MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon
25.1.2017 - (2017/2510 (RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Marie-Christine Vergiat, Barbara Spinelli, Paloma Lopez Bermejo, Angela Vallina, Javier Couso Permuy, Dimitris Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva, Kostas Chrysogonos, Merja Kyllönen f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0120/2017
B8-0122/2017
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon
(2017/2510 (RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari dawk tas-7 ta' Ottubru 2010, tad-9 ta' Lulju 2015, tal-10 ta' Marzu 2016 u tal-1 ta' Diċembru 2016 u r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-gruppi politiċi u l-adozzjoni li falliet ta' riżoluzzjoni komuni dwar il-Gabon matul l-Assemblea Konġunta AKP-UE f'Diċembru 2016 fin-Nairobi (il-Kenya),
– wara li kkunsidra d-dibattitu tat-13 ta' Settembru 2016 fil-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni postelettorali fil-Gabon;
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u b'mod partikolari l-Artikolu 56 tagħha li tinkludi l-fatt li: "[k]ull att, kull ftehim, kull konvenzjoni, kull arranġament jew kull fatt ieħor, li jkollu l-konsegwenza li jċaħħad lin-nazzjon, lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, parzjalment jew totalment, mill-mezzi ta' sussistenza tagħhom li jirriżultaw mir-riżorsi tagħhom jew mir-rikkezzi naturali tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet internazzjonali dwar ir-reati ekonomiċi, għandu jitqies bħala r-reat ta' sakkeġġ li hu kastigabbli mil-liġi",
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokoll II tagħha, li jipprojbixxu b'mod partikolari l-eżekuzzjonijiet sommarji, l-istupri, ir-reklutaġġ furzat u atroċitajiet oħra;
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni Nru 2211 ta' Marzu 2015 tal-Kunsill tas-Sigurtà li estendiet sal-31 ta' Marzu 2016 il-mandat tal-Missjoni tan-NU għall-Istabilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (Monusco),
– wara li kkunsidra l-fatt li, fl-2014, il-Premju Sakharov ingħata lil Dr Denis Mukwege, ġinekologu Kongoliż, għall-ġlieda tiegħu favur il-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, adottata fl-20 ta' Mejju 2015, dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' importaturi ta' ċerti minerali u metalli li ġejjin minn żoni milquta minn kunflitti jew dawk b'riskju għoli,
– wara li kkunsidra r-Regolament Ewropew dwar il-"minerali ta' kunflitt" approvat mill-Istati Membri fil-15 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) tal-15 ta' April 2015 dwar l-isfruttament u l-kummerċ illegali tar-riżorsi naturali għall-benefiċċju tal-gruppi kriminali organizzati,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar il-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Unjoni Ewropea fil-Gabon, ippubblikat fit-12 ta' Diċembru 2016,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni fil-Gabon u dik fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo hija totalment differenti u billi ma hemm l-ebda raġuni li għaliha dawn iż-żewġ suġġetti jiġu diskussi fl-istess riżoluzzjoni;
Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
B. billi t-tkattir tal-fazzjonijiet armati, id-diżorganizzazzjoni u l-assenza ta' Stat stabbli, l-inkapaċità tan-Nazzjonijiet Uniti li jagħtu rispons koerenti meta jiġu affaċjati b'ġenoċidju u l-konsegwenzi tiegħu, u l-kompliċità tal-pajjiżi li għandhom interessi fir-reġjun, bħall-Istati Uniti, il-Belġju u Franza, ikkaġunaw sitwazzjoni drammatika li sa mill-1996 x'aktarx ħalliet mejta bosta mijiet ta' eluf, jekk mhux miljuni (sa 6 miljun persuna skont ċerti NGO), fil-biċċa l-kbira minnhom persuni ċivili, vittmi b'mod partikolari tar-repressjoni u tal-qtil, tal-malnutrizzjoni, il-mard u l-faqar wara l-gwerer tal-1996 u tal-1998; billi din is-sitwazzjoni għad għandha riperkussjonijiet fil-pajjiż fil-ġurnata tal-lum;
C. billi l-instabbiltà ilha mill-2012 karatteristika tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo l-ġdida u ħalliet diversi eluf ta' vittmi, relatati mal-ġlied u l-atroċitajiet li jikkonċernaw b'mod partikolari l-provinċji tal-Kivu tat-Tramuntana u ta' Nofsinhar fil-Lvant tal-pajjiż; billi, skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), sal-31 ta' Lulju 2015, kien hemm kważi 1,5 miljun persuna li ġew spostati internament, jiġifieri 7 % tal-popolazzjoni totali tal-pajjiż; billi għad fadal aktar minn 400 000 rifuġjat Kongoliż li qed jgħixu fl-eżilju; billi r-rifuġjati li qed jaħarbu mill-kriżi umanitarja gravi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, pajjiż ġar, qed jaslu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; billi l-istrumentalizzazzjoni tal-"kwistjoni etnika" fir-reġjun kebbset bil-kbir il-kunflitti u għadha tifred it-territorji; billi l-prezz tal-ikel żdied b'mod konsiderevoli mill-bidu tal-kunflitt;
D. billi ġew kommessi bosta delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, ksur enormi tad-drittijiet tal-bniedem, taħrix tar-repressjoni kontra l-oppożituri, stupri tal-massa kontra n-nisa u l-bniet, spostamenti tal-massa tal-popolazzjonijiet; billi l-istupri fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo jafu ħallew uffiċjalment, tal-anqas, 200 000 vittma mill-1996 u, ċertament ħafna aktar, peress li ħafna stupri ma ġewx reġistrati; billi l-istupru huwa arma tal-gwerra użata mill-belliġeranti kollha, inkluż il-forzi armati uffiċjali; billi r-reklutaġġ furzat, speċjalment tat-tfal biex isiru ġellieda, huwa fatt komuni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;
E. billi l-kumpaniji transnazzjonali jiffinanzjaw il-gruppi armati biex ikomplu bl-isfruttament tas-sottoswol Kongoliż; billi r-Repubblika Demokratika tal-Kongo għandha 80 % tar-riżervi magħrufa tal-koltan, minerali li jintuża partikolarment fil-capacitors tal-kompjuters u tat-telefon ċellulari, iżda din ir-rikkezza hija ta' benefiċċju għall-kumpaniji multinazzjonali u mhux għall-poplu Kongoliż; billi dan il-fenomenu ġie kkundannat diversi drabi f'rapporti ppubblikati min-Nazzjonijiet Uniti; billi f'April 2015, Ibrahim Thiaw, il-Viċi Direttur Eżekuttiv tal-UNEP, iddikjara li l-isfruttament tar-riżorsi naturali qabeż il-USD 1 biljun u li l-biċċa l-kbira tal-profitti - sa 98 % tal-profitti - spiċċa għand gruppi internazzjonali, filwaqt li t-2 % li baqa' ntuża għall-finanzjament tal-gruppi armati interni; billi fil-15 ta' Ġunju 2016 l-Istati Membri qablu dwar ftehim dwar Regolament Ewropew rigward il-"minerali ta' kunflitt", ferm lil hinn mill-kwistjonijiet ta' interess peress li dan jikkonċerna biss il-"prodott gross", jiġifieri 10 sa 15 % tal-importazzjonijiet Ewropej;
F. billi l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bil-Bank Dinji fuq quddiem nett, permezz tal-pjanijiet tagħhom ta' aġġustamenti strutturali, għamlu l-pajjiż aktar fraġli billi biddluh f'rifuġju ġuridiku u fiskali għall-kumpaniji multinazzjonali, partikolarment fis-settur tal-minjieri; billi konsegwenza ta' dawn il-pjanijiet ta' aġġustament, il-pilastri tal-ekonomija Kongoliża ġew żarmati u eluf ta' ħaddiema ngħataw is-sensja u b'hekk il-popolazzjoni ġiet imċaħħda mill-mezzi ta' sussistenza u l-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħhom iggravaw għall-benefiċċju tal-ħtif tar-riżorsi u tad-dominju fuq l-ekonomija min-naħa tal-gruppi industrijali l-kbar, prinċipalment tal-Punent;
G. billi l-bilanċ tal-Monusco li ġiet stabbilita fl-1999 huwa falliment totali peress li ma rnexxilhiex ittejjeb id-destin tal-popolazzjoni ċivili milquta b'mod qawwi mill-gwerra u billi l-appoġġ tagħha għall-armata nazzjonali Kongoliża (Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo – FARDC) ma għamel xejn ħlief aggrava d-delitti ta' din tal-aħħar; billi wara sospensjoni tal-kooperazzjoni militari fi Frar 2015 bejn il-Monusco u l-FARDC, in-Nazzjonijiet Uniti ddeċidew, fit-2 ta' Marzu 2016, ikomplu l-appoġġ militari mogħti lill-forzi governattivi;
H. billi l-mandat tal-President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo huwa limitat mill-kostituzzjoni Kongoliża għal żewġ mandati u billi huwa kellu jirriżenja f'nofsillejl tad-19 ta' Diċembru li għadda; billi l-President Joseph Kabila llimita ruħu meta għamilha impossibbli li jsiru elezzjonijiet ġodda f'limitu ta' żmien adegwati sabiex jippermetti s-sostituzzjoni tiegħu billi impedixxa r-reviżjoni tal-listi elettorali, u dan iġġenera tensjonijiet politiċi, dimostrazzjonijiet u tfaqqigħ ta' vjolenza b'bilanċ letali ta' diversi għexieren ta' nies mejta; billi skont in-NU, bejn id-19 u l-20 ta' Diċembru 2016 biss, 40 persuna sfaw mejta, 107 midruba u 460 ġew arrestati;
I. billi fil-31 ta' Diċembru 2016, wara djalogu ta' tliet ġimgħat taħt il-patroċinju tal-Knisja Kattolika, il-gvern u l-oppożizzjoni laħqu ftehim li jipprevedi l-ħolqien ta' Kunsill Tranżizzjonali Nazzjonali, presedut mill-opponent storiku, Étienne Tshisekedi, kif ukoll in-nomina ta' Prim Ministru, riżultat tal-koalizzjoni tiegħu "le Rassemblement"; billi skont dan il-ftehim, Joseph Kabila se jibqa' fil-poter sa ma jsiru l-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali sa mhux aktar tard minn Diċembru 2017 u mhux jimmira għat-tielet mandat; billi ċerti membri tal-oppożizzjoni ma ffirmawx il-ftehim, partikolarment dawk tal-Moviment għal-Liberazzjoni tal-Kongo (MLK), l-eks Viċi President tar-Repubblika Jean-Pierre Bemba u ċerti negozjanti li jappartjenu għas-sezzjoni minoritarja tal-oppożizzjoni;
J. billi, jekk jirrappreżenta żvilupp importanti, il-ftehim li ġie konkluż fil-31 ta' Diċembru għandu aspetti oskuri, b'mod partikolari l-kwistjoni tal-organizzazzjoni u tal-finanzjament tal-elezzjonijiet li ġejjin (li huma maħsuba li se jiswew USD 1.2 biljun meta l-baġit tal-Istat huwa ta' USD 4 biljun biss); billi l-implimentazzjoni tiegħu għadha qed tiġi diskussa; billi nhar it-Tnejn 23 ta' Jannar, Étienne Tshisekedi kellu jħalli Kinshasa sabiex jagħmel "eżami mediku" fil-Belġju;
Il-Gabon
K. billi skont il-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem (HDI) tal-Gabon fl-2014 kien jinsab f'0,684, li jpoġġih fil-110 pożizzjoni minn 188 pajjiż, u billi aktar minn nofs iċ-ċittadini Gaboniżi jgħixu taħt is-soll tal-faqar minkejja l-livell relattivament għoli ta' PDG kull abitant;
L. billi skont l-indiċi dwar il-perċezzjoni tal-korruzzjoni fl-2015, editjat minn Transparency International, il-Gabon jinsab fid-99 post minn 168 pajjiż;
M. billi fl-2010 il-Gabon iffirma l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza iżda għadu ma rratifikahiex;
N. billi fis-27 ta' Awwissu 2016, saru l-elezzjonijiet fil-Gabon, u billi bejn it-12 ta' Lulju u t-30 ta' Settembru 2016 ntbgħatet missjoni ta' osservazzjoni tal-Unjoni Ewropea bi ftehim mal-awtoritajiet Gaboniżi; billi, skont il-Ministeru tal-Intern, il-President fil-kariga, Ali Bongo, kiseb 49,80 % tal-voti, li huwa biss 5 000 vot aktar; billi l-oppożizzjoni tikkontesta r-riżultat tal-elezzjoni u billi kien hemm ġlied f'ċerti partijiet ta' Libreville, billi l-Assemblea Nazzjonali ngħatat in-nar, saru manifestazzjonijiet u sfortunatament minn tal-inqas 6 persuni ġew midruba bi sparaturi fil-31 ta' Awwissu;
O. billi fl-1 ta' Settembru, il-bini tal-kwartieri ġenerali ta' Jean Ping ġie attakkat mill-forzi tal-ordni, inqatlu 2 persuni u diversi oħra ndarbu, bix-xhieda jiddeskrivu x-xena bħala "massakru"; billi reġa' kien hemm atti ta' vjolenza fil-belt kapitali u f'bosta lokalitajiet fil-pajjiż; billi l-Gabon safa mċaħħad minn aċċess għall-internet u għan-netwerks soċjali; billi aktar minn 800 persuna ġew arrestati fil-belt kapitali matul il-vjolenza postelettorali; billi l-oppożizzjoni titkellem dwar mill-inqas 50 persuna li mietu fil-pajjiż kollu; billi ċerti gazzetti Afrikani jiċħdu l-parteċipazzjoni tal-militar Franċiż li kellu r-responsabbiltajiet fil-Gwardja Repubblikana fir-rigward tal-bombardamenti tal-Kwartieri Ġenerali ta' Jean Ping;
P. billi l-oppożizzjoni, imħassba dwar il-fatt li tilgħab il-logħba tal-istituzzjonijiet u filwaqt li tiddubita l-indipendenza tagħhom, fetħet kawża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Gaboniża fil-bidu ta' Settembru, li ġiet rifjutata fit-23 ta' Settembru, imbagħad fetħet it-tieni kawża fil-bidu ta' Novembru, sabiex tikkontesta mill-ġdid ir-riżultati tal-elezzjoni presidenzjali tas-27 ta' Awwissu;
Q. billi minkejja l-pressjonijiet li kellhom isofru l-membri tagħha, il-missjoni ta' osservazzjoni elettorali (MOE) tal-UE pproduċiet ir-rapport tagħha fit-12 ta' Diċembru 2016, u ddeskriviet dawn l-elezzjonijiet bħala opaki billi nnotat "nuqqas ta' trasparenza tal-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-elezzjonijiet li rrifjutaw li jqegħdu għad-dispożizzjoni partijiet li jieħdu nota tal-informazzjoni essenzjali bħal-lista elettorali u l-lista taċ-ċentri tal-votazzjoni"; billi l-akbar irregolarità indikata mill-MOE tikkostitwixxi r-riżultt ta' Ali Bongo Ondimba fil-provinċja ta' Haut-Ogooué, il-fortizza tal-familja Bongo, fejn il-President fil-kariga kien kiseb 95,47 % tal-voti, b'rata ta' parteċipazzjoni ta' 99,93 %, skont iċ-ċifri pprovduti mill-Ministeru tal-Intern; billi dawn ir-riżultati ġew iddubitati mill-missjoni li tenfasizza li dawn "wettqu bil-maqlub tax-xejra osservata mill-missjoni abbażi tar-riżultati mħabbra mill-gvernaturi tat-tmien provinċji l-oħra tal-pajjiż"; billi l-missjoni temmen għalhekk li "dawn l-anomaliji jitfgħu dubju fuq l-integrità tal-proċess ta' konsolidazzjoni tar-riżultati u tar-riżultat finali tal-elezzjoni"; billi l-Qorti Kostituzzjonali ma ttrattatx l-frodi fil-provinċja ta' Haut-Ogooué waqt il-verdett tagħha tat-23 ta' Settembru;
R. billi, minkejja l-konstatazzjonijiet mingħajr sejħa identifikati f'dan ir-rapport, ma rriżultat l-ebda konsegwenza, u l-Unjoni dehret li xtaqet tibqa' siekta wara r-rikonoxximent de facto tal-ħatra ta' Ali Bongo fl-aħħar ta' Settembru mill-awtoritajiet Franċiżi;
S. billi t-tnaqqis fil-prezz taż-żejt u t-tnaqqis fil-baġit tal-Istat iwasslu fil-Gabon, bħal fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, sitwazzjoni aktar diffiċli mil-lat ekonomiku u soċjali; billi l-istrajkijiet qed jiżdiedu fil-Gabon fost it-tradeunions tal-għalliema, l-impjegati taż-żejt, il-pensjonanti, il-membri tal-persunal tal-posta, is-sindakat tal-maġistrati, eċċ.; billi l-pretensjonijiet jirrigwardaw in-nuqqas ta' ħlas ta' premiums u pensjonijiet, l-integrazzjoni tal-uffiċjali, l-interferenza tal-President fi ħdan il-Kunsill tal-Ġudikatura, il-ħelsien tal-aħħar priġunieri "politiċi" jew saħansitra l-għeluq/xiri ta' impjanti fis-settur taż-żejt;
T. billi fil-Gabon għaddejja kampanja qawwija ta' mobilizzazzjoni kontra l-organizzazzjoni tal-Kampjonat tan-Nazzjonijiet tal-Afrika; billi ż-żgħażagħ tal-assoċjazzjoni J.O.U.R. (Żgħażagħ tal-Oppożizzjoni Uniti għar-Reżistenza) nhar l-Erbgħa 18 ta' Jannar 2017 organizzaw mixja paċifika biex jisfidaw l-organizzazzjoni tal-edizzjoni 2017 tal-Kampjonat tan-Nazzjonijiet tal-Afrika fil-Gabon; billi xi wħud minnhom, inkluż il-president tagħha Marceau Malekou, tqiegħdu f'kustodja għal disturbi fl-ordni pubbliku;
U. billi Franza ilha tiskjera forzi armati fil-Gabon sa mill-indipendenza tal-pajjiż fl-1960 u f'konformità mal-ftehimiet ta' difiża ta' Awwissu 1960; billi skont il-Ministeru tal-Intern hu stmat li attwalment hemm 350 militar skjerati (l-elementi Franċiżi fil-Gabon jew tal-Ekwità għal Tkabbir); billi fis-7 ta' Settembru 2016, il-Gvern Franċiż iddeċieda li jibgħat it-tieni reġiment tal-paratruppi f'Libreville, uffiċjalment biex iħarsu liċ-ċittadini Franċiżi; billi fl-2010 ġie ffirmat ftehim ġdid li jiddikjara li "l-forzi Franċiżi stazzjonati jistgħu jiċċaqalqu fit-territorju tar-Repubblika Gaboniża, inkluż fil-baħar territorjali tiegħu u l-ispazju tal-ajru tiegħu. Il-libertà tal-moviment fl-ilmijiet Gaboniżi għandha tinkludi l-waqfien u l-ankraġġ fi kwalunkwe ċirkostanza"; billi l-ebda taxxa jew kera ma hija barra minn hekk mitluba lill-Forzi Franċiżi fil-Gabon, għal kuntrarju ta' dak li jsir is-soltu f'bosta pajjiżi; billi l-ftehim jiddedika wkoll impunità totali tal-militar Franċiż fil-Gabon, anki jekk dawn tal-aħħar jikkawżaw imwiet matul l-attività tagħhom;
V. billi d-dell ta' Franza minn dejjem joħroġ fuq l-eks kolonja tiegħu; billi l-ftehimiet ta' kooperazzjoni kkonomika ffirmati f'Lulju 1960, xahar qabel l-indipendenza, jipprevedu li "ir-Repubblika Franċiża se tkompli tagħti l-għajnuna materjali lir-Repubblika Gaboniża (...) li hija neċessarja biex jinkisbu l-objettivi soċjali u ekonomiċi li hija stabbiliet"; billi madwar 14 000 ċittadin Franċiż illum jgħixu fil-Gabon, fejn Franza, l-ewwel sieħeb ekonomiku tiegħu, għandha 120 kumpanija (madwar 200 intrapriżi u industriji żgħar u ta' daqs medju);
W. billi l-appoġġ ta' Franza għar-reġim ta' Ali Bongo (b'mod partikolari permezz tal-kooperazzjoni militari) u r-rabtiet li għandhom kważi t-totalità tal-klassi politika Gaboniża jitfgħu biża' qawwija fuq il-kontinwazzjoni ta' din il-politika ta' "Françafrique" għad-detriment tal-poplu Gaboniż;
1. Jiddeplora l-fatt li l-istess riżoluzzjoni titratta żewġ sitwazzjonijiet differenti li huma dawk tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u dik tal-Gabon;
Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
2. Jikkundanna kull att ta' vjolenza, kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem u kull vjolenza sesswali; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-popolazzjonijiet kollha li għaddew minn snin ta' kunflitt; jiddenunzja għal darb'oħra l-istrumentalizzazzjoni tal-"kwistjoni etnika" li ħalliet miljuni ta' vittmi fir-reġjun u sservi biss biex tifred il-popolazzjoni;
3. Jikkundanna l-forom kollha ta' intimidazzjoni u ta' atti ta' fastidju, inklużi dawk ġudizzjarji, kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-avversarji politiċi u ilħna oħra indipendenti jew kritiċi; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu rispettati u protetti d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni kollha miżmuma arbitrarjament;
4. jieħu nota tal-ftehim konkluż fil-31 ta' Diċembru 2016 bejn il-gvern u l-oppożizzjoni li jista' jitqies bħala pass 'il quddiem għall-paċi fil-pajjiż; għaldaqstant jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-organizzazzjoni tal-proċess elettorali, b'mod partikolari permezz ta' għajnuna finanzjarja lir-Repubblika Demokratika tal-Kongo sabiex l-elezzjonijiet ikunu jistgħu jsiru b'mod trasparenti u demokratiku skont l-iskeda ta' żmien adottata minn dan il-ftehim; jeżiġi t-trasparenza dwar kwalunkwe appoġġ finanzjarju mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fl-elezzjonijiet Kongoliżi;
5. Iqis li l-ġlieda kontra l-impunità, sew jekk fil-każ tal-ksur tad-dritt umanitarju sew jekk tal-infrazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, hija waħda mill-kundizzjonijiet indipensabbli għar-ristabbiliment tal-paċi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;
6. Jinsab partikolarment imħasseb bis-sitwazzjoni tan-nisa fil-pajjiż u tad-delitti u d-diskriminazzjonijiet li tagħhom huma vittmi; iqis li hija indispensabbli l-intensifikazzjoni tal-isforzi min-naħa tal-awtoritajiet u tal-komunità internazzjonali biex iwaqqfu l-istupri tal-massa bħala teknika tal-gwerra, jiggarantixxu l-aċċess għall-assistenza pubblika u bla ħlas fil-qasam tas-saħħa, partikolarment għas-saħħa riproduttiva, kontraċettiva u għall-abort u jippromwovu opportunitajiet tassew indaqs bejn is-sessi;
7. Iqis bl-istess mod li t-tmiem tar-reklutaġġ imġiegħel tas-suldati tfal għandu jkun prijorità tal-awtoritajiet u tal-komunità internazzjonali;
8. Jikkundanna l-fatt li l-bżonnijiet bażiċi tal-popolazzjoni Kongoliża qed jiġu sistematikament ssagrifikati għall-benefiċċju tal-interessi ekonomiċi u ġeopolitiċi tal-kumpaniji multinazzjonali u tal-potenzi barranin;
9. Iqis, għalhekk, li s-sitwazzjoni drammatika fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo tista' tiġi solvuta b'mod dejjiemi biss jekk tittieħed azzjoni sabiex il-popolazzjoni fl-aħħar tgawdi mir-riżorsi naturali; jissottolinja li, biex jagħmel dan, il-pajjiż għandu jieħu lura s-sovranità fuq il-ġid naturali tiegħu billi jistabbilixxi kontroll demokratiku fuq l-attività tal-kumpaniji transnazzjonali barranin u billi jiżviluppa infrastrutturi nazzjonali għall-isfruttament, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-materja prima tiegħu, li jimplikaw ir-reviżjoni u t-tħassir tal-kuntratti kollha li jirrigwardaw minjieri u forestrija, bi qbil mal-Artikolu 56 tal-Kostituzzjoni Kongoliża, sabiex jiġi żgurat li dawn ir-riżorsi jitgawdew mill-akbar ammont ta' nies possibbli u mhux biss minn minoranza;
10. Itenni l-ħtieġa li jiġi garantit id-dritt tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo għas-sovranità tal-ikel, li jinkludi d-dritt tal-bdiewa li jipproduċu l-ikel għal nieshom, billi jintemm il-ħtif tal-art u billi jiġi żgurat l-aċċess tal-bdiewa rġiel u nisa għall-art, għaż-żerriegħa u għall-ilma;
11. Jitlob lill-komunità internazzjonali u, b'mod partikolari, lill-pajjiżi "kredituri" li fil-konfront tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (u b'mod partikolari l-Belġju) jeliminaw l-ostakli għall-iżvilupp tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u għalhekk għall-paċi, billi jħassru d-dejn u l-imgħax fuq id-dejn li l-pajjiż għadu jħallas u jimplimentaw kooperazzjoni internazzjonali vera u proprja li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem fundamentali u s-sovranità tal-Istat Kongoliż, minflok ftehimiet ta' kummerċ ħieles u pjanijiet ta' aġġustamenti strutturali; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo jesiġu l-awditjar tad-dejn tagħhom u l-annullament tad-dejn illeġittimu kollu fil-konfront tal-kredituri barranin fil-prospettiva tal-eliminazzjoni totali tad-dejn u bil-għan li jirrispondu għall-bżonnijiet umani fundamentali tal-popolazzjoni tagħhom;
12. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-appoġġ finanzjarju u l-għajnuna umanitarja biex tingħata tweġiba lill-bżonnijiet urġenti ta' dawn il-popolazzjonijiet; jitlob li l-għajnuna tal-UE u tal-Istati Membri tagħha ssir fil-forma ta' għotjiet u mhux ta' self sabiex ma jkomplux itaqqlu l-piż tad-dejn; jiddispjaċih li ħafna Stati Membri tal-Unjoni ma laħqux il-mira ta' 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħhom u li xi uħud minnhom baxxew il-persentaġġ tagħhom ta' għajnuna għall-iżvilupp; jiddeplora t-tnaqqis fil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-programmi ta' għajnuna għall-ikel; jitlob li l-għajnuna għall-iżvilupp ma tkunx strumentalizzata sabiex tillimita jew tikkontrolla l-fruntieri jew issir r-ripatriazzjoni tal-migranti; jitlob li l-għajnuna mogħtija mill-UE u mill-Istati Membri fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo sservi, bħala prijorità, biex tindirizza l-problemi marbuta mal-inugwaljanzi profondi, mal-faqar, mal-malnutrizzjoni kronika, mal-aċċess għas-saħħa u għas-servizzi pubbliċi, partikolarment għas-saħħa sesswali u riproduttiva, kif ukoll mal-ilħuq tal-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli; jitlob bl-istess mod li l-għajnuna għall-ikel tiżdied u tkun iddestinata, bħala prijorità, għax-xiri tal-ikel lill-bdiewa lokali;
13. jafferma mill-ġdid li l-attivitajiet tal-impriżi Ewropej li joperaw f'pajjiżi terzi għandhom ikunu kompletament konformi mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jappella, għalhekk, lill-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali tagħhom ma jinjorawx id-drittijiet tal-bniedem jew l-istandards fl-oqsma soċjali, tas-saħħa u ambjentali li għalihom ikunu soġġetti meta jiċċaqilqu lejn Stat terz jew jagħmlu attività kummerċjali fih; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jieħdu l-azzjoni meħtieġa kontra l-kumpaniji Ewropej li ma jirrispettawx dawn l-istandards jew li ma jagħtux riżarċiment b'mod sodisfaċenti lill-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jaqgħu direttament jew indirettament taħt ir-responsabbiltà tagħhom;
14. Jitlob, b'mod partikolari fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, li ssir inkjesta indipendenti dwar ir-rispett tal-istandards soċjali u ambjentali tal-impriżi Ewropej b'mod partikolari fis-settur tar-riżorsi naturali, u partikolarment tal-koltan, u fir-rabtiet li dawn l-impriżi jista' jkollhom mal-finanzjament tal-gruppi armati; jitlob, bl-istess mod, li tiġi stabbilita inkjesta internazzjonali sabiex tixħet dawl fuq l-allegazzjonijiet ta' kompliċità bejn il-pjanijiet ta' aġġustament strutturali, l-appoġġ finanzjarju tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u r-reati mwettqa fil-pajjiż;
15. Jopponi kull tentattiv ta' esternalizzazzjoni tal-politiki migratorji tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi; jiddenunzja l-fatt li l-proċess ta' Rabat, li tiegħu r-Repubblika Demokratika tal-Kongo hija parti kkonċernata, ma jippermetti bl-ebda mod li jiġu ttrattati l-kawżi profondi tal-migrazzjoni iżda sempliċement li jiġu promossi l-politiki ta' ritorn u ta' riammissjoni; iqis li dawn il-politiki jmorru kontra d-dritt għall-moviment ħieles, id-dritt għall-asil u, b'mod iktar wiesa', kontra d-drittijiet tal-migranti kif definiti fil-konvenzjonijiet internazzjonali;
Il-Gabon
16. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kriżi postelettorali fil-Gabon u l-konsegwenzi li jista' jkollha għall-pajjiż u r-reġjun u l-popolazzjonijiet ikkonċernati; jikkundanna l-fatt li, wara li talbet il-pubblikazzjoni tar-riżultati, Franza reġgħet irrikonoxxiet ir-rebħa ta' Ali Bongo u dan minkejja s-sejbiet tal-osservaturi internazzjonali u Ewropej;
17. Jikkundanna kull forma ta' vjolenza li seħħet wara l-elezzjonijiet, u b'mod partikolari l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-arresti arbitrarji u d-detenzjonijiet illegali, kif ukoll il-ksur tal-libertà tal-istampa u tal-libertà ta' espressjoni;
18. Jitlob waqfien immedjat ta' kull att ta' vjolenza, ksur tad-drittijiet tal-bniedem u intimidazzjoni politika kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni, ir-rispett tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem;
19. jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali taħt il-patroċinju tan-NU dwar l-elezzjonijiet u l-abbużi li segwew sabiex tiddetermina kif għandu jiġi stabbilit djalogu politiku li jippermetti t-tmiem tal-kriżi filwaqt li jkun żgurat ir-rispett tad-drittijiet demokratiċi tal-poplu Gaboniż;
20. Jitlob lill-Gabon jippreżenta u jirratifika l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza;
21. Jikkundanna għal darb'oħra involviment u l-influwenza ta' Franza, l-eks poter kolonjali, fil-Gabon; jopponi kwalunkwe kontinwazzjoni tal-politika Françafrique fil-pajjiż; jeżiġi l-irtirar immedjat tat-truppi Franċiżi mill-pajjiż;
22. Iqis li l-problemi tal-Gabon jistgħu jissolvew fil-pajjiż biss billi jiġu żgurati l-istess drittijiet għaċ-ċittadini kollha u billi jiġu indirizzati l-problemi li jinvolvu l-kontroll tal-art agrikola għammiela, il-qgħad u l-faqar, billi jiġu miġġielda l-korruzzjoni, il-faqar, l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni, kif ukoll billi jiġu promossi riformi soċjali, politiċi u ekonomiċi sabiex jinħoloq Stat liberu, demokratiku u stabbli; itenni li jinsab partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni fl-iskejjel;
23. Iqis li l-fatt li l-popolazzjoni m'għandhiex aċċess għar-riżorsi naturali tal-pajjiż, iż-żieda fil-livell tal-qgħad, id-degradazzjoni tas-sitwazzjoni soċjali u ż-żieda fil-faqar huma kollha ostakli għall-istabbiltà u għandhom ikunu l-prijoritajiet assoluti fil-futur qarib;
24. Jikkundanna l-interferenzi ekonomiċi, soċjali u politiċi f'pajjiżi terzi permezz tal-pjanijiet ta' aġġustament strutturali tal-Bank Dinji u tal-Fond Monetarju Internazzjonali, kif ukoll il-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles, l-hekk imsejħa "Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika" konklużi mill-Unjoni; Jissottolinja li dawn il-politiki wasslu għall-ħtif ta' art, tar-riżorsi, b'mod partikolari taż-żejt, u tas-sitwazzjonijiet ta' kriżijiet ekonomiċi, soċjali, politiċi u umanitarji li jwasslu l-popolazzjonijiet għall-eżilju;
25. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsegwu b'mod effettiv il-prinċipju ta' Koerenza Politika għall-Iżvilupp fl-azzjonijiet kollha tagħhom fir-rigward tal-Gabon, sabiex jiżguraw li dawn ikunu allinjati korrettament u ma jimminawx l-objettivi tat-tnaqqis tal-faqar u tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli; jikkundanna kwalunkwe kundizzjonalità tal-għajnuna għall-iżvilupp għall-esternalizzazzjoni tal-fruntieri u ta' ġestjoni tal-politiki migratorji tal-UE;
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, lill-Gvern tal-Gabon, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.