Proċedura : 2016/3001(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1324/2016

Testi mressqa :

B8-1324/2016

Dibattiti :

PV 01/12/2016 - 3
CRE 01/12/2016 - 3

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.24
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0479

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 423kWORD 50k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1310/2016
28.11.2016
PE593.761v01-00
 
B8-1324/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2016/3001(RSP))


Maria Arena, Elena Valenciano, Cécile Kashetu Kyenge, Norbert Neuser, Victor Boştinaru, Linda McAvan, Julie Ward, Doru-Claudian Frunzulică f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2016/3001(RSP))  
B8-1324/2016

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tal-10 ta' Marzu 2016 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo(1) u tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari l-każ ta' Yves Makwambala u Fred Bauma, żewġ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem detenuti(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni, Federica Mogherini u l-Kelliem tagħha dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari dawk tat-23 ta' Novembru 2016 u l-24 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tas-17 ta' Ottubru 2016 u t-23 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja, li ġie adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-22 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet ta' Nairobi ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-RDK, b'mod partikolari dik tat-23 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, li ġie ppubblikat fis-27 ta' Lulju 2015, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet tal-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet mogħtija mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou, iffirmat fit-23 ta' Ġunju 2000 u rivedut fil-25 ta' Ġunju 2005 u t-22 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, adottata fit-18 ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Joseph Kabila ilu l-President tar-RDK mill-2001; billi l-mandat tal-President Kabila huwa skedat li jintemm fl-20 ta' Diċembru 2016; billi l-mandat tal-President tar-RDK huwa limitat, skont il-Kostituzzjoni Kongoliża, għal żewġ mandati biss;

B.  billi deċiżjoni tas-17 ta' Ottubru 2016 li kkonkludiet id-djalogu politiku mhux inklużiv ipposponiet id-data tal-elezzjonijiet għal April 2018;

C.  billi l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) stabbiliet baġit eċċessiv ta' USD 1.8 biljun u jidher li tixtieq li żżomm l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet għal tmiem l-2018;

D.  billi din is-sitwazzjoni wasslet biex l-oppożizzjoni politika fir-RDK takkuża lill-President Kabila u l-gvern tiegħu li pprovaw jużaw mezzi amministrattivi u tekniċi sabiex idewmu l-elezzjonijiet u jibqgħu fil-poter wara tmiem il-mandat kostituzzjonali tagħhom;

E.  billi l-ewwel tentattiv biex tiġi emendata l-Kostituzzjoni tar-RDK bil-għan li l-President Kabila jkun jista' jikkontesta għat-tielet mandat ġie abbandunat fl-2015 minħabba oppożizzjoni u mobilizzazzjoni qawwija min-naħa tas-soċjetà ċivili; billi tentattivi bħal dawn ikkawżaw tensjoni politika, inkwiet u vjolenza li kulma jmur qegħdin jiżdiedu fil-pajjiż kollu, li issa jidher li laħaq impass elettorali;

F.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li jmiss huma ta' importanza kruċjali, u t-twettiq tagħhom b'mod paċifiku, trasparenti, mingħajr xkiel u f'waqtu jikkontribwixxi bil-kbir għall-konsolidazzjoni tal-progress li sar fir-RDK fuq medda ta' aktar minn għaxar snin; billi bosta membri tal-oppożizzjoni esprimew ruħhom favur perjodu ta' tranżizzjoni li potenzjalment jinvolvi lill-President Kabila dment li jiġu rispettati l-garanziji li mhux se jkun hemm tentattiv biex tinbidel il-kostituzzjoni jew li jiġi organizzat referendum popolari, kif ukoll l-garanzija kostituzzjonali li l-President Kabila ma jerġax jipprova jikkontesta għat-tielet mandat;

G.  billi, f'Ġunju 2014, l-UE bagħtet missjoni elettorali ta' segwitu fir-RDK, li osservat li hemm bżonn ta' lista tal-votanti aġġornata, kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta bejn il-kandidati, protezzjoni msaħħa tal-libertajiet pubbliċi, sistema ġusta għat-tilwim elettorali u ġlieda kontra l-impunità;

H.  billi f'dawn l-aħħar ftit xhur il-gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem irrapportaw ripetutament dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni u d-dimostrazzjoni fil-pajjiż fix-xhur qabel l-elezzjonijiet, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi, ġurnalisti, mexxejja politiċi u oħrajn li opponew ruħhom għat-tentattivi biex il-President Kabila jitħalla jibqa' fil-poter wara l-limitu ta' żewġ termini mogħtija b'mandat lilu mill-kostituzzjoni;

I.  billi, b'mod partikolari, huwa rappurtat li 'l fuq minn 50 persuna nqatlu waqt id-dimostrazzjonijiet tad-19 u l-20 ta' Settembru 2016 f'Kinshasa, u bosta oħrajn għebu, billi xi membri tal-movimenti LUCHA u Filimbi għadhom qed jinżammu detenuti illegalment u billi xi stabbilimenti tal-istampa u x-xandir bħar-RFI u Radio Okapi ngħalqu jew ġew imblukkati;

1.  Jiddeplora t-telf ta' ħajjiet waqt id-dimostrazzjonijiet matul dawn l-aħħar ġimgħat, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u l-poplu tar-RDK;

2.  Jinsab profondament imħasseb minħabba s-sitwazzjoni dejjem aktar instabbli fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, f'kuntest preelettorali ta' tensjoni;

3.  Ifakkar fl-impenn li ħadet ir-RDK taħt il-Ftehim ta' Cotonou biex tirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà tal-espressjoni u tal-mezzi ta' komunikazzjoni, il-governanza t-tajba u t-trasparenza fil-karigi politiċi; jinnota li d-djalogu mixtieq mal-awtoritajiet tar-RDK taħt l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, bil-għan li jinkisbu kjarifiki definitivi dwar il-proċess elettorali, qed ifalli.

4.  Iħeġġeġ lill-UE biex minnufih tagħti bidu għall-proċedura skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou u tadotta sanzjonijiet immirati, inklużi l-projbizzjoni tal-viża u l-iffriżar tal-assi, kontra l-uffiċjali għoljin u l-aġenti tal-forzi armati responsabbli għar-repressjoni vjolenti tad-dimostrazzjonijiet u l-impass politiku li mhux qed jippermetti li ssir tranżizzjoni paċifika u kostituzzjonali tal-poter, b'mod partikolari Kalev Mutond, il-Ġeneral Ilunga Kampete, Evariste Boshab, il-Ġeneral Gabriel Amisi Kumba, u l-Ġeneral Célestin Kanyama;

5.  Huwa konvint li l-organizzazzjoni f'waqtha u b'suċċess tal-elezzjonijiet qabel l-2018 se tkun kruċjali għall-istabbiltà fit-tul u l-iżvilupp tal-pajjiż u tar-reġjun kollu; jafferma li l-elezzjonijiet għandhom isiru f'konformità sħiħa mat-test u l-ispirtu tal-Kostituzzjoni Kongoliża tal-2006, notevolment l-Artikoli 73 u 220 tagħha, u f'konformità mal-prinċipji tal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, li r-RDK hija mħeġġa tirratifika mingħajr dewmien; huwa tal-fehma li l-awtoritajiet tar-RDK għandhom responsabbiltà ċara f'dan ir-rigward, kif ukoll dmir li jiggarantixxu ambjent li jwassal għal elezzjonijiet trasparenti, kredibbli u inklużivi;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo sabiex jagħmel aktar progress fid-demokratizzazzjoni tal-pajjiż u, għal dan il-għan, jibni b'mod attiv fuq ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE fl-2011 u r-rapport dwar il-missjoni ta' segwitu li saret fl-2014;

7.  Jibqa' mħasseb profondament dwar ir-rwol effikaċi tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI), li fuqha tiddependi l-leġittimità tal-proċess elettorali fil-biċċa l-kbira tagħha. Ifakkar li l-kummissjoni elettorali għandha tkun istituzzjoni imparzjali u inklużiva b'riżorsi suffiċjenti li tippermetti li jkun hemm proċess komprensiv u trasparenti;

8.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem li qiegħda tiddeterjora fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u, b'mod partikolari, dwar ir-rapporti kontinwi tal-vjolenza politika dejjem tiżdied; jinsisti fuq ir-responsabbiltà tal-gvern li jevita kull approfondiment tal-kriżi politika attwali jew eskalazzjoni tal-vjolenza u li jirrispetta u jipproteġi d-drittijiet politiċi taċ-ċittadini tiegħu, b'mod partikolari d-drittijiet tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda, billi dawn huma l-bażi għal ħajja politika u demokratika dinamika;

9.  jikkundanna bil-qawwa kollha kwalunkwe użu ta' forza u r-restrizzjonijiet u l-intimidazzjonijiet severi li jħabbtu wiċċhom magħhom b'mod partikolari d-dimostranti paċifiċi, il-membri tal-oppożizzjoni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti qabel iċ-ċiklu elettorali li jmiss; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0085.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0278.

Avviż legali - Politika tal-privatezza