Proċedura : 2017/2510(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0123/2017

Testi mressqa :

B8-0123/2017

Dibattiti :

PV 01/02/2017 - 16
CRE 01/02/2017 - 16

Votazzjonijiet :

PV 02/02/2017 - 7.6
CRE 02/02/2017 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 432kWORD 51k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0120/2017
25.1.2017
PE598.434v01-00
 
B8-0123/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon (2017/2510(RSP))


Elena Valenciano, Jo Leinen, Norbert Neuser, Cécile Kashetu Kyenge f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon (2017/2510(RSP))  
B8-0123/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-demokrazija u l-istat tad-dritt f'diversi pajjiżi Afrikani, b'mod partikolari fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari dawk tal-10 ta Marzu 2016(1), tat-23 ta' Ġunju 2016(2) u tal-1 ta' Diċembru 2016(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-4 ta' Jannar 2017 li laqgħet il-ftehim ta' paċi komprensiv u inklużiv fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-UE tat-12 ta' Diċembru 2016 li adottat sanzjonijiet kontra seba' individwi responsabbli għall-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali 2016 tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Unjoni Ewropea (MOE) għall-Gabon,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fl-24 ta' Settembru 2016 tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica, wara li l-Qorti Kostituzzjonali Gaboniża ħabbret ir-riżultati uffiċjali tal-elezzjoni presidenzjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, ippubblikat fis-27 ta' Lulju 2015, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet tal-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari dawk tat-23 ta' Novembru 2016 u tal-24 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fil-11 ta' Settembru 2016 mill-kelliema għall-VP/RGħ, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu waqt il-plenarja tat-13 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Gabon,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet lokali tal-UE tal-25 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u tat-2 ta' Awwissu 2016 u tal-24 ta' Awwissu 2016 dwar il-proċess elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo wara t-tnedija tad-djalogu nazzjonali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Gaboniża,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tat-23 ta' Mejju u tas-17 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija rivedut ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidrat il-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, hekk kif ħafna pajjiżi Afrikani għadhom qed jissieltu kontra l-korruzzjoni, l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali li qed jiżdiedu u d-dgħufija tal-istituzzjonijiet tal-istat, atti ta' vjolenza huma xhieda ta' leġiżlazzjoni problematika li hija kkawżata prinċipalment minn ħatriet partiġġjani u mid-dominanza ta' partit wieħed, u billi dan sikwit jirriżulta fi mwiet u fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

B.  billi l-elezzjonijiet huma ta' importanza kruċjali, u billi l-iżvolġiment paċifiku, trasparenti, bla xkiel u f'waqtu tagħhom jikkontribwixxi ferm għall-konsolidazzjoni tal-progress li sar minn demokrazija li qed tikber;

C.  billi l-aġenziji umanitarji jistmaw li l-instabbiltà politika qed titfa' lil dawn iż-żewġ pajjiżi f'kaos u qed twassal biex il-popolazzjonijiet tagħhom, diġà mdgħajfa mill-kriżijiet differenti tal-imgħoddi u tal-preżent, jaqgħu f'faqar u f'insigurtà estremi li, aktar minn qatt qabel, qed iħallu lil miljuni ta' nies fil-ħtieġa ta' assistenza;

D.  billi l-protesti li faqqgħu fil-kriżi postelettorali fil-Gabon f'Awwissu 2016 u kontra l-gvern tal-President Kabila meta l-mandat tiegħu spiċċa fid-19 ta' Diċembru 2016 fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo wasslu għal deterjorament serju fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-media, ikkaratterizzat minn żieda fil-vjolenza fost il-popolazzjoni ċivili u arresti mmirati mill-awtoritajiet fiż-żewġ pajjiżi;

E.  billi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo mill-inqas għaxar organizzazzjonijiet tal-media u stazzjonijiet tar-radju ngħalqu mill-awtoritajiet matul l-aħħar sentejn;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

F.  billi Joseph Kabila ilu l-President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo mill-2011; billi t-tieni u, skont il-Kostituzzjoni, l-aħħar mandat ta' Kabila kellu jintemm fid-19 ta' Diċembru 2016; billi l-President Kabila ppospona l-elezzjoni u baqa' fil-poter wara t-tmiem tal-mandat kostituzzjonali tiegħu tad-19 ta' Diċembru, u billi dan ikkawża tensjoni politika, inkwiet, vjolenza u bosta mwiet bla preċedent madwar il-pajjiż; billi, skont rapport tan-NU, 40 ruħ nqatlu, 107 ndarbu u mill-inqas 460 ruħ ġew arrestati fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo matul id-diversi dimostrazzjonijiet fl-aħħar ta' Diċembru 2016;

G.  billi, fl-31 ta' Diċembru 2016, wara ġimgħat ta' kontroversji u tentattivi li ma rnexxewx, il-mexxejja tal-oppożizzjoni tal-Kongo, bil-medjazzjoni tal-Konferenza Episkopali Nisranija tal-Kongo u taħt il-patroċinju tal-Unjoni Afrikana, iffirmaw ftehim politiku komprensiv u inklużiv mal-partit tal-President Joseph Kabila f'Kinshasa, li huwa segwitu għall-ftehim politiku milħuq fit-18 ta' Ottubru 2016 li permezz tiegħu l-president irid jirreżenja wara l-elezzjonijiet li jridu jsiru qabel tmiem l-2017;

H.  billi, fit-18 ta' Jannar 2017, il-koalizzjoni fil-gvern tal-Kongo fetaħ "ċentru tal-elezzjonijiet" bl-għan li jipprovdi appoġġ loġistiku u li jissensibilizza lill-poplu qabel l-elezzjonijiet skedati li jsiru sa tmiem l-2017;

Il-Gabon

I.  billi, fl-31 ta' Awwissu 2016, Ali Bongo, il-president uxxenti tal-Gabon, ġie ddikjarat ir-rebbieħ tal-elezzjoni presidenzjali wara li l-Ministru tal-Intern ħabbar ir-riżultat proviżorju, abbażi tar-riżultati pprovduti mill-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali (CENAP);

J.  billi Jean Ping u s-sostenituri tiegħu immedjatament ikkontestaw u kkundannaw dan ir-riżultat; billi tressaq rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li jallega li kien hemm irregolaritajiet elettorali u li jitlob li l-voti jerġgħu jingħaddu;

K.  billi l-osservaturi internazzjonali, u b'mod partikolari l-MOE tal-Unjoni Ewropea, identifikaw anomaliji fil-ġbir tar-riżultati, b'mod partikolari f'Haut-Ogooué; billi l-oppożizzjoni wkoll talbet li l-voti jerġgħu jingħaddu f'dik il-provinċja, fejn il-President Bongo allegatament rebaħ 95 % tal-voti, b'parteċipazzjoni ta' 99 %; billi l-membri tal-kummissjoni elettorali tal-Gabon ukoll esprimew dubji dwar l-għadd tal-voti f'Haut-Ogooué;

L.  billi anomaliji oħra ddenunzjati jinkludu r-rifjut li jerġgħu jingħaddu l-voti u li jitqabblu r-rapporti uffiċjali mfassla miż-żewġ naħat; billi l-Unjoni Afrikana u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali t-tnejn talbu l-pubblikazzjoni tar-riżultati għal kull ċentru tal-votazzjoni; billi din it-talba ma ntlaqgħetx mill-awtoritajiet Gaboniżi; bil-kuntrarju, il-karti tal-vot inħarqu, u dan jagħmilha diffiċli ħafna biex wieħed jiċċekkja r-riżultati uffiċjali tal-elezzjoni;

M.  billi fl-24 ta' Settembru 2016 il-Qorti Kostituzzjonali ħabbret ir-riżultat uffiċjali definittiv tal-elezzjoni presidenzjali, li kkonferma r-rebħa ta' Ali Bongo; billi, madankollu, l-eżami tar-rikors ma neħħiex id-dubji kollha dwar l-eżitu tal-elezzjoni presidenzjali;

N.  billi, mill-jum ta' wara l-elezzjoni, l-aċċess għall-internet kien imblukkat għal xahar; billi, fil-31 ta' Awwissu 2016, wara li tħabbru r-riżultati provviżorji, bdew dimostrazzjonijiet fit-toroq madwar il-pajjiż kollu; billi, matul il-lejl tal-31 ta' Awwissu 2016, membri tal-forzi tas-sigurtà attakkaw il-kwartieri ġenerali tal-kampanja ta' Jean Ping u billi dan wassal għal vjolenza serja, li ħalliet numru ta' nies mejta u wasslet għal mijiet ta' arresti;

O.  billi r-rifjut li l-voti jerġgħu jingħaddu u li jitqabblu r-rapporti uffiċjali mfassla miż-żewġ naħat fisser li d-dubji serji li jikkonċernaw l-eżitu tal-elezzjoni presidenzjali għadhom ma tneħħewx;

P.  billi bosta sejbiet qabel u wara l-elezzjonijiet tal-2016 rabtu r-reġim ta' Bongo ma' ksur tad-drittijiet tal-bniedem bħall-arresti arbitrarji, it-tortura jew it-trattament ħażin, u l-qtil jew il-ħtif ta' persuni u ġurnalisti li esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għar-reġim tiegħu jew għall-elezzjoni mill-ġdid tiegħu, bl-aktar wieħed riċenti jkun l-arrest ta' ġurnalisti ta' Echos du Nord fit-3 ta' Novembru 2016;

Q.  billi, b'reazzjoni għal talba tal-awtoritajiet Gaboniżi li jsemmu "evidenza ta' inċitament biex jitwettqu ġenoċidju u delitti kontra l-umanità" min-naħa tal-partitarji tal-oppożizzjoni, il-prosekutur għall-Qorti Kriminali Internazzjonali ħabbar il-ftuħ ta' investigazzjoni preliminari rigward is-sitwazzjoni postelettorali fil-Gabon;

R.  billi l-MOE tal-Unjoni Ewropea, li kienet kritika ħafna tal-proċess elettorali, kienet fil-mira ta' atti ripetuti ta' intimidazzjoni u ta' kampanja wiesgħa fuq in-netwerks tal-media soċjali mfassla biex jitqajmu dubji dwar il-kredibilità tagħha; billi dik il-kampanja ngħatat spinta b'dikjarazzjonijiet magħmula minn rappreżentanti tal-awtoritajiet Gaboniżi, kif rifless mill-pubblikazzjoni, b'mod partikolari fil-Journal du Dimanche, ta' artikli li jindikaw li l-membri tal-MOE kienu vittmi ta' spjunaġġ mis-servizz sigriet Gaboniż u bil-fatt li nfetħet investigazzjoni fi sforz biex il-missjoni u l-konklużjonijiet tagħha jiġu skreditati;

1.  Jiddeplora l-fatt li nqatlu n-nies waqt id-dimostrazzjonijiet f'dawn l-aħħar xhur kemm fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo kif ukoll fil-Gabon u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;

2.  Jikkundanna bil-qawwa t-theddid kostanti, l-attakki, l-użu tal-forza u r-restrizzjonijiet u l-intimidazzjonijiet severi li dimostranti paċifiċi, l-oppożizzjoni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti jħabbtu wiċċhom magħhom kemm fil-Gabon kif ukoll fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha;

3.  Ifakkar fl-impenn li ħadu kemm il-Gabon kif ukoll ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo skont il-Ftehim ta' Cotonou li jirrispettaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà ta' espressjoni u tal-media, il-governanza tajba u t-trasparenza fil-karigi politiċi;

4.  Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE tibqa' ssegwi mill-qrib l-iżviluppi kemm fil-Gabon kif ukoll fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, tuża l-għodod u l-istrumenti xierqa kollha biex tappoġġja lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-movimenti favur id-demokrazija, u tibda djalogu politiku msaħħaħ mal-awtoritajiet, kif minqux fl-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou;

5.  Jistieden lill-Gvernijiet tal-Gabon u tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo jwettqu rieżami bir-reqqa u b'ħeffa tal-proċeduri elettorali u jimplimentaw malajr ir-riformi meħtieġa biex jittejbu l-proċessi u tiddaħħal fiduċja fil-gvernijiet fost iċ-ċittadini tagħhom;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

6.  Ifaħħar l-isforzi bla waqfien li saru mill-medjaturi mill-Konferenza Episkopali Nazzjonali tal-Kongo (Conférence Episcopale Nationale du Congo – CENCO) biex jiffaċilitaw il-ftehim biex tinstab soluzzjoni ta' kompromess li tikkonsisti f'perjodu tranżitorju li jista' jwassal biex isiru l-elezzjonijiet presidenzjali tant mistennija qabel tmiem l-2017 mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li tiġi emendata l-Kostituzzjoni; jistieden kemm lill-awtoritajiet kif ukoll lill-oppożizzjoni joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni jew stqarrija li tista' tkompli xxerred l-inkwiet;

7.  Jiddeplora l-fatt li l-Gvern u l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) ma rnexxilhomx jorganizzaw l-elezzjoni presidenzjali qabel l-iskadenza kostituzzjonali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; itenni l-appell tiegħu għall-organizzazzjoni b'suċċess u f'waqtha tal-elezzjonijiet, f'konformità sħiħa mal-Kostituzzjoni Kongoliża u mal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, u jinsisti fuq ir-responsabbiltà tal-Gvern Kongoliż li jiggarantixxi ambjent li jwassal għal elezzjonijiet trasparenti, kredibbli u inklużivi mill-aktar fis possibbli;

8.  Jesprimi tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li sejra għall-agħar, l-intensifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-ispazju politiku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u, b'mod partikolari, l-istrumentalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja u l-vjolenza u l-intimidazzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi u l-ġurnalisti; jappella għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha; jitlob lill-awtoritajiet ineħħu minnufih ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-media;

9.  Jilqa' l-adozzjoni tas-sanzjonijiet immirati tal-UE, inklużi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi, kontra dawk responsabbli għat-trażżin vjolenti u għad-destabbilizzazzjoni tal-proċess demokratiku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra li jestendi dawn il-miżuri restrittivi f'każ li l-vjolenza tkompli;

10.  Itenni r-rieda tiegħu li jikkollabora mas-sħab internazzjonali sabiex jiġi żgurat li jiddaħħal fis-seħħ pjan ċar u komprensiv biex jiffinanzja l-elezzjonijiet Kongoliżi, u li jikkomunika dan il-pjan b'mod wiesa', dment li jkun hemm skeda ta' żmien kredibbli u rieda politika ċara li l-elezzjonijiet isiru, sabiex nuqqas ta' riżorsi ma jkunx ostaklu għal elezzjonijiet previsti mill-Kostituzzjoni;

Il-Gabon

11.  Iqis li r-riżultati uffiċjali tal-elezzjoni presidenzjali mhumiex trasparenti u huma dubjużi ferm, u dan wassal biex tqajmu dubji dwar il-leġittimità tal-President Bongo;

12.  Jitlob, għalhekk, li l-kwistjoni tal-għadd mill-ġdid titressaq mhux biss quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, iżda anke quddiem l-Unjoni Afrikana u n-NU; jitlob it-tnedija tal-missjoni postelettorali tal-Unjoni Afrikana, li inizjalment kienet skedata għal Settembru 2016;

13.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jibdew djalogu politiku intensifikat mal-Gvern Gaboniż bl-għan li jiksbu impenji dwar it-tisħiħ tad-demokrazija, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, li huma valuri minquxa fil-Ftehim ta' Cotonou u fl-Att Kostituttiv tal-Unjoni Afrikana;

14.  Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jibda proċess ta' konsultazzjoni skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou malli jkun hemm nuqqas ta' progress fid-djalogu politiku intensifikat; iħeġġeġ lill-UE, jekk jirriżulta li jkun impossibbli li jintlaħaq ftehim fil-proċess ta' konsultazzjoni, biex tieħu miżuri xierqa, bħal restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-fondi, kontra l-istituzzjonijiet u l-individwi responsabbli għall-manipulazzjoni tar-riżultat tal-elezzjoni u għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem wara l-elezzjoni;

15.  Jiddeplora l-fatt li l-proċedura ta' rikors, li wasslet biex Ali Bongo jiġi ddikjarat ir-rebbieħ fl-elezzjoni, twettqet b'mod mhux trasparenti, li dan għamilha impossibbli li jitneħħew id-dubji kollha rigward ir-riżultat finali, u li l-Qorti Kostituzzjonali naqset milli tqis kif xieraq l-irregolaritajiet innotati f'xi provinċji;

16.  Għadu mħasseb profondament dwar ir-rwol effikaċi tas-CENI, li fuqha tiddependi fil-biċċa l-kbira tagħha l-leġittimità tal-proċess elettorali; ifakkar li għandha tkun istituzzjoni imparzjali u inklużiva, b'riżorsi suffiċjenti biex tippermetti proċess komprensiv u trasparenti;

17.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-intimidazzjoni u t-theddid li ġarrbu l-membri tal-MOE tal-Unjoni Ewropea u l-attakki kontra n-newtralità u t-trasparenza tal-MOE, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Gaboniżi jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-Rapport Finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE;

18.  Jiddeplora l-fatt li, bi ksur tal-memorandum ta' qbil iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Gaboniż, il-MOE tal-Unjoni Ewropea ngħatat biss aċċess limitat għall-għadd tal-voti ċentralizzat fil-kummissjonijiet elettorali lokali (LECs) u fil-kwartieri ġenerali tas-CENAP f'Libreville u sussegwentement għall-proċedura ta' rikors kostituzzjonali;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tal-Gabon, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0085.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0290.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0479.

Avviż legali - Politika tal-privatezza