Proċedura : 2016/3001(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1316/2016

Testi mressqa :

B8-1316/2016

Dibattiti :

PV 01/12/2016 - 3
CRE 01/12/2016 - 3

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.24
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0479

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 408kWORD 46k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1310/2016
28.11.2016
PE593.753v01-00
 
B8-1316/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2016/3001(RSP))


Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Arne Gericke f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2016/3001(RSP))  
B8-1316/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2016 u tat-23 ta' Mejju 2016 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2277 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2293 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra d-diskors minn Joseph Kabila fil-15 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-Digriet Eżekuttiv 13413 tal-President tal-Istati Uniti maħruġ fis-27 ta' Ottubru 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fit-18 ta' Frar 2006, il-poplu tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo approva b'referendum il-kostituzzjoni l-ġdida li ġiet ippromulgata mill-President Joseph Kabila; billi din il-kostituzzjoni tillimita lill-President għal massimu ta' żewġ mandati fil-kariga;

B.  billi, fl-2014, l-alleati tal-President Kabila naqsu milli jilħqu s-super maġġoranza ta' 60 % fl-Assemblea Nazzjonali meħtieġa biex isir referendum biex tinbidel il-Kostituzzjoni;

C.  billi fid-diskors tiegħu lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo fit-18 ta' Ottubru 2016, il-President Kabila kkonferma l-intenzjoni tiegħu li ma jirrispettax il-limitazzjonijiet kostituzzjonali fuq il-mandat ta' presidenza u jibqa' fil-poter wara t-tmiem tal-mandat fid-19 ta' Diċembru 2016;

D.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2016 esprimew tħassib serju dwar is-sitwazzjoni politika li qed tiddeterjora fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u rriaffermaw li r-responsabilità primarja għaż-żamma tal-elezzjonijiet hija f'idejn l-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li l-kriżi tista' tiġi solvuta biss permezz ta' impenn pubbliku u espliċitu tal-partijiet interessati kollha biex jirrispettaw il-Kostituzzjoni;

E.  billi l-Unjoni Afrikana ffaċilitat ftehim bejn xi membri tal-oppożizzjoni tal-parlament u l-President Kabila, li jistabbilixxi bħala kundizzjoni għal hekk imsejjaħ gvern ta' unità nazzjonali li l-gvern jirriżenja u membru tal-oppożizzjoni, Samy Badibanga, magħżul mill-President Kabila, jsir Prim Ministru; billi l-partiti tal-oppożizzjoni ffurmaw ir-Rassemblement, grupp li rrifjuta l-ftehim u li talab li l-President Kabila jirriżenja fid-19 ta' Diċembru 2016;

F.  billi l-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi (CENCO) tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo offriet li taġixxi bħala intermedjarju bejn il-President Kabila u r-Rassemblement sabiex tgħin biex jintlaħaq ftehim;

G.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2016 dwar il-massakri fil-Lvant tal-Kongo(1), il-Parlament Ewropew, bħala kwistjoni ta' urġenza, sejjaħ għal investigazzjoni bir-reqqa, indipendenti u trasparenti sabiex tiġi mnedija investigazzjoni dwar il-massakri f'Beni, Lubero u Butembo; billi insista li l-elezzjonijiet għandhom isiru kif previst mill-Kostituzzjoni u enfasizza li ż-żamma fil-ħin u b'suċċess tal-elezzjonijiet se tkun kruċjali għall-istabilità fit-tul u l-iżvilupp tal-pajjiż;

H.  billi l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet fuq il-Maġġur Ġeneral Gabriel Amisi Kumba u John Numbi, membri taċ-ċirku intern ta' Kabila li hu maħsub li huma fost dawk li ħeġġew lill-President ikun intransiġenti mad-dimostranti u involuti f'azzjonijiet li jimminaw id-demokrazija fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

I.  billi l-ġurnalist tat-Televiżjoni u r-Radju Nazzjonali Kongoliżi (RTNC) Marcel Lubala inqatel fl-14 ta' Novembru 2016 f'Mbuji-Mayi;

1.  Jistieden lill-President Kabila jirriżenja minn President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo fid-19 ta' Diċembru 2016 kif meħtieġ mill-Kostituzzjoni, u li jiġi maħtur president temporanju sakemm ikunu jistgħu jsiru elezzjonijiet ġodda;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jidentifikaw lil dawk li huma responsabbli għall-għoti ta' pariri jew inkoraġġiment lill-President Kabila biex jinjora r-rekwiżiti kostituzzjonali dwar il-mandat tal-president u dawk li huma responsabbli għar-ripressjoni vjolenti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u li jagħmlu proposta lill-Kunsill biex jiġu imposti miżuri restrittivi (sanzjonijiet) fuqhom;

3.  Jiddispjaċih ħafna għan-nuqqas totali u imprudenti ta' kunsiderazzjoni għall-kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tal-istabilità ta' pajjiżu mill-President Kabila, muri mill-pretensjoni tiegħu li se jibqa' fil-kariga wara li jintemm it-terminu tiegħu;

4.  Jikkundanna l-projbizzjoni fuq dimostrazzjonijiet politiċi u protesti pubbliċi, u l-arrest u d-detenzjoni ta' avversarji politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jitlob il-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha u l-waqfien tal-prosekuzzjonijiet politikament motivati kontra l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili kif ukoll ir-riabilitazzjoni ta' persuni li ġew soġġetti għal sentenzi politikament motivati;

6.  Jilqa' l-offerta mill-CENCO biex taġixxi bħala medjatur u biex tgħin fin-negozjar ta' ftehim mal-forzi tal-oppożizzjoni tar-Rassemblement, u jinkoraġġixxi lill-President u lill-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo biex jikkunsidraw din il-proposta;

7.  Jiddikjara li huwa lest li jaħdem ma' sħab internazzjonali biex jassistu fil-faċilitazzjoni ta' elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo kemm jista' jkun malajr;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jwettqu investigazzjoni bir-reqqa tal-qtil ta' Marcel Lubaya u jressqu lill-awturi quddiem il-ġustizzja;

9.  Jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jwettaq inkjesta indipendenti dwar il-massakri li seħħew aktar kmieni din is-sena f'Beni u Lubero;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lill-President u l-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0290.

Avviż legali - Politika tal-privatezza