Proċedura : 2017/2510(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0120/2017

Testi mressqa :

B8-0120/2017

Dibattiti :

PV 01/02/2017 - 16
CRE 01/02/2017 - 16

Votazzjonijiet :

PV 02/02/2017 - 7.6
CRE 02/02/2017 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 416kWORD 46k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0120/2017
25.1.2017
PE598.431v01-00
 
B8-0120/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon (2017/2510(RSP))


Charles Tannock, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Karol Karski, Raffaele Fitto f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon (2017/2510(RSP))  
B8-0120/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari dawk tal-10 ta Marzu 2016(1), tat-23 ta' Ġunju 2016(2) u tal-1 ta' Diċembru 2016(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet lokali tal-UE tat-2 ta' Awwissu 2016 u tal-24 ta' Awwissu 2016 dwar il-proċess elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo wara t-tnedija tad-djalogu nazzjonali f'dak il-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tat-23 ta' Mejju u tas-17 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2293(2016) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet fuq ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti u r-riżoluzzjoni 2277(2016), li ġeddet il-mandat tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO),

–  wara li kkunsidra l-ftehim milħuq bejn Joseph Kabila u l-oppożizzjoni demokratika bil-medjazzjoni tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali (CENCO) fil-31 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra l-elezzjoni presidenzjali fil-Gabon tas-27 ta' Awwissu 2016, kif ukoll is-sejbiet tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-Gabon,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Gabon,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kandidati ewlenin fl-elezzjonijiet presidenzjali fil-Gabon kienu l-President fil-kariga Ali Bongo Ondimba tal-Partit Demokratiku tal-Gabon, iben il-President ta' qablu Omar Bongo, u Jean Ping, tal-Unjoni tal-Forzi għal Bidla;

B.  billi, wara tmiem l-elezzjoni fis-27 ta' Awwissu 2016, it-tħabbira tar-riżultati uffiċjali tal-elezzjoni mill-kummissjoni elettorali tal-Gabon ġiet imdewma minħabba allegati kwistjonijiet loġistiċi; billi, madankollu, fil-31 ta' Awwissu 2016 l-President fil-kariga ġie ddikjarat rebbieħ, b'49,8 % tal-voti għal Bongo u bi 48,2 % għal Ping, b'parteċipazzjoni ta' 59,5 % tal-elettorat;

C.  billi s-sitwazzjoni fil-Gabon wara l-elezzjoni presidenzjali tas-27 ta' Awwissu 2016 faqqgħet fi kriżi nazzjonali, bi protesti f'Libreville kontra l-elezzjoni mill-ġdid ta' Ali Bongo Ondimba li ddeġeneraw fi vjolenza u f'diżordni estrema, u billi f'dawn id-disturbi ntilfu ħafna ħajjiet, binjiet tal-gvern ingħataw in-nar, u saru allegazzjonijiet li s-sede tal-oppożizzjoni kienet ġiet attakkata bil-bombi;

D.  billi l-missjoni ta’ osservaturi tal-UE fil-Gabon ikkundannat il-vjolenza li seħħet wara li tħabbru r-riżultati tal-elezzjoni u rrimarkat dwar xi anomaliji fil-parteċipazzjoni tal-votanti f’tal-anqas żewġ distretti, minħabba li l-parteċipazzjoni kienet ogħla mil-livell naturali, u ħadet nota li postijiet tal-votazzjoni kienu ġew ġestiti b’mod nieqes mit-trasparenza, u li l-osservaturi tal-UE kellhom biss aċċess limitat biex jissorveljaw il-proċedura tal-votazzjoni, bi ksur tal-ftehim mal-Gvern tal-Gabon;

E.  billi l-Qorti Kostituzzjonali tal-Gabon ma rnexxilhiex issewwi b'mod sodisfaċenti l-anomaliji osservati matul l-għadd tal-voti, u lanqas ma setgħet tissodisfa t-talbiet tal-oppożizzjoni biex il-voti jerġgħu jingħaddu;

F.  billi huwa allegat li diversi delitti vjolenti twettqu sew mill-partit fil-Gvern tal-Gabon u sew mill-oppożizzjoni politika taħt Jean Ping, fost l-oħrajn atti ta' qerda ta' binjiet, sakkeġġi, qtil u tortura, u l-inċitament ta' atti bħal dawn bl-għan espliċitu li joħolqu atmosfera ta' biża' u terrur fost il-popolazzjoni ċivili;

G.  billi, minkejja l-wegħdiet magħmula minn Ali Bongo Ondimba li l-gvern il-ġdid tiegħu li nħatar fit-2 ta' Ottubru 2016 kellu jkun inklussiv u rappreżentattiv, membri tal-oppożizzjoni kienu fil-biċċa l-kbira assenti mill-gvern il-ġdid, b'rappreżentanza biss ta' xi kandidati minn partiti terzi, filwaqt li membri tal-partit ta' Jean Ping kienu għalkollox assenti mill-karigi governattivi;

H.  billi Joseph Kabila ilu President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo mill-2001; billi l-mandat tal-President Kabila kellu jintemm fl-20 ta' Diċembru 2016, u billi t-tul tal-presidenza tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo huwa kostituzzjonalment limitat għal żewġ mandati u billi l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li jmiss kienu oriġinarjament skedati li jsiru sal-aħħar tal-2016;

I.  billi, matul dawn l-aħħar sentejn, il-President Kabila kien qiegħed juża mezzi amministrattivi u tekniċi biex jipprova jdewwem l-elezzjoni u jibqa' fil-poter lil hinn mit-tmiem tal-mandat kostituzzjonali tiegħu;

J.  billi l-UE imponiet sanzjonijiet fuq seba' membri tal-forzi Kongoliżi f'Diċembru 2016 għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet fuq il-Maġġur Ġeneral Gabriel Amisi Kumba u John Numbi, żewġ membri taċ-ċirku intern ta' Kabila li jingħad li kienu fost dawk li ħeġġew lill-President biex ikun intransiġenti mad-dimostranti, u li kienu involuti f'azzjonijiet li jimminaw id-demokrazija fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

K.  billi f'Diċembru aktar minn 80 ruħ inqatlu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo waqt li kienu qed jipprotestaw kontra l-fatt li Kabila kien baqa' ggranfat mal-poter mingħajr elezzjoni;

L.  billi, fit-23 ta' Jannar 2017, il-kelliem għall-gvern tal-Kongo, Lambert Mende, ikkonferma li Ida Sawyer, id-direttur ta' Human Rights Watch (HRW) għall-Afrika Ċentrali, kienet tkeċċiet mill-pajjiż minħabba li ffalsifikat isimha fuq dokumenti tal-immigrazzjoni;

M.  billi, fl-31 ta' Diċembru 2016, is-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza Episkopali Kattolika tal-Kongo ħabbar li kien intlaħaq ftehim bejn il-President Kabila u Felix Tshisekedi f'isem Le Rassemblement, li kienu se jsiru elezzjonijiet fl-2017 u li l-kostituzzjoni ma kenitx sejra tinbidel biex tippermetti li l-President joħroġ għat-tielet mandat konsekuttiv;

N.  billi t-taħditiet li għaddejjin dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim bejn il-President Kabila u l-oppożizzjoni qed jeħlu minħabba nuqqas ta' qbil dwar il-kompożizzjoni tal-kunsill inkarigat mis-sorveljanza tal-progress lejn l-elezzjoni u minħabba l-kapaċità ta' Kabila li jagħżel il-Prim Ministru;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza fil-Gabon, sew mid-dimostranti u sew fil-mod kif il-pulizija u l-uffiċjali tal-gvern ippruvaw isolvu s-sitwazzjoni;

2.  Jingħaqad man-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari ma' Franza u mal-Istati Uniti tal-Amerka, fl-appell biex iż-żewġ naħat ibaxxu t-tensjoni fid-disputa li għaddejja fil-Gabon, biex jieqfu minnufih l-atti vjolenti u l-inċitament għall-vjolenza, u biex tiġi ċċirkolata minnufih informazzjoni trasparenti dwar ir-riżultat tal-votazzjoni;

3.  Jingħaqad mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana u jtenni l-importanza ta' proċess ta' appell trasparenti u regolari lill-Qorti Kostituzzjonali tal-Gabon għaż-żamma tal-istabbiltà fil-pajjiż;

4.  Jistieden lill-gvern tal-Gabon jikkoopera bis-sħiħ fl-istazzjonament ta' osservaturi Frankofoni mill-qrati superjuri ta' nazzjonijiet Afrikani oħra biex jassistu lill-Qorti Kostituzzjonali tal-Gabon;

5.  Jistieden lill-gvern tal-Gabon jikkometti ruħu li jiżgura li elezzjonijiet futuri jkunu ħielsa, ġusti u demokratiċi, bi proċeduri tal-votazzjoni trasparenti u rigorużi u miftuħa għall-osservazzjoni internazzjonali;

6.  Jistieden lin-negozjaturi jżommu quddiem għajnejhom li l-għan tan-negozjati wara Diċembru 2016 huwa li l-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo jsiru qabel tmiem l-2017; iħeġġiġhom biex ma jħallux id-dettalji tan-negozjati jiddevjawhom u biex jagħmlu ħilithom kollha b’rieda tajba wara l-ftehim tal-aħħar minuta li ntlaħaq bil-medjazzjoni tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali (CENCO); ifakkarhom fil-konsegwenzi gravi li jkun hemm kemm-il darba ma jirnexxilhomx iwasslu għal eżitu ta' suċċess;

7.  Jistieden lill-atturi internazzjonali kollha jagħtu lill-Kongo l-appoġġ politiku, finanzjarju, tekniku u loġistiku kollu meħtieġ biex l-elezzjonijiet isiru sa Diċembru 2017;

8.  Jikkundanna t-tkeċċija ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jħeġġeġ lill-gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo biex iħallihom jibqgħu fil-pajjiż;

9.  Jitlob li l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jwessgħu l-lista ta' dawk li qed iħeġġu lill-President Kabila biex jinjora l-kostituzzjoni u ta' dawk li huma responsabbli għar-ripressjoni vjolenti u għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jagħmlu proposta lill-Kunsill biex iwessa' l-lista ta' dawk li wettqu reati u għandhom miżuri restrittivi (sanzjonijiet) imposti fuqhom mill-UE;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-President u lill-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u lill-President u lill-Gvern tal-Gabon.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0085.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0290.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0479.

Avviż legali - Politika tal-privatezza