Proċedura : 2016/3001(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1320/2016

Testi mressqa :

B8-1320/2016

Dibattiti :

PV 01/12/2016 - 3
CRE 01/12/2016 - 3

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.24
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0479

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 419kWORD 51k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1310/2016
28.11.2016
PE593.757v01-00
 
B8-1320/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2016/3001(RSP))


Hilde Vautmans, Ivan Jakovčić f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2016/3001(RSP))  
B8-1320/2016

 

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Lulju 2015, tas-17 ta' Diċembru 2015, tal-10 ta' Marzu 2016 u tat-23 ta' Ġunju 2016 kif ukoll id-dibattiti mingħajr riżoluzzjoni tal-10 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fir-RDK fejn il-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE ħeġġew għall-kalma sabiex il-kriżi tissolva permezz tad-djalogu u filwaqt li titħares il-kostituzzjoni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u tal-kelliem tagħha dwar is-sitwazzjoni fir-RDK, b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Novembru 2016 dwar l-isforzi li għaddejjin fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2198 (2015) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-mandat tal-grupp ta' esperti,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2277 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li enfasizzat l-importanza li jintlaħaq kunsens bejn l-atturi politiċi kollha, is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet reliġjużi u tal-prinċipji stipulati fil-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Settembru 2016 mill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fejn ħeġġew għall-kalma sabiex l-kriżi tissolva permezz tad-djalogu u b'rispett tal-Kostituzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou rivedut,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo tat-18 ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-partit fil-gvern u l-President tar-Repubblika għandhom ir-responsabbiltà primarja għall-kunflitti rikorrenti u għall-vjolenza persistenti, minħabba x-xewqa tagħhom li jibqgħu fil-poter lil hinn mid-19 ta' Diċembru 2016, fi ksur tal-ittra u l-ispirtu tal-Kostituzzjoni;

B.  billi f'Settembru 2015 il-President Kabila ħabbar it-tnedija ta' djalogu nazzjonali li l-avversarji tiegħu fl-oppożizzjoni kkwalifikawh bħala manuvra amministrattiva u teknika biex jittardja l-elezzjonijiet;

C.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari, li kellhom isiru f'Novembru 2016, ġew posposti għal April 2018 bil-ftehim tat-18 ta' Ottubru 2016 konkluż bid-"djalogu politiku nazzjonali inklużiv" bejn il-maġġoranza presidenzjali u sezzjoni tal-oppożizzjoni politika u tas-soċjetà ċivili bil-medjazzjoni tas-Sur Edem Kodjo;

D.  billi dan id-djalogu inklużiv kien ibbojkottjat minn parti kbira tal-oppożizzjoni – l-Unjoni għad-Demokrazija u l-Progress Soċjali (UDPS), il-G7, l-Oppożizzjoni Dinamika u l-Moviment għal-Liberazzjoni tal-Kongo (MLK), miġbura fi ħdan il-koalizzjoni "Rassemblement"; billi din is-sitwazzjoni kkawżat żieda ta' tensjonijiet politiċi, disturbi u vjolenza fil-pajjiż kollu;

E.  billi l-ħidma tad-"djalogu" kellha tiġi sospiża temporanjament minħabba dimostrazzjonijiet awtorizzati li ġew organizzati fid-19 u l-20 ta' Settembru 2016 mill-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili biex jitolbu li l-elezzjoni presidenzjali ssir sal-iskadenza kostituzzjonali; billi dawn id-dimostrazzjonijiet tad-19 u l-20 ta' Settembru 2016 intlaqgħu b'repressjoni vjolenta mill-forzi tal-ordni, li ħallew 37 persuna mejta, skont iċ-ċifri uffiċjali, u aktar minn 100 persuba mejta skont l-oppożizzjoni;

F.  billi l-ftehim tat-18 ta' Ottubru 2016 ma pproduċiex l-istabbiltà mixtieqa, minħabba n-nuqqas ta' inklużività tiegħu, it-tul tal-perjodu ta' tranżizzjoni u l-inċertezza marbuta mal-ħarsien tal-Kostituzzjoni u tal-liġi elettorali;

G.  billi l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) għandha tieħu l-passi neċessarji sabiex terġa' tikseb il-kredibbiltà tagħha;

H.  billi, skont l-informazzjoni disponibbli, kien hemm żieda f'daqqa ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali min-naħa tal-membri tal-forzi armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (FARDC), tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Intelligence, tal-Gwardja Repubblikana u tal-Pulizija Nazzjonali Kongoliża, b'mod partikolari kontra membri tal-oppożizzjoni u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-qafas tal-proċess elettorali, u dan wassal għat-tnaqqir tal-ambjent demokratiku u tal-ispettru politiku tal-pajjiż;

I.  billi ż-żieda kontinwa ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tal-avversarji ġabu magħhom ukoll attakk fuq il-libertà tal-istampa, kif evidenzjat bil-qtil tal-ġurnalist tar-Radio-Télévision nationale congolaise (RTNC) u t-tifi tas-sinjali ta' stazzjonijiet tar-radju bħal Radio France internationale (RFI), Voice of America, il-BBC, l-istazzjoni Belġjan frankofonu RTBF u l-istazzjoni tan-NU Radju Okapi;

J.  billi wara din ir-restrizzjoni inaċċettabbli tal-libertà tal-espressjoni, fil-5 ta' Novembru 2016, il-ministru tal-komunikazzjoni ffirma digriet li jemenda r-regoli tax-xandir li japplikaw għall-midja barranija fir-RDK, u li de facto qiegħed dawn il-mezzi taħt il-kontroll dirett tal-Istat;

K.  billi r-RDK hija kklassifikata fil-152 post minn 180 pajjiż skont l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa 2016 imfassal mir-Reporters Mingħajr Fruntieri;

L.  billi l-livell dejjem ogħla ta' vjolenza u ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-azzjonijiet immirati u l-arresti arbitrarji, qed idgħajfu l-isforzi kollha favur soluzzjoni u stabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

M.  billi Fréderic Boyenga Bofala, mexxej ta' partit tal-oppożizzjoni, li kien daħal f'kuntatt ma' diversi membri tal-maġġoranza presidenzjali u mal-oppożizzjoni bl-għan li jenfasizza l-ħtieġa ta' djalogu aktar inklużiv, ittieħed mill-forzi tas-sigurtà flimkien mal-gwardja persunali tiegħu fis-17 ta' Novembru 2016, u billi ż-żewġt irġiel ilhom neqsin minn dak iż-żmien;

N.  billi d-diskors dwar l-istat tan-nazzjon tal-President Kabila tal-15 ta' Novembru 2016 ma kienx konvinċenti, u saħansitra ma rnexxilux jattira lill-membri tar-"Rassemblement", minkejja li huma dawk l-aktar lesti li jinvolvu ruħhom fi djalogu ġenwinament inklużiv u favur li tinstab soluzzjoni politika li tipprevedi tranżizzjoni b'garanziji serji ta' ħarsien tal-kostituzzjoni;

O.  billi l-offerta tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali tal-Kongo (CENCO) biex tgħin ħalli jinstab kunsens wiesa' - li huwa indispensabbli - abbażi tal-ftehim tat-18 ta' Ottubru 2016, ma ġietx promossa fid-diskors tal-President Kabila;

P.  billi l-ħatra ta' Prim Ministru ġdid fis-17 ta' Novembru 2016 u l-istabbiliment ta' gvern ġdid fir-RDK seħħew f'mument kritiku, ftit ġimgħat qabel l-iskadenza kostituzzjonali tad-19 ta' Diċembru 2016;

Q.  billi l-għada tad-19 ta' Diċembru, il-Gvern se jkollu, abbażi ta' struttura temporanja u inklużiva, jieħdu l-miżuri neċessarji biex jorganizza elezzjonijiet kredibbli, trasparenti u paċifiċi, u jiżgura l-ġestjoni tal-kwistjonijiet kurrenti u urġenti;

1.  Ifakkar lill-awtoritajiet u, l-ewwel u qabel kollox, lill-President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, li huma għandhom id-dover li jipproteġu liċ-ċittadini madwar il-pajjiż kollu, u b'mod partikolari li jipproteġuhom kontra kwalunkwe abbuż u reat, u li jaqdu l-funzjonijiet governattivi tagħhom b'konformità stretta mal-istat tad-dritt;

2.  Itenni l-impenn u d-determinazzjoni tiegħu li jiddenunzja l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li jiddefendi d-drittijiet u l-libertajiet, inklużi l-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda kif ukoll il-libertà tal-istampa, taċ-ċittadini kollha tar-RDK; Jikkundanna bil-qawwa l-abbużi u r-repressjoni vjolenta li seħħew waqt id-dimostrazzjonijiet paċifiċi u awtorizzati tad-19 ta' Settembru 2016 u l-jum ta' wara;

3.  Jeżiġi li l-priġunieri minħabba twemmin kollha jinħelsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet u li l-akkużi kontrihom jaqgħu; jitlob investigazzjoni bir-reqqa, trasparenti u indipendenti dwar ir-reati u l-abbużi kollha mwettqa fil-pajjiż u jeżiġi li dawk responsabbli għal dawn ir-reati, irrispettivament mill-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati sabiex iwieġbu għal għemilhom;

4.  Jikkundanna l-miżuri meħuda kontra l-midja barranija u jitlob li dawn il-miżuri jitneħħew mingħajr dewmien; jitlob li jintemmu l-forom kollha ta' intimidazzjoni u fastidju kontra l-ġurnalisti kemm tar-RDK kif ukoll dawk barranin;

5.  Jistieden lill-partiti politiċi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jadottaw approċċ prudenti sabiex jevitaw li jitfgħu lill-pajjiż fi kriżi politika iktar serja, b'riperkussjonijiet umanitarji li jistgħu jaggravaw l-instabbiltà fir-reġjun kollu;

6.  jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi ta' medjazzjoni tal-CENCO bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim verament inklużiv, li jkollu warajh l-approvazzjoni tal-popolazzjoni kollha;

7.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni 2217 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li tenfasizza l-importanza li jinstab kunsens fost l-atturi politiċi kollha, is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet reliġjużi; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, b'mod partikolari lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, biex taġixxi b'konformità ma' din ir-riżoluzzjoni sabiex tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent politiku paċifiku, li huwa indispensabbli biex ikun hemm kooperazzjoni kostruttiva bejn il-gvern u l-oppożizzjoni tal-Kongo, bl-għan li tintemm il-kriżi;

8.  Jinkuraġġixxi lill-president jieħu miżuri biex itaffi t-tensjonijiet u jaċċetta li jidħol fi djalogu politiku skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kunsill AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU kif ukoll lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Avviż legali - Politika tal-privatezza