi r-Repubblika Demokratika tal-Kongo hija miżgħuda b'riżorsi naturali importanti (deheb, kassiterit, koltan, gass metan, eċċ.) u billi l-persistenza tal-isfruttament illegali ta' dawn ir-riżorsi li, speċjalment fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, spiss għadhom taħt il-kontroll tal-gruppi paramilitari armati, tikkontribwixxi għall-finanzjament u għas-sostenn tal-kunflitt u għadha għajn ta' insigurtà għar-reġjun kollu kemm hu;

 

O.  billi l-kumpaniji transnazzjonali jiffinanzjaw il-kunflitt armat biex ikomplu bl-isfruttament tas-sottoswol Kongoliż; billi dan il-fenomenu ġie kkundannat diversi drabi f'rapporti ppubblikati min-Nazzjonijiet Uniti; billi Ibrahim Thiaw, Viċi Direttur Eżekuttiv tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), f'April 2015, iddikjara li l-qligħ annwali minn dan l-isfruttament tar-riżorsi naturali qabeż il-USD 1 biljun u li l-biċċa l-kbira tal-profitti – sa 98 % – spiċċa għand gruppi internazzjonali, filwaqt li t-2 % li baqa' ntuża għall-finanzjament tal-gruppi armati interni;

 

P.  billi l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, permezz tal-pjanijiet tagħhom ta' aġġustamenti strutturali tagħhom, għamlu l-pajjiż aktar fraġli billi biddluh f'rifuġju ġuridiku u fiskali għall-kumpaniji multinazzjonali, partikolarment fis-settur tal-minjieri; billi ż-żarmar tal-pilastri tal-ekonomija Kongoliża u t-tkeċċija ta' eluf ta' ħaddiema b'rabta mal-istituzzjonijiet internazzjonali, fosthom prinċipalment il-Bank Dinji, wassal għat-tiċħid tal-mezzi ta' sussistenza u d-deterjorament tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-popolazzjoni għall-benefiċċju tal-ħtif tar-riżorsi u tad-dominju fuq l-ekonomija min-naħa tal-gruppi industrijali l-kbar, prinċipalment tal-Punent;

Q.  billi l-prezz tal-ikel żdied b'mod konsiderevoli mill-bidu tal-kunflitt, u dan qed ikompli jaggrava l-faqar u l-insikurezza tal-ikel tal-popolazzjonijiet lokali u l-instabilità fir-reġjun; billi s-sitwazzjoni hija aggravata mill-ħtif tal-art mill-kumpaniji multinazzjonali bil-kompliċità tal-Gvern;

R.  billi ż-żieda fil-qgħad, id-degrad tas-sitwazzjoni soċjali u t-tifqir tal-popolazzjoni huma fatturi determinanti tal-instabilità li jbati minnha r-reġjun;

1.  Jikkundanna kull att ta' vjolenza, kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem u kull vjolenza sesswali; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-popolazzjonijiet kollha li sofrew minn snin ta' kunflitt; jiddenunzja għal darb'oħra l-istrumentalizzazzjoni tal-"kwistjoni etnika" li ħalliet miljuni ta' vittmi fir-reġjun u sservi biss biex tifred il-popolazzjoni;

2.  Jinsab partikolarment preokkupat dwar iż-żieda fil-vjolenza kif javviċinaw l-elezzjonijiet; jikkundanna l-forom kollha ta' intimidazzjoni u ta' atti ta' fastidju, inklużi dawk ġudizzjarji, kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-avversarji politiċi u ilħna oħra indipendenti jew kritiċi; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu rispettati u protetti d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika;

3.  Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni kollha miżmuma arbitrarjament;

4.  Jiddenunzja r-repressjoni orkestrata mill-forzi tad-difiża u s-sigurtà; jissottolinja li huwa strettament ipprojbit l-użu ta' armi letali kontra d-dimostranti paċifiċi f'konformità mal-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-użu tal-forza u li l-uffiċjali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet m'għandhomx jużaw armi tan-nar;

5.  Iqis li l-ġlieda kontra l-impunità, sew jekk fil-każ ta' vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju sew jekk tal-infrazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, hija waħda mill-kundizzjonijiet indipensabbli għar-ristabbiliment tal-paċi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

6.  Jikkondividi l-fehma tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Unjoni Afrikana fis-sens li huwa biss djalogu li jinkludi lill-partijiet u lir-rappreżentanti kollha tas-soċjetà Kongoliża, b'rispett sħiħ tal-Kostituzzjoni u l-interessi tal-popolazzjoni, bl-għan li jinżammu elezzjonijiet ħielsa, ġusti, trasparenti u kredibbli, li jippermetti li jittaffu t-tensjonijiet politiċi li attwalment jeżistu fil-pajjiż;

7.  Huwa partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fil-pajjiż kif ukoll dwar reati u każijiet ta' diskriminazzjoni li huma jisfaw vittmi tagħhom; iqis li hija indispensabbli l-intensifikazzjoni tal-isforzi min-naħa tal-awtoritajiet u tal-komunità internazzjonali biex iwaqqfu l-istupri tal-massa bħala teknika tal-gwerra, jiggarantixxu l-aċċess għall-assistenza pubblika u bla ħlas fil-qasam tas-saħħa, partikolarment għas-saħħa riproduttiva, kontraċettiva u għall-abort u jippromwovu opportunitajiet tassew indaqs;

8.  Iqis bl-istess mod li t-tmiem tal-fenomenu tas-suldati tfal għandu jkun prijorità tal-awtoritajiet u tal-komunità internazzjonali;

9.  Jiddenunzja l-fatt li l-bżonnijiet bażiċi tal-popolazzjoni Kongoliża qed jiġu sistematikament issagrifikati għall-benefiċċju tal-interessi ekonomiċi u ġeopolitiċi tal-kumpaniji multinazzjonali u tal-potenzi barranin;

10.  Iqis, għalhekk, li s-sitwazzjoni drammatika fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo tista' tiġi solvuta b'mod dejjiemi biss jekk tittieħed azzjoni sabiex il-popolazzjoni fl-aħħar tgawdi mir-riżorsi naturali; jenfasizza li, biex jagħmel hekk, il-pajjiż għandu jieħu lura s-sovranità tiegħu fuq il-ġid naturali tiegħu billi jiġi stabbilit kontroll fuq l-attività tal-kumpaniji multinazzjonali barranin u billi jiżviluppa infrastrutturi nazzjonali għall-isfruttament, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-materja prima tiegħu, li jimplikaw ir-reviżjoni u t-tħassir tal-kuntratti kollha li jirrigwardaw minjieri u forestrija, f'konformità mal-Artikolu 56 tal-Kostituzzjoni Kongoliża, sabiex jiġi żgurat li dawn ir-riżorsi jitgawdew mill-akbar ammont ta' nies possibbli u mhux biss minn minoranza;

11.  Itenni l-ħtieġa li jiġi ggarantit id-dritt tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo għas-sovranità tal-ikel, li jinkludi d-dritt tal-bdiewa li jipproduċu l-ikel għal nieshom, billi jintemm il-ħtif tal-art u billi jiġi żgurat l-aċċess tal-bdiewa rġiel u nisa għall-art, għaż-żerriegħa u għall-ilma;

12.  Jitlob lill-komunità internazzjonali u, b'mod partikolari, lill-pajjiżi "kredituri" fil-konfront tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (u b'mod partikolari lill-Belġju) biex jeliminaw l-ostakli għall-iżvilupp tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u għalhekk għall-paċi, billi jħassru d-dejn u l-imgħax fuq id-dejn li l-pajjiż għadu jħallas u biex jimplimentaw kooperazzjoni internazzjonali vera u proprja li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u s-sovranità tal-Istat Kongoliż, minflok ftehimiet ta' kummerċ ħieles u pjanijiet ta' aġġustamenti strutturali; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo jesiġu l-awditjar tad-dejn tagħhom u l-annullament tad-dejn illeġittimu kollu fil-konfront tal-kredituri barranin fil-prospettiva tal-eliminazzjoni totali tad-dejn u bil-għan li jirrispondu għall-bżonnijiet umani fundamentali tal-popolazzjoni tagħhom;

13.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-appoġġ finanzjarju u l-għajnuna umanitarja biex iwieġbu għall-bżonnijiet urġenti ta' dawn il-popolazzjonijiet; jitlob li l-għajnuna tal-UE u tal-Istati Membri ssir fil-forma ta' għotjiet u mhux ta' self sabiex ma jkomplux itaqqlu l-piż tad-dejn; jiddeplora l-fatt li ħafna Stati Membri tal-Unjoni ma laħqux l-objettiv li jiddedikaw 0,7 % tal-PNG tagħhom għal dan l-iskop u li xi wħud minnhom baxxew il-perċentwal tagħhom ta' għajnuna għall-iżvilupp; jiddeplora t-tnaqqis fil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-programmi ta' għajnuna għall-ikel; jitlob b'urġenza li l-għajnuna għall-iżvilupp ma tkunx strumentalizzata sabiex tillimita jew tikkontrolla l-fruntieri jew tiżgura r-riammissjoni tal-migranti; jitlob li l-għajnuna mogħtija mill-UE u mill-Istati Membri fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tindirizza, bħala prijorità, il-problemi marbuta mal-inugwaljanzi profondi, mal-faqar, mal-malnutrizzjoni kronika, mal-aċċess għas-saħħa u għas-servizzi pubbliċi, partikolarment għas-saħħa sesswali u riproduttiva, kif ukoll mal-ilħuq tal-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli; jitlob bl-istess mod li l-għajnuna għall-ikel tiżdied u tkun iddestinata, bħala prijorità, għax-xiri tal-ikel lill-bdiewa lokali;

14.  Jafferma mill-ġdid li l-attivitajiet tal-impriżi Ewropej li joperaw fil-pajjiżi terzi għandhom jirrispettaw kompletament l-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jappella, għalhekk, lill-Istati Membri jiżguraw li l-impriżi li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali tagħhom ma jonqsux mir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards soċjali, tas-saħħa u ambjentali li għalihom ikunu soġġetti meta jistabbilixxu ruħhom jew jagħmlu attività kummerċjali fi stat terz; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa kontra l-kumpaniji Ewropej li ma jirrispettawx dawn l-istandards jew li ma jagħtux kumpens b'mod sodisfaċenti lill-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jaqgħu direttament jew indirettament taħt ir-responsabilità tagħhom;

15.  Jitlob, b'mod partikolari fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, li ssir inkjesta indipendenti dwar ir-rispett tal-istandards soċjali u ambjentali tal-impriżi Ewropej b'mod partikolari fis-settur tar-riżorsi naturali u fir-rabtiet li dawn l-impriżi jista' jkollhom mal-finanzjament tal-gruppi armati; jitlob, bl-istess mod, li tiġi stabbilita inkjesta internazzjonali sabiex tixħet dawl fuq l-allegazzjonijiet ta' kompliċità bejn il-pjanijiet ta' aġġustament strutturali, l-appoġġi finanzjarji tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u r-reati mwettqa fil-pajjiż;

16.  Jopponi kull tentattiv ta' esternalizzazzjoni tal-politiki migratorji tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi; jiddenunzja l-fatt li l-proċess ta' Rabat, li tiegħu r-Repubblika Demokratika tal-Kongo hija parti kkonċernata, ma jippermetti bl-ebda mod li jiġu ttrattati l-kawżi profondi tal-migrazzjoni iżda sempliċement li jiġu promossi l-politiki ta' ritorn u ta' riammissjoni; iqis li dawn il-politiki jmorru kontra d-dritt tal-moviment liberu u d-dritt tal-asil; jitlob, f'dan ir-rigward, il-waqfien immedjat tan-negozjati mar-Repubblika Demokratika tal-Kongo fil-qafas tal-proċess ta' Rabat;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.