MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-indirizzar tal-isfidi tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni
11.1.2017 - (2016/3024(RSP))
imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Vicky Ford f'isem il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
B8-0024/2016
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-indirizzar tal-isfidi tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU)[1], u l-att delegat relatat tiegħu (ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015[2]), l-att ta' implimentazzjoni (ir-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015[3]), l-att delegat tranżizzjonali (ir-Regolament Delegat (UE) Nru 2016/341 tas-17 ta' Diċembru 2015), u l-programm ta' ħidma (id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/578 tal-11 ta' April 2016[4]);
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet (COM(2013)0884);
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa (COM(2015)0192);
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003[5],
– wara li kkunsidra r-ratifika tal-UE tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ (TFA) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Doganali hija l-pedament tal-Unjoni Ewropea u wieħed mill-akbar blokki kummerċjali fid-dinja, u billi hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku għall-benefiċċju kemm tan-negozji tal-UE kif ukoll taċ-ċittadini tagħha;
B. billi s-Suq Uniku Diġitali għandu l-għan li joffri aċċess aħjar għall-konsumaturi u għan-negozji għall-prodotti u s-servizzi diġitali madwar l-Ewropa;
C. billi l-Unjoni Doganali għandha tkompli tiffaċilita dan l-aċċess sabiex timmassimizza l-opportunitajiet tal-kummerċ globali;
D. billi regoli u proċeduri doganali kumplessi huma partikolarment ta' ħsara għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);
E. billi s-sistemi doganali differenti, b'mod partikolari fir-rigward tad-dazji doganali u r-rilaxx mid-dwana, joħolqu frammentazzjoni, piżijiet amministrattivi addizzjonali u dewmien, li jikkawżaw inċertezza u inugwaljanza tas-suq, u li jistgħu jimminaw il-konformità tal-operaturi ekonomiċi mal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni;
F. billi d-dispożizzjonijiet sostantivi tal-KDU daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2016 u attwalment qegħdin taħt perjodu tranżizzjonali sal-31 ta' Diċembru 2020, id-data li fiha l-Istati Membri kollha jrid ikollhom l-infrastruttura tal-IT tagħhom lesta biex tappoġġa l-fluss elettroniku tad-data doganali;
G. billi l-Kummissjoni diġà pproponiet lill-Parlament Ewropew emendi għal-leġiżlazzjoni doganali tal-UE (pereżempju t-tibdil adottat reċentement fir-rigward ta' prodotti li temporanjament ikunu ħargu mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru), u billi eventwalment sejra tkompli tagħmel hekk fil-futur qrib;
H. billi, minħabba t-teknika tar-riformulazzjoni, il-KDU ma kienx soġġett għal analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, u billi l-att delegat relatat tiegħu (ir-Regolament Delegat (UE) Nru 2015/2446), l-att ta' implimentazzjoni (ir-Regolament ta' Implementazzjoni (UE) Nru 2015/2447), l-att delegat tranżizzjonali (ir-Regolament Delegat (UE) Nru 2016/341), u l-programm ta' ħidma (id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni Nru 2016/578) ma kinux soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt minn qabel;
I. billi kooperazzjoni doganali effikaċi bejn l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri, ma' pajjiżi terzi u fil-livell multilaterali għandha rwol vitali, sforz il-volumi sinifikanti ta' kummerċ u l-isfidi ġodda għall-Unjoni Doganali sa mill-ħolqien tagħha;
J. billi l-Kummissjoni proponiet ukoll direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet;
1. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu strateġija ċara, koerenti u ambizzjuża u skeda ta' żmien biex jiġi żgurat li kwalunkwe element li huwa meħtieġ għall-infurzar tas-sistemi doganali tal-UE huwa kopert minn proposti xierqa li huma allinjati ma' u tajbin għall-evoluzzjoni attwali tal-kummerċ globali u għall-implimentazzjoni tal-aġenda tal-politika kummerċjali tal-UE;
2. Jissuġġerixxi, b'mod partikolari, li jissaħħu l-isforzi biex jinħolqu aktar rekwiżiti elettroniċi doganali u programmi tal-valutazzjoni tar-riskju uniformi fil-livell tal-UE fiż-żmien mogħti permezz tal-KDU sabiex jiġi żgurat li d-dħul, it-tranżitu u l-ħruġ tal-prodotti huma rreġistrati fl-UE kemm jista' jkun b'mod effikaċi – mingħajr ma tiġi kompromessa s-sigurtà – permezz tal-interkonnessjoni tas-sistemi tal-Istati Membri biex jiffurmaw sistema elettronika koerenti bbażata fuq l-istess mudell ta' data u sistemi komuni ta' moviment; jemmen li l-Kummissjoni għandha tieħu approċċ proattiv f'dan ir-rigward, b'mod partikolari permezz ta' arranġament ta' kofinanzjament biex tiżgura l-iżvilupp ta' sistemi interoperabbli tal-IT u tiggarantixxi l-interoperabilità ma' sistemi oħra tal-IT fil-qasam tas-saħħa u taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali;
3. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib ma' operaturi ekonomiċi f'kull stadju tal-iżvilupp tal-implimentazzjoni tal-KDU, kif ukoll fil-proċess għall-emendar tal-atti delegati tal-KDU, u jappoġġa l-proċess regolari ta' konsultazzjoni mal-Grupp ta' Kuntatt dwar il-Kummerċ għal dan il-għan;
4. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-impenn tal-UE lejn it-TFA tad-WTO li għandu l-għan li jiffaċilita l-fluss tal-prodotti bejn il-fruntieri, inaqqas l-ispejjeż tal-kummerċ fil-fruntieri u jsaħħaħ il-kooperazzjoni effikaċi fost il-Membri dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-kwistjonijiet ta' konformità doganali;
5. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-impenn tagħha li toħloq Suq Uniku Diġitali ġenwin, li għandu jkollu bħala komponent ewlieni l-faċilitazzjoni tal-kummerċ mill-kummerċ elettroniku jenfasizza li kull operatur ekonomiku għandu jirrispetta standards dwar proċessi doganali sabiex jiġu evitati lakuni fi proċeduri doganali, u jirrikonoxxi li l-proċeduri doganali ssimplifikati m'għandhomx jittieħdu minn idejn operaturi ekonomiċi jekk dawn ikunu kompatibbli mas-sikurezza, is-sigurtà u r-regoli dwar il-proprjetà intellettwali, pereżempju fil-każ tal-operaturi ta' konsenja malajr bi spedizzjonijiet ta' valur baxx, li skont id-dispożizzjonijiet tal-KDU ser ikunu soġġetti għal proċessi doganali standard li jistgħu jikkostitwixxu burokrazija żejda u li jxekklu t-tkabbir fil-kummerċ elettroniku;
6. Jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-opportunità tal-abbozzar attwali tal-miżuri ta' implimentazzjoni biex tindirizza l-objettivi msemmija hawn fuq u biex tirrettifika b'mod rapidu kwalunkwe nuqqas ġuridiku, b'tali mod li timmassimizza l-opportunitajiet tal-Unjoni Doganali u verament tiffaċilita l-kummerċ globali;
7. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkjarifika li dejn doganali minħabba nonkonformità jista' wkoll jispiċċa f'każijiet fejn jista' jiġi stabbilit permezz ta' provi adegwati li m'hemm ebda attentat ta' qerq, eż. fil-każijiet tal-ħżin temporanju u tal-introduzzjoni ta' prodotti mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex sal-2017 tippreżenta rapport interim li jevalwa bir-reqqa l-politika doganali tal-UE (inkluż rieżami sħiħ tal-problemi, id-duplikazzjonijiet, il-lakuni, l-inkonsistenzi u l-miżuri obsoleti identifikati, l-ilmenti ppreżentati lill-awtoritajiet doganali u l-ksur tal-KDU kollha li kienu riżultat tal-iżbalji u tal-lakuni fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 u li ġew irrettifikati mill-1 ta' Mejju 2016), u sal-2021 kontroll tal-idoneità, inkluża valutazzjoni tal-impatt indipendenti, biex jiġi żgurat li l-qafas regolatorju tal-politika doganali tal-UE, inkluż il-KDU l-ġdid, huwa effikaċi, proporzjonat u adatt għall-iskop tiegħu kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-operaturi kummerċjali,
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u lill-Kunsill.