Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1419/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1419/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-importazzjoni tal-prodotti tal-akkwakultura Ċiniża

3.1.2017

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Mireille D’Ornano

B8-1419/2016

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-importazzjoni ta' prodotti tal-akkwakultura Ċiniża

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 98/58/KE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi madwar 50 % tal-ħut ikkunsmat joriġina mill-akkwakultura u l-produzzjoni globali tiegħu fl-2013 kienet ta' 97 miljun tunnellata;

B.  billi fl-2012, ir-rata ta' awtosuffiċjenza tal-UE għall-prodotti tal-baħar kienet ta' 44,5 % u billi fl-2014, din kellha żbilanċ ta' EUR 16-il biljun f'dan is-settur; billi fl-2014 ukoll, il-valur tal-importazzjonijiet kien ta' EUR 21 biljun, jew 6 % ta' tkabbir annwali, u billi ċ-Ċina kienet tirrappreżenta 9 % tal-importazzjonijiet f'termini ta' volum u 7 % f'termini ta' valur;

C.  billi l-akkwakultura Ċiniża ma tikkorrispondix neċessarjament għall-istandards Ewropej u għar-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ("EFSA");

D.  billi l-kundizzjonijiet ta' trobbija inadegwati jaffettwaw il-kwalità tal-ħut minħabba l-iffullar u l-istress għall-annimali;

E.  billi l-akkwakultura Ċiniża tuża l-antibijotiċi, inkluż l-antibijotiku tal-aħħar għażla, il-kolistina, u billi ġew identifikati każijiet ta' reżistenza għall-antibijotiku kolistina;

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex, permezz tal-EFSA, tevalwa r-riskju għas-saħħa kkawżat mill-konsum tal-prodotti tal-akkwakultura Ċiniża.