Proċedura : 2016/3007(DEA)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0001/2017

Testi mressqa :

B8-0001/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2017 - 7.8

Testi adottati :

P8_TA(2017)0008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 413kWORD 51k
13.12.2016
PE596.710v01-00
 
B8-0001/2017

imressqa skont l-Artikolu 105(3) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2016 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi (C(2016)07495 – 2016/3007(DEA))


Roberto Gualtieri f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Claude Moraes, Judith Sargentini f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2016 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi (C(2016)07495 – 2016/3007(DEA))  
B8-0001/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (C(2016)07495),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 64(5) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi(2), u b'mod partikolari l-Anness tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra konġunta tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tad-19 ta' Settembru 2016 dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni C(2016)4180 kif ukoll ir-risposta rilevanti tal-Kummissarju Jourová tas-26 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra x-xogħol li twettaq u l-konklużjonijiet li ġew żviluppati miż-żewġ Kumitati Speċjali dwar id-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri Oħra ta' Natura jew Effett Simili (TAXE/TAX2) u l-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-Ħasil tal-Flus, l-Evitar tat-Taxxa u l-Evażjoni tat-Taxxa (PANA),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta tal-Kummissjoni 2016/0208 (COD), u b'mod partikolari l-paragrafu 3.8 ta' dik l-opinjoni dwar il-lista ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Regolament Delegat, l-Anness tiegħu u r-Regolament Delegat emendatorju huma maħsuba biex jidentifikaw pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi f'dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CTF) li jirrappreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-UE u li għalihom jinħtieġu miżuri msaħħa ta' diliġenza dovuta tal-klijenti f'entitajiet tal-UE li għandhom obbligi skont id-Direttiva (UE) 2015/849 (id-Direttiva 4AMLD);

B.  billi l-aħħar Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi ilu fis-seħħ mit-23 ta' Settembru 2016;

C.  billi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 sejjer jibqa' fis-seħħ anke jekk ir-Regolament Delegat emendatorju jiġi miċħud;

D.  billi l-lista ta' pajjiżi, inkluż wara l-emenda introdotta fir-Regolament Delegat emendatorju adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta' Novembru 2016, taqbel mal-pajjiżi identifikati mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) fit-28 Laqgħa Plenarja tagħha mid-19 sal-21 ta' Ottubru 2016;

E.  billi, kif hemm stipulat fil-Premessa 28 tad-Direttiva 4AMLD u ripetut fil-memorandum ta' spjegazzjoni tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija proċess awtonomu; billi l-Kummissjoni b'hekk hija libera li tmur lil hinn mill-istandards tal-FATF, jew billi żżomm pajjiż terz fil-lista tagħha anke jekk l-FATF tkun neħħietu minn dik tagħha, jew inkella billi tinkludi pajjiżi terzi addizzjonali dment li dan ikun bi qbil mal-kriterji speċifiċi stipulati fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 4AMLD;

F.  billi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija proċess awtonomu li jrid isir b'mod komprensiv u imparzjali, u jivvaluta l-pajjiżi terzi kollha abbażi tal-istess kriterji definiti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849;

G.  billi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni trid tkun proċess kompletament indipendenti u mhux politiċizzat;

H.  billi l-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tas-26 ta' Ottubru 2016, tistqarr li jeħtiġilha tidentifika pajjiżi b'riskju kbir esklussivament abbażi tar-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 4AMLD, b'relazzjoni biss ma' nuqqasijiet rigward AML u CTF;

I.  billi l-evidenza miġbura miż-żewġ Kumitati Speċjali dwar Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri Oħra ta' Natura jew Effett Simili (TAXE/TAX2) u l-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-Ħasil tal-Flus, l-Evitar tat-Taxxa u l-Evażjoni tat-Taxxa (PANA) tindika li tabilħaqq jista' jkun hemm nuqqasijiet AML/CTF rigward bosta aspetti tal-Artikolu 9(2) f'xi pajjiżi li mhumiex inklużi fil-lista kurrenti ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir;

J.  billi, barra minn hekk, il-Parlament jemmen li l-lista ta' kriterji tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 4AMLD mhijiex eżawrjenti ("b'mod partikolari") u li reati presupposti għall-ħasil ta' flus, bħal reati tat-taxxa, huma koperti b'dawn il-kriterji u għandhom jitqiesu debitament fil-proċess awtonomu tal-Kummissjoni;

K.  billi l-Parlament jaqbel mal-punt li l-Kummissjoni għamlet fl-ittra tagħha tas-26 ta' Ottubru 2016 li l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus tabilħaqq mhux dejjem jikkoinċidu, iżda b'mod fundamentali ma jaqbilx dwar il-possibbiltà ta' distinzjoni assoluta bejn ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa li mhumiex kooperattivi u nuqqasijiet rigward AML u CTF, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda rekwiżiti dwar ir-rappurtar ta' tranżazzjonijiet suspetti;

L.  billi l-Parlament Ewropew jistenna li l-Kummissjoni twettaq il-valutazzjoni proprja tagħha u tevita li sserraħ unikament fuq sorsi ta' informazzjoni esterni;

1.  Joġġezzjona għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u jinnotifikaha li r-Regolament Delegat ma jistax jidħol fis-seħħ;

3.  Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta att delegat ġdid li jikkunsidra l-kwistjonijiet esposti hawn fuq;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

(2)

ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza