Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1338/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1338/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ftehimiet dwar l-avjazzjoni internazzjonali

7.12.2016 - (2016/2961(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-1807/2016
imressqa skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Daniela Aiuto, Rolandas Paksas, Rosa D’Amato, Peter Lundgren f'isem il-Grupp EFDD

Proċedura : 2016/2961(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1338/2016
Testi mressqa :
B8-1338/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-1338/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ftehimiet dwar l-avjazzjoni internazzjonali

(2016/2961(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Marzu 2016 li jawtorizzaw lill-Kummissjoni tibda negozjati dwar ftehimiet ta' sikurezza tal-avjazzjoni mal-Ġappun u ċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2016 li jawtorizzaw lill-Kummissjoni tibda negozjati dwar il-ftehimiet ta' servizzi bl-ajru fil-livell tal-UE mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), it-Turkija, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2015 bl-isem "Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa" (COM(2015)0598),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar l-avjazzjoni[1],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea[2] ("il-Ftehim Qafas") u b'mod partikolari l-punti 23 sa 29, l-Anness 2 u l-Anness 3 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari s-sentenzi tal-24 ta' Ġunju 2014 fil-każ tal-Mauritius (C-658/11) u tal-14 ta' Ġunju 2016 fil-każ tat-Tanzanija (C-263/14),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-12 ta' Marzu 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasmissjoni lil u t-trattament mill-Parlament Ewropew ta' informazzjoni klassifikata miżmuma mill-Kunsill dwar kwistjonijiet apparti dawk fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni[3],

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2013 rigward ir-regoli li jindirizzaw it-trattament ta' informazzjoni kunfidenzjali mill-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-arranġamenti prattiċi għall-għoti ta' informazzjoni dwar negozjati dwar l-avjazzjoni internazzjonali, inkluż l-aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali, kif maqbul bejn il-President tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kummissarju għat-Trasport fil-forma ta' skambju ta' ittri fid-19 ta' Jannar 2016 u fit-18 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 218 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-ftehimiet dwar l-avjazzjoni internazzjonali (000128 – B8-1807/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kummissjoni pproponiet Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa biex tiftaħ negozjati dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili mal-Ġappun u ċ-Ċina, u ta' servizzi bl-ajru fil-livell tal-UE maċ-Ċina, it-Turkija, il-Messiku, sitt membri tal-istati tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, l-Armenja u l-ASEAN;

B.  billi l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati għal ftehimiet dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni mal-Ġappun u maċ-Ċina u ta' ftehimiet ta' servizzi bl-ajru fil-livell tal-UE mal-ASEAN, it-Turkija, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda;

C.  billi l-approvazzjoni tal-Parlament issa hi meħtieġa għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali li jkopru l-oqsma li tapplika għalihom il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

D.  billi, meta l-Kummissjoni tkun qed tinnegozja ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Parlament għandu "jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura"[4],

E.  billi l-Ftehim Qafas għandu jiżgura li s-setgħat u l-prerogattivi tal-istituzzjonijiet jiġu eżerċitati b'mod kemm jista' jkun effikaċi u trasparenti;

F.  billi f'dak il-Ftehim Qafas il-Kummissjoni ntrabtet li tirrispetta l-prinċipju ta' trattament ugwali tal-Parlament u tal-Kunsill rigward kwistjonijiet leġiżlattivi u baġitarji, speċjalment rigward l-aċċess għal laqgħat u t-trażmissjoni ta' kontribuzzjonijiet jew informazzjoni oħra;

Ftehimiet dwar l-avjazzjoni

1.  Jikkunsidra li fil-livell tal-UE l-ftehimiet dwar is-servizzi bl-ajru mal-pajjiżi ġirien jew is-sħab globali sinifikattivi għandhom impatt sostanzjali fuq il-passiġġieri, l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija u l-linji tal-ajru, kemm permezz ta' aċċess għas-suq kif ukoll ta' konverġenza regolatorja għall-promozzjoni ta' kompetizzjoni ġusta, inkluż fir-rigward ta' sussidji statali u ta' standards soċjali u ambjentali;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni kif ukoll reċiproċità għal-linji tal-ajru u l-ajruporti Ewropej u biex tinkludi klawżola effikaċi ta' kompetizzjoni ġusta fil-ftehimiet dwar l-avjazzjoni; jinsisti li, bil-għan li dawn il-ftehimiet dwar l-avjazzjoni jsiru effikaċi fil-prattika, jeħtieġ li tiġi inkluża klawżola ta' salvagwardja li tiddefinixxi reat u l-konsegwenzi ġuridiċi f'każ li din il-klawżola tinkiser;

3.  Jinnota li l-istandards tas-sikurezza tat-titjiriet huma ta' importanza fundamentali għall-passiġġieri, l-ekwipaġġi u l-industrija tal-avjazzjoni inġenerali u għalhekk jappoġġja l-konklużjoni ta' ftehimiet dwar is-sikurezza tal-ajru mal-pajjiżi li għandhom industrija sinifikanti tal-manifattura tal-inġenji tal-ajru, meta jitqiesu l-ispejjeż iffrankati u l-istandards konsistentement għoljin li jistgħu jinkisbu jekk tiġi minimizzata d-duplikazzjoni tal-valutazzjonijiet, testijiet u kontrolli;

4.  Jinnota li l-Kunsill għad irid jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehimiet ta' servizzi bl-ajru fil-livell tal-UE mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Messiku, l-Armenja, il-Bahrain, il-Kuwajt, l-Oman, il-Qatar u l-Arabja Sawdija; iqis li dan in-nuqqas jagħmel ħsara lill-interessi tal-istati, partikolarment meta jitqies it-tkabbir rapidu ta' dawn l-ekonomiji;

5.  Jindika li, meta jkun qed jivvaluta l-ftehimiet dwar l-avjazzjoni li jiġu mressqa għall-approvazzjoni, il-Parlament se jagħmel ħiltu biex japplika sett ta' standards konsistenti; jinnota b'mod partikolari li, fit-twettiq ta' din il-valutazzjoni, il-Parlament għandu jiffoka fuq: kemm ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet għal investiment se jkunu flessibbli b'mod bilanċjat; kemm jingħataw inċentivi biex l-istandards soċjali u ambjentali jinżammu u jissaħħu; kemm jiġu pprovduti salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza; kemm hu inkluż ir-rikonoxximent reċiproku tal-istandards ta' sikurezza u ta' sigurtà; u kemm hu żgurat livell għoli ta' drittijiet għall-passiġġieri;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza dejjem tikber tal-kontribut tas-settur tal-avjazzjoni għat-tisħin globali u jikkunsidra li l-ftehimiet għandhom jinkludu impenn għal ħidma flimkien, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-mezzi tal-ajru, flimkien mal-objettiv li tissaħħaħ il-kooperazzjoni teknika fl-oqsma tax-xjenza klimatika (emissjonijiet tas-CO2 u emissjonijiet oħra relevanti għall-klima fl-atmosfera), ir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-effiċjenza tal-fjuwils;

7.  Jinnota li fil-każ tal-ftehimiet dwar is-sikurezza, il-Parlament ser jivvaluta ftehimiet li jitressqu għall-approvazzjoni fuq il-kriterji li ġejjin: rikonoxximent reċiproku sħiħ tal-prattiki u l-proċeduri ta' ċertifikazzjoni; l-iskambju tad-data dwar is-sikurezza; ispezzjonijiet konġunti; aktar kooperazzjoni regolatorja; u konsultazzjonijiet ta' livell tekniku bl-għan li jiġu riżolti kwistjonijiet qabel ma jintuża l-mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni tat-tilwim;

Proċedura

8.  Jisħaq fuq il-fatt li, sabiex il-Parlament ikun jista' jieħu deċiżjoni dwar jekk jagħtix l-approvazzjoni tiegħu jew le fl-aħħar tan-negozjati, hemm bżonn li hu jsegwi l-proċess mill-bidu; jikkunsidra li hu wkoll fl-interess tal-istituzzjonijiet l-oħra li kwalunkwe tħassib ta' ċerta importanza li jqajjem dubji dwar ir-rieda tal-Parlament li jagħti l-approvazzjoni tiegħu jeħtieġ jiġi identifikat u indirizzat fi stadju bikri;

9.  Ifakkar li l-Ftehim Qafas rivedut jiddikjara, b'mod partikolari, li l-Parlament mill-bidu għandu jirċievi, b'mod regolari u, fejn meħtieġ, fuq bażi kunfidenzjali, id-dettalji sħaħ dwar il-proċedura li tkun għaddejja fl-istadji kollha tan-negozjati;

10.  Jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi lill-kumitat responsabbli tal-Parlament bl-informazzjoni dwar l-intenzjoni li tipproponi negozjati bil-ħsieb li jiġu konklużi u emendati ftehimiet internazzjonali dwar l-ajru, u bl-abbozzi tad-direttivi ta' negozjazzjoni, l-abbozzi tat-testi ta' negozjazzjoni u d-dokument li għandu jiġi inizjalat, flimkien mad-dokumenti u l-informazzjoni l-oħra rilevanti;

11.  Jinnota li, skont Artikolu 24 tal-Ftehim Qafas, l-informazzjoni msemmija hawn fuq għandha tiġi trażmessa lill-Parlament, b'mod li, fejn ikun meħtieġ, hu jkun jista' jesprimi l-pożizzjoni tiegħu; jitlob espressament lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament dwar kif ġew ikkunsidrati l-opinjonijiet tal-Parlament;

12.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom l-obbligu li jinfurmaw lill-Parlament immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura;

13.  Jirrikonoxxi li meta l-Parlament jirċievi informazzjoni sensittiva dwar negozjati li jkunu għaddejjin, hu għandu l-obbligu li jiżgura li tinżamm il-kunfidenzjalità;

14.  Jinnota li r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jippermettu li l-Parlament "jista', fuq il-bażi ta' rapport mill-kumitat responsabbli, [...] jadotta rakkomandazzjonijiet u jitlob li dawn jitqiesu qabel tiġi konkluża dik il-ftehima" (l-Artikolu 108(4));

°

° °

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.