Proċedura : 2016/3001(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1319/2016

Testi mressqa :

B8-1319/2016

Dibattiti :

PV 01/12/2016 - 3
CRE 01/12/2016 - 3

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.24
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0479

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 434kWORD 53k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1310/2016
28.11.2016
PE593.756v01-00
 
B8-1319/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2016/3001(RSP))


Mariya Gabriel, Bogdan Brunon Wenta, Michael Gahler, Joachim Zeller, Brian Hayes, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Maurice Ponga, Frank Engel, Cristian Dan Preda, Ivo Belet

f'isem il-Grupp PPE

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2016/3001(RSP))  
B8-1319/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari dawk tal-10 ta Marzu 2016(1) u tat-23 ta' Ġunju 2016(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet lokali tal-UE tal-25 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u tat-2 ta' Awwissu 2016 u tal-24 ta' Awwissu 2016 dwar il-proċess elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo wara t-tnedija tad-djalogu nazzjonali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet konġunti għall-istampa tas-16 ta' Frar 2016 u tal-5 ta' Ġunju 2016 tal-Unjoni Afrikana, tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Unjoni Ewropea u tal-Organizzazzjoni Internazzjonali La Francophonie dwar il-ħtieġa ta' djalogu politiku inklużiv fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-impenn tagħhom li jappoġġaw atturi Kongoliżi fl-isforzi tagħhom għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Awwissu 2016 tal-kelliem tal-VP/RGħ dwar il-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2016 u tas-17 ta' Ottubru 2016 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2293(2016) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet fuq ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti u r-riżoluzzjoni 2277(2016), li ġeddet il-mandat tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO),

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta Lulju 2016 u tal-21 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u għar-Reġjun,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-23 ta' Ġunju 2016 tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet ta' Nairobi ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u għar-Reġjun, iffirmat f'Addis Ababa fi Frar 2013,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, adottata fit-18 ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-mandat tal-President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo huwa limitat mill-kostituzzjoni għal żewġ termini u l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlatitvi li jmiss għall-ewwel kienu skedati li jsiru fi tmiem l-2016, bil-mandat tal-President Kabila jintemm fl-20 ta' Diċembru 2016;

B.  billi f'dawn l-aħħar sentejn, il-President Joseph Kabila, li ilhu fil-poter sa mill-2001, kien qiegħed juża mezzi amministattivi u tekniċi biex jipprova jipposponi l-elezzjoni u jibqa' fil-poter lil hinn mit-tmiem il-mandat kostituzzjonali tiegħu; billi dan id-dewmien li għaddej fit-tħejjijiet elettorali kkawża tensjoni politika, inkwiet u vjolenza mingħajr preċedent madwar il-pajjiż;

C.  billi f'Novembru 2015 il-President Kabila ħabbar it-tnedija ta' djalogu nazzjonali; billi, sussegwentement, l-Unjoni Afrikana ħatret lill-eks Prim Ministru Togoliż Edem Kodjo bħala faċilitatur tad-djalogu politiku nazzjonali; billi żewġ gruppi kbar tal-oppożizzjoni rrifjutaw li jipparteċipaw f'dak li huma jqisu li huwa djalogu mhux inklużiv u mhux demokratiku, kif ukoll tattika ta' dewmien;

D.  billi l-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali La Francophonie enfasizzaw b'mod konġunt l-importanza ta' djalogu u t-tfittxija għal ftehim bejn l-atturi politiċi li jirrispetta d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u ħeġġew lill-atturi politiċi kollha tal-Kongo biex jestendu l-kooperazzjoni sħiħa tagħhom għal Edem Kodjo;

E.  billi fit-18 ta' Ottubru 2016 ġie ffirmat ftehim bejn il-President Kabila u parti mill-oppożizzjoni li jipposponi l-elezzjoni presidenzjali għal April 2018; billi, skont it-termini ta' dan il-ftehim, il-President Kabila, li għalhekk tħalla jibqa' fil-poter wara l-2016, inkariga lil Prim Ministru interim ġdid, Samy Badibanga, membru tal-oppożizzjoni, biex jifforma gvern ġdid;

F.  billi l-ftehim jipprovdi għat-twaqqif ta' ċensiment ġdid u ta' reġistru elettorali sa' Lulju 2017 u l-ħolqien ta' "Comité de suivi" li jkun inkarigat biex jissorvelja l-proċess elettorali u biex jirrapporta kull xahar dwar l-implimentazzjoni effikaċi tiegħu;

G.  billi l-iżvolġiment paċifiku, trasparenti u tempestiv tal-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi kien jikkontribwixxi bil-kbir għall-konsolidazzjoni tal-progress li sar fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fuq medda ta' aktar minn għaxar snin;

H.  billi, minn Jannar 2015, uffiċjali tas-sigurtà u tal-intelligence Kongoliżi wettqu azzjonijiet ripressivi fir-rigward ta' attivisti paċifiċi u membri tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili li jopponu t-tentattivi tal-President Kabila biex jibqa' fil-poter lil hinn mil-limitu ta' żewġ mandati previst mill-Kostituzzjoni;

I.  billi hemm rapporti kostanti minn gruppi tad-drittijiet tal-bniedem dwar is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-espressjoni u ta' għaqda fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi, arresti u detenzjonijiet arbitrarji u proċessi politikament motivati; billi erba' attivisti żgħażagħ ġew arrestati fit-18 ta' Novembru 2016, jumejn qabel id-dimostrazzjoni ppjanata kontra l-Gvern Kongoliż f'Kinshasa; billi d-dimostrazzjonijiet bħalissa huma pprojbiti f'Kinshasa u Lubumbashi; billi l-osservaturi jibżgħu li s-sitwazzjoni teskala peress li l-mexxejja tal-oppożizzjoni tennew l-appell tagħhom għal strajk ġenerali u għal manfestazzjoni intensifikata fit-toroq fil-ġimgħat li ġejjin;

J.  billi fid-19 ta' Settembru 2016 faqqgħet ġlieda vjolenti f'Kinshasa bejn uffiċjali tal-pulizija u dimostranti li wasslet għal mewt ta' aktar minn 50 persuna; billi erba' persuni inqatlu meta s-sede ta' tliet partiti tal-oppożizzjoni ġew sakkeġġati u ingħataw in-nar;

K.  billi, skont rapport tal-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, ġew irrappurtati 422 każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-pulizija u l-forzi tas-sigurtà matul id-dimostrazzjonijiet li saru bejn d-19 u l-21 ta' Settembru 2016;

L.  billi wara dawn l-avvenimenti l-kap prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali bagħat delegazzjoni lejn ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fis-16 ta' Ottubru 2016 biex tissorvelja fuq il-post is-sitwazzjoni kritika tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza fil-pajjiż;

M.  billi kien hemm deterjorament serju fir-rigward tal-libertà tal-midja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, li hija limitata minn theddid u attakki kontinwi kontra l-ġurnalisti; billi f'dawn l-aħħar sentejn, minn tal-inqas għaxar mezzi tal-midja u stazzjonijiet tar-radju ngħalqu mill-awtoritajiet; billi fl-14 ta' Novembru 2016 ġurnalist tat-TV inqatel minn grupp ta' tnax-il raġel armat fil-belt fejn jgħix; billi r-Repubblika Demokratika tal-Kongo hija kklassifikata fil-152 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa maħruġ minn Reporters Without Borders;

N.  billi f'Settembru 2016 l-Istati Uniti tal-Amerika imponiet sanzjonijiet immirati kontra żewġ uffiċjali għolja Kongoliżi bħala reazzjoni għall-azzjonijiet ta' dawn tal-aħħar biex jimminaw il-proċess demokratiku jew l-istituzzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

O.  billi s-sitwazzjoni marret għall-agħar minħabba l-persistenza u l-konsolidazzjoni tal-impunità fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà qed tkompli tiddeterjora fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari fil-Lvant tal-pajjiż, minħabba l-vjolenza kkawżata minn 'il fuq minn 30 grupp armat barrani u nazzjonali, b'rapporti kontinwi ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali, inklużi attakki mmirati kontra persuni ċivili, vjolenza sesswali u sessista mifruxa, reklutaġġ sistematiku u abbuż tat-tfal minn gruppi armati, u eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji;

P.  billi l-aġenziji umanitarji jistimaw li l-instabbiltà politika qed titfa' lill-pajjiż f'kaos u twassal biex il-popolazzjoni tiegħu, diġà mdgħajfa mill-kriżijiet differenti tal-imgħoddi u tal-preżent, tegħreq fl-għaks u l-insigurtà, fejn aktar minn 5 miljun ruħ bħalissa jinħtieġu assistenza għall-ikel;

Q.  billi l-Programm Indikattiv Nazzjonali 2014-2020 għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'finanzjament ta' EUR 620 miljun mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, jagħti prijorità lit-tisħiħ tal-governanza u tal-istat tad-dritt, inkluż ir-riformi tal-ġudikatura, tal-pulizija u tal-armata;

1.  Jiddeplora l-fatt li l-Gvern u s-CENI (il-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti) ma rnexxilhomx jorganizzaw l-elezzjoni presidenzjali fi żmien l-iskadenza kostituzzjonali; itenni l-appell tiegħu għall-organizzazzjoni b'suċċess u f'waqtha tal-elezzjonijiet, f'konformità sħiħa mal-Kostituzzjoni tal-Kongo u mal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, u jinsisti fuq ir-responsabbiltà tal-gvern Kongoliż li jiggarantixxi ambjent li jwassal għal elezzjonijiet trasparenti, kredibbli u inklużivi mill-aktar fis possibbli;

2.  Jieħu nota tal-ftehim iffirmat fit-18 ta' Ottubru 2016 bejn il-President Kabila u parti mill-oppożizzjoni; ifakkar li dan il-ftehim u d-djalogu politiku li wassal għalih naqqsu milli jinkludu l-partijiet kollha tal-oppożizzjoni u milli jibnu kunsens dwar it-tranżizzjoni politika; jistieden lill-atturi kollha biex jipparteċipaw b'mod kostruttiv għal soluzzjoni kunsenswali li tiggarantixxi li jsiru elezzjonijiet kredibbli, paċifiċi u trasparenti mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn April 2018; ifakkar li l-mandat tal-President Kabila jintemm fl-20 ta' Diċembru u li l-mandat presidenzjali huwa limitat mill-kostituzzjoni għal żewġ termini;

3.  Iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha jinvolvu ruħhom fi djalogu paċifiku u kostruttiv, jipprevjenu kull deterjorament tal-kriżi politika attwali u joqogħdu lura minn aktar vjolenza u provokazzjonijiet; jilqa' l-isforzi li saru mill-Konferenza Episkopali Kattolika Nazzjonali (CENCO) bl-għan li jilħqu kunsens wiesa' dwar it-tranżizzjoni politika, jistieden kemm lill-awtoritajiet u kemm lill-oppożizzjoni biex iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni jew dikjarazzjoni li tista' tiggrava aktar it-taqlib;

4.  Jesprimi tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar tad-drittijiet tal-bniedem u dwar l-intensifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-ispazju politiku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u b'mod partikolari l-istrumentalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja u l-vjolenza u l-intimidazzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi u l-ġurnalisti; jappella għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha; jitlob lill-awtoritajiet ineħħu minnufih ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-midja;

5.  Jikkundana bil-qawwa l-vjolenza li seħħet fil-pajjiż fid-19 u l-20 ta' Settembru 2016, u jinsisti fuq id-dmir tal-gvern li jirrispetta, jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tiegħu; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda hija l-bażi ta' ħajja politika u demokratika dinamika, u li għandu jkun pprojbit kwalunkwe użu ta' forza kontra dimostrazzjonijiet paċifiċi;

6.  Jitlob li ssir investigazzjoni sħiħa, bir-reqqa u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet tal-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew waqt il-protesti sabiex dawk responsabbli jiġu identifikati u jkollhom jagħtu rendikont ta' għemilhom;

7.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti tal-politika kollha, inklużi r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE tal-2011 u fir-rapport dwar il-missjoni ta' segwitu tal-2014, u biex jagħmlu pressjoni politika fl-ogħla livell, sabiex tiġi evitata l-firxa ta' vjolenza elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar;

8.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex timponi sanzjonijiet immirati kontra dawk responsabbli għar-ripressjoni vjolenti u għad-destabbilizzazzjoni tal-proċess demokratiku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, inkluż projbizzjoni tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi, b'segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2016; jissottolinja li l-UE jeħtiġilha tuża sanzjonijiet bħala lieva biex twettaq kuntatti politiċi, fl-ogħla livell possibbli u inkluż fil-qafas tad-djalogu politiku skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, meta titlob għal garanziji ċari mill-President u mill-gvern il-ġdid dwar l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari u għar-rispett tal-Kostituzzjoni Kongoliża;

9.  Jitlob lid-delegazzjoni tal-UE tibqa' ssegwi mill-qrib l-iżviluppi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tuża l-għodod u l-istrumenti kollha xierqa biex tappoġġa d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-movimenti favur id-demokrazija; jistieden lill-VP/RGħ tikkunsidra li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' medjazzjoni tad-Delegazzjoni tal-UE biex tikkoopera mal-Unjoni Afrikana sabiex jinħoloq djalogu politiku inklużiv u jiġi evitat id-deterjorament tal-kriżi politika u t-tixrid ulterjuri tal-vjolenza;

10.  Itenni l-appoġġ tiegħu lill-Unjoni Afrikana bħala faċilitatur tad-djalogu politiku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jirrileva r-rwol kruċjali tagħha fil-prevenzjoni ta' kriżi politika fl-Afrika Ċentrali, u jappella għall-intensifikazzjoni tal-impenn tagħha favur ir-rispett sħiħ tal-Kostituzzjoni Kongoliża; jitlob li jkun hemm djalogu permanenti bejn il-pajjiżi tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar sabiex tiġi evitata kull destabilizzazzjoni ulterjuri; jilqa', f'dan ir-rigward, l-organizzazzjoni tal-Konferenza Internazzjonali tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar biex tivvaluta s-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, li saret f'Luanda f'Ottubru 2016;

11.  Ifakkar li l-paċi u s-sigurtà huma prekundizzjonijiet għal elezzjoni li tirnexxi u għal ambjent politiku stabbli; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tiġdid tal-mandat tal-MONUSCO u t-tisħiħ tal-kompetenzi tagħha biex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili u tħares id-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest elettorali;

12.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar s-sitwazzjoni umanitarja allarmanti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-poplu tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo bil-ħsieb li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli u jindirizzaw il-konsegwenzi ta' spostament, nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, epidemiji u diżastri naturali;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0085.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0290.

Avviż legali - Politika tal-privatezza