MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon
25.1.2017 - (2017/2510(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Hilde Vautmans, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Javier Nart, Carolina Punset, Pavel Telička f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0120/2017
B8-0121/2017
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon
(2017/2510(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-1 ta' Settembru 2016 tal-Unjoni Afrikana, li tikkundanna l-vjolenza u tappella għal riżoluzzjoni paċifika għall-kunflitt ta' wara l-elezzjoni fil-Gabon,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Settembru 2016 mill-kelliem tal-VP/RGħ dwar il-Gabon,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tad-29 ta' Awwissu 2016 tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE (MOE),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou ffirmat fis-sena 2000 mill-Grupp ta' Stati AKP u l-UE, kif ukoll ir-reviżjonijiet suċċessivi tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Protokoll tal-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika, adottat fil-11 ta' Lulju 2003, b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-24 ta' Settembru 2016 maħruġa mill-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali La Francophonie dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tat-18 ta' Mejju 2011 dwar l-isfidi għall-futur tad-demokrazija u r-rispett tal-ordni kostituzzjonali fil-pajjiżi tal-AKP u tal-UE, tas-27 ta' Novembru 2013 dwar ir-rispett għall-istat tad-dritt u r-rwol ta' ġudikatura imparzjali u indipendenti, u tat-13 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni qabel l-elezzjoni u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tas-7 ta' April 2016 tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, dwar is-sitwazzjoni politika fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo wara l-elezzjonijiet presidenzjali,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Gaboniża,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kongoliża,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 19/36 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-23 ta' Marzu 2012 dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 67/97 tal-14 ta' Diċembru 2012 dwar l-istat tad-dritt fil-livelli nazzjonali u internazzjonali,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prinċipji li Jirregolaw l-Elezzjonijiet Demokratiċi fl-Afrika (2002),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Gabon saru fis-27 ta' Awwissu 2016; billi, fil-31 ta' Awwissu 2016, Ali Bongo, il-president tal-Gabon li kien se jħalli l-kariga, ġie ddikjarat ir-rebbieħ tal-elezzjonijiet presidenzjali wara li l-Ministru tal-Intern ħabbar ir-riżultat proviżorju, ibbażat fuq ir-riżultati pprovduti mill-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali (CENAP), fejn ġab madwar 5 600 vot aktar mill-avversarju ewlieni tiegħu Jean Ping; billi Jean Ping u dawk li jappoġġawh ikkontestaw immedjatament u kkundannaw dan ir-riżultat; billi tressaq appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Gaboniża li jallega irregolaritajiet elettorali u li jitlob l-għadd mill-ġdid tal-voti;
B. billi osservaturi internazzjonali, u b'mod partikolari l-MOE tal-UE, identifikaw anomaliji fil-kumpilazzjoni tar-riżultati, b'mod partikolari f'Haut-Ogooué, il-fewdu ta' Ali Bongo; billi l-oppożizzjoni talbet ukoll li jsir għadd mill-ġdid tal-voti f'din il-provinċja, fejn il-President Ali Bongo rebaħ 95 % tal-voti, b'parteċipazzjoni ta' 99 %, filwaqt li sostna li l-voti rrappreżentati mill-parteċipazzjoni uffiċjali f'dik il-provinċja fihom infushom kienu biżżejjed biex wieħed jirbaħ l-elezzjoni; billi l-membri tal-kummissjoni elettorali tal-Gabon ukoll esprimew dubji dwar l-għadd tal-voti f'Haut-Ogooué;
C. billi l-MOE tal-UE, li kkritikat ħafna l-proċess elettorali, kienet fil-mira ta' atti ripetuti ta' intimidazzjoni, partikolarment fil-forma ta' kampanja intensa ħafna ta' malafama fl-istampa, u kellha wkoll tħabbat wiċċha ma' theddid u pressjoni notevoli mill-awtoritajiet Gaboniżi, li ressqu appell u wettqu investigazzjoni tax-xogħol li għamlet il-MOE tal-UE bit-tir li r-rapport tal-missjoni jitneħħielu kull krettu;
D. billi fl-24 ta' Settembru 2016 il-Qorti Kostituzzjonali ħabbret ir-riżultat uffiċjali definittiv tal-elezzjoni presidenzjali, li kkonferma r-rebħa ta' Ali Bongo; billi, madankollu, l-eżami tal-appell ma neħħiex id-dubji kollha dwar l-eżitu tal-elezzjoni presidenzjali;
E. billi Joseph Kabila ilu President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo mill-2001; billi l-mandat tal-President Kabila se jintemm fl-20 ta' Diċembru 2016, u billi t-tul tal-presidenza tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo huwa kostituzzjonalment limitat għal żewġ mandati, u l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li jmiss fil-bidu kienu skedati li jsiru sal-aħħar tal-2016;
F. billi l-ewwel tentattiv biex tiġi emendata l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo bil-għan li l-President Kabila jkun jista' jikkontesta għat-tielet mandat ġie abbandunat fl-2015 minħabba oppożizzjoni u mobilizzazzjoni qawwija min-naħa tas-soċjetà ċivili; billi dawn it-tentattivi kkawżaw tensjoni politika, inkwiet u vjolenza fil-pajjiż;
G. billi fit-18 ta' Ottubru 2016 ġie ffirmat ftehim bejn il-President Kabila u parti mill-oppożizzjoni li jipposponi l-elezzjoni presidenzjali għal April 2018; billi, skont it-termini ta' dan il-ftehim, il-President Kabila, li mbagħad tħalla jibqa' fil-poter wara l-2016, inkariga Prim Ministru interim ġdid, Samy Badibanga, membru tal-oppożizzjoni, biex jifforma gvern ġdid;
H. billi wara xhur ta' negozjati, il-partijiet tal-ftehim tat-18 ta' Ottubru 2016 laħqu ftehim politiku globali u inklużiv fil-31 ta' Diċembru 2016;
I. billi filwaqt li s-sitwazzjoni f'dawn iż-żewġ pajjiżi hija ferm differenti, xorta waħda tista' titqabbel f'dak li jirrigwarda instabbiltà politika u vjolenza;
J. billi t-titwil fil-kariga jippermetti akkumulazzjoni u personalizzazzjoni akbar tal-poter, u influwenza fuq il-privileġġ u l-korruzzjoni, u ma jiffavorixxix t-tiġdid tal-klassi politika;
K. billi waħda mill-karatteristiċi tad-demokraziji hija r-rispett tal-kostituzzjoni, li hija l-bażi tal-istat, tal-istituzzjonijiet u l-istat tad-dritt, kif ukoll elezzjonijiet ħielsa u ġusti li permezz tagħhom il-poter jiġi trasferit b'mod paċifiku lill-persuni li akkwistaw il-leġittimità permezz tal-eżerċizzju tal-votazzjoni, il-libertà ta' espressjoni u assemblea u l-libertà tal-istampa;
L. billi l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ripetutament jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni li dejjem qed tmur għall-agħar tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà ta' espressjoni, ta' assemblea u ta' dimostrazzjoni fil-pajjiżi fil-perjodu li jwassal għall-elezzjonijiet, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi, ġurnalisti, mexxejja politiċi u oħrajn;
1. Jiddeplora l-imwiet waqt id-dimostrazzjonijiet matul dawn l-aħħar xhur fiż-żewġ pajjiżi, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u lill-poplu tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tal-Gabon;
2. Jinsab profondament imħasseb dwar is-sitwazzjoni dejjem aktar instabbli fil-kuntest ta' qabel l-elezzjoni u ta' wara l-elezzjoni fiż-żewġ pajjiżi; ifakkar lill-awtoritajiet, u primarjament lill-presidenti, li hija r-responsabbiltà tagħhom li jipproteġu liċ-ċittadini li jgħixu fi kwalunkwe post fit-territorju nazzjonali, u b'mod partikolari li jipproteġuhom kontra l-abbuż u l-kriminalità, u li jwettqu l-kompitu li jiggvernaw bir-rispett l-aktar strett tal-istat tad-dritt;
3. Jikkundanna bil-qawwa il-vjolenza, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-arresti arbitrarji u d-detenzjonijiet illegali kollha li seħħew, b'mod partikolari l-istrumentalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja u l-vjolenza u l-intimidazzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi u l-ġurnalisti, il-ksur tal-libertà tal-istampa u l-libertà ta' espressjoni qabel u wara l-elezzjonijiet presidenzjali; jitlob lill-awtoritajiet ineħħu minnufih ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-media; jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha;
4. Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u oġġettiva dwar il-vjolenza relatata mal-elezzjonijiet u l-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawk kollha misjuba responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jitlob, barra minn hekk, lill-UE u lill-pajjiżi tal-AKP biex, b'kollaborazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana, ikomplu jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni ġenerali fiż-żewġ pajjiżi;
5. Jinnota li s-sitwazzjoni b'rabta mas-sigurtà taffiet, u jistieden lill-partijiet kollha biex iżommu lura minn atti oħra li jistgħu jheddu l-paċi u l-istabbiltà tal-pajjiżi; jistieden lill-atturi politiċi kollha li bħalissa huma involuti fil-kontroversji ta' qabel u wara l-elezzjoni biex jaġixxu b'mod responsabbli u mrażżan u jsolvu kwalunkwe tilwim li jista' jkollhom permezz ta' mezzi kostituzzjonali u legali eżistenti;
6. Jistieden lill-awtoritajiet jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-istampa;
7. Jinnota d-deċiżjoni ta' xi partitarji tal-oppożizzjoni li jwieġbu b'mod pożittiv għas-sejħa għal djalogu maħruġa fl-14 ta' Novembru 2016 mill-President elett Ali Bongo, bil-ħsieb li titwitta minn issa t-triq għall-elezzjonijiet li jmiss, b'mod partikolari l-elezzjonijiet parlamentari li għandhom isiru fl-2017; jindika, madankollu, li l-figura prominenti tal-oppożizzjoni, Jean Ping, qed jirrifjuta li jieħu sehem u jinsab ħerqan li jniedi djalogu nazzjonali tiegħu stess; jesprimi riżervi, għalhekk, dwar ir-rilevanza ta' dawn il-proċessi, u jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal proċedura ta' konċiljazzjoni miftuħa u trasparenti biex tintemm il-kriżi ta' wara l-elezzjoni;
8. Jappella lill-UE u lill-pajjiżi AKP biex jidħlu fi djalogu politiku komprensiv u bilanċjat mal-Gvern tal-Gabon bil-għan li jinkisbu impenji dwar it-tisħiħ tad-demokrazija, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, li huma valuri minquxa fil-Ftehim ta' Cotonou u fl-Att Kostituttiv tal-Unjoni Afrikana;
9. Ifakkar fl-impenn li ħadet ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo taħt il-Ftehim ta' Cotonou li tirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà ta' espressjoni u tal-mezzi ta' komunikazzjoni, il-governanza tajba u t-trasparenza fil-karigi politiċi; jinnota li d-djalogu mal-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, li għandu l-għan li jikseb kjarifiki definitivi dwar il-proċess elettorali, qed ifalli;
10. Jiddeplora l-fatt li l-gvern u l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) naqsu milli jorganizzaw l-elezzjoni presidenzjali fi żmien l-iskadenza kostituzzjonali; għadu mħasseb ħafna dwar l-effikaċja tar-rwol tas-CENI, li l-leġittimità tal-proċess elettorali fil-biċċa l-kbira se jiddependi minnha; ifakkar li l-kummissjoni elettorali għandha tkun istituzzjoni imparzjali u inklużiva b'riżorsi suffiċjenti biex tippermetti proċess komprensiv u trasparenti;
11. Jilqa' l-isforzi tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali tal-Kongo (CENCO) biex jissawwar kunsens usa' dwar tranżizzjoni politika; jirrikonoxxi li jeħtieġ li jkun hemm perjodu tranżizzjonali, li matulu l-presidenza tista' tiġi eżerċitata biss taħt l-awtorità ta' kunsill tranżizzjonali li fih l-oppożizzjoni se jkollha rwol kruċjali;
12. Jilqa' l-ftehim politiku globali u inklużiv milħuq fil-31 ta' Diċembru 2016; ifakkar lill-partijiet kollha dwar l-impenn tagħhom għal dan il-ftehim, u għalhekk iħeġġiġhom japplikawh fil-komponenti kollha tiegħu u jistabbilixxu kalendarju konkret għall-elezzjonijiet li jmiss kemm jista' jkun malajr; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu l-appoġġ kollu possibbli għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet paċifiċi, trasparenti u ġusti;
13. Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe tentattiv għaż-żamma tal-poter kontra r-rieda tal-poplu, bi ksur tal-kostituzzjoni u liġijiet oħra tal-post; iħeġġeġ it-tisħiħ tad-djalogu fi ħdan il-pajjiżi AKP bħala mezz biex ikun żgurat ir-rispett tal-istat tad-dritt u tal-kostituzzjonijiet tal-pajjiżi; jistieden lill-UE u lill-pajjiżi AKP jindirizzaw il-kriżijiet politiċi futuri possibbli permezz tad-djalogu politiku intensifikat stipulat fl-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tal-Gabon, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u lill-gvernijiet tal-istati membri tagħha, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.