MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ftehimiet dwar l-avjazzjoni internazzjonali
7.12.2016 - (2016/2961(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Michael Cramer f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
B8-1337/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ftehimiet dwar l-avjazzjoni internazzjonali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Marzu 2016 li jawtorizzaw lill-Kummissjoni tibda negozjati dwar ftehimiet ta' sikurezza tal-avjazzjoni mal-Ġappun u ċ-Ċina,
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2016 li jawtorizzaw lill-Kummissjoni tibda negozjati dwar il-ftehimiet ta' servizzi bl-ajru fil-livell tal-UE mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), it-Turkija, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta' Settembru 2012 bit-titolu "Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur" (COM(2012)0556),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa" (COM(2015)0598),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar l-avjazzjoni[1],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea[2] ("il-Ftehim Qafas") u b'mod partikolari l-punti 23 sa 29, l-Anness 2 u l-Anness 3 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari s-sentenzi tal-24 ta' Ġunju 2014 fil-każ tal-Mauritius (C-658/11) u tal-14 ta' Ġunju 2016 fil-każ tat-Tanzanija (C-263/14),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-12 ta' Marzu 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasmissjoni lil u t-trattament mill-Parlament Ewropew ta' informazzjoni klassifikata miżmuma mill-Kunsill dwar kwistjonijiet apparti dawk fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni[3],
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2013 rigward ir-regoli li jindirizzaw it-trattament ta' informazzjoni kunfidenzjali mill-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-arranġamenti prattiċi għall-għoti ta' informazzjoni dwar negozjati dwar l-avjazzjoni internazzjonali, inkluż l-aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali, kif maqbul bejn il-President tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kummissarju għat-Trasport fil-forma ta' skambju ta' ittri fid-19 ta' Jannar 2016 u fit-18 ta' Marzu 2016,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 218 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-ftehimiet dwar l-avjazzjoni internazzjonali (O-000128/2016 – B8-1807/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kummissjoni pproponiet Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa biex tiftaħ negozjati dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili mal-Ġappun u ċ-Ċina, u ta' servizzi bl-ajru fil-livell tal-UE maċ-Ċina, it-Turkija, il-Messiku, sitt membri tal-istati tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, l-Armenja u l-ASEAN;
B. billi l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati għal ftehimiet dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni mal-Ġappun u maċ-Ċina u ta' ftehimiet ta' servizzi bl-ajru fil-livell tal-UE mal-ASEAN, it-Turkija, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda;
C. billi l-approvazzjoni tal-Parlament hi meħtieġa għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali li jkopru l-oqsma li tapplika għalihom il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;
D. billi, meta l-Kummissjoni tkun qed tinnegozja ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Parlament għandu "jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura"[4];
E. billi l-Ftehim Qafas għandu jiżgura li s-setgħat u l-prerogattivi tal-istituzzjonijiet jiġu eżerċitati b'mod kemm jista' jkun effikaċi u trasparenti;
F. billi f'dak il-Ftehim Qafas il-Kummissjoni ntrabtet li tirrispetta l-prinċipju ta' trattament ugwali tal-Parlament u tal-Kunsill rigward kwistjonijiet leġiżlattivi u baġitarji, speċjalment rigward l-aċċess għal laqgħat u t-trażmissjoni ta' kontribuzzjonijiet jew informazzjoni oħra;
1. Jisħaq fuq il-fatt li, sabiex il-Parlament ikun jista' jieħu deċiżjoni dwar jekk jagħtix l-approvazzjoni tiegħu jew le fl-aħħar tan-negozjati, hemm bżonn li hu jsegwi l-proċess mill-bidu; jikkunsidra li hu wkoll fl-interess tal-istituzzjonijiet l-oħra li kwalunkwe tħassib ta' ċerta importanza li jqajjem dubji dwar ir-rieda tal-Parlament li jagħti l-approvazzjoni tiegħu jeħtieġ jiġi identifikat u indirizzat fi stadju bikri;
2. Ifakkar li l-Ftehim Qafas rivedut jiddikjara, b'mod partikolari, li l-Parlament mill-bidu għandu jirċievi, b'mod regolari u, fejn meħtieġ, fuq bażi kunfidenzjali, id-dettalji sħaħ dwar il-proċedura li tkun għaddejja fl-istadji kollha tan-negozjati;
3. Jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi lill-kumitat kompetenti tal-Parlament informazzjoni dwar l-intenzjoni tagħha li tipproponi negozjati bil-ħsieb li jiġu konklużi u emendati ftehimiet internazzjonali dwar l-ajru; jistenna li l-Kummissjoni tilħaq ftehimiet mal-Kunsill u mas-sħab fin-negozjati sabiex il-Membri tal-Parlament Ewropew jingħataw aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha, inklużi d-direttivi ta' negozjati u t-testi kkonsolidati, b'mod parallel u fuq bażi ugwali mal-Kunsill;
4. Jinnota li, skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim Qafas, l-informazzjoni msemmija hawn fuq trid tiġi trażmessa lill-Parlament, b'mod li, fejn ikun meħtieġ, hu jkun jista' jesprimi l-pożizzjoni tiegħu; jitlob espressament lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament dwar kif ġew ikkunsidrati l-opinjonijiet tal-Parlament;
5. Ifakkar li, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom l-obbligu li jinfurmaw lill-Parlament immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura;
6. Jirrikonoxxi li meta l-Parlament jirċievi informazzjoni sensittiva dwar negozjati li jkunu għaddejjin, hu għandu l-obbligu li jiżgura li tinżamm il-kunfidenzjalità sħiħa;
7. Jinnota li r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jippermettu li l-Parlament "fuq il-bażi ta' rapport mill-kumitat responsabbli, [...] jadotta rakkomandazzjonijiet u jitlob li dawn jitqiesu qabel tiġi konkluża dik il-ftehima" (l-Artikolu 108(4));
8 Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2015)0394.
- [2] ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
- [3] ĠU C 95, 1.4.2014, p. 1.
- [4] L-Artikolu 218(10) tat-TFUE.