Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0124/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0124/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon

25.1.2017 - (2017/2510(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Rolandas Paksas, Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Piernicola Pedicini f'isem il-Grupp EFDD

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0120/2017

Proċedura : 2017/2510(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0124/2017

B8-0124/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon

(2017/2510(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet politiċi li ntlaħqu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fit-18 ta' Ottubru u l-31 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2277 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni presidenzjali S/PRST/2017/1 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tas-17 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tat-12 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-31 ta' Awwissu 2016 b'segwitu għat-tħabbir tar-riżultati elettorali proviżorji fil-Gabon,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti mill-kelliema għall-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, Neven Mimica, dwar il-Gabon, maħruġa fil-11 u fis-17 ta' Settembru 2016, u b'segwitu għat-tħabbir mill-Qorti Kostituzzjonali Gaboniża tar-riżultati finali tal-elezzjoni presidenzjali, maħruġa fl-24 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa maħruġa mill-Unjoni Afrikana fl-1 ta' Settembru 2016 li tikkundanna l-vjolenza tal-kunflitt postelettorali fil-Gabon u tappella għar-riżoluzzjoni paċifika tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil iffirmat bejn ir-Repubblika Gaboniża u l-Unjoni Ewropea dwar il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali (MOE) tal-Unjoni Ewropea fil-Gabon,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kap tal-MOE fil-Gabon dwar ir-riżultati tal-elezzjonijiet, b'mod partikolari fil-provinċja ta' Haut-Ogooué,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-MOE fil-Gabon,

–  wara li kkunsidra l-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija rivedut ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-istat tad-dritt, l-obbligu li jingħata rendikont, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll elezzjonijiet liberi u ġusti huma elementi essenzjali ta' kwalunkwe demokrazija li tiffunzjona; billi dawn l-elementi qed jiġu mhedda f'xi pajjiżi fl-Afrika sub-Saħarjana, inklużi r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-Gabon; billi l-Indiċi Ibrahim tal-Governanza Afrikana għall-2016 jiżvela li l-progress fil-governanza kumplessiva fl-Afrika f'dawn l-aħħar 10 snin trażżan minħabba deterjorament estensiv fil-kategorija tas-sikurezza u l-istat tad-dritt;

B.  billi l-obbligu li jiġi rispettat l-istat tad-dritt huwa parti integrali mill-impenn kumplessiv favur il-governanza u d-demokrazija mill-kapijiet tal-istati u l-gvernijiet Afrikani, hekk kif inhu espress fl-Att Kostituttiv tal-Unjoni Afrikana;

C.  billi l-gvernijiet jibbażaw il-leġittimità tagħhom f'oqfsa politiċi ddefiniti b'mod ċar u inklużiv;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

D.  billi, f'Diċembru 2016, minn tal-anqas 40 persuna nqatlu minn pulizija u suldati fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; billi maġġoranza minn dawn kienu qed jipprotestaw kontra r-rifjut tal-President Joseph Kabila li jċedi l-kariga fit-tmiem uffiċjali tal-mandat tiegħu fid-19 ta' Diċembru; billi 107 persuna ndarbu jew ġew trattati ħażin u kien hemm minn tal-anqas 460 arrest;

E.  billi f'Settembru 2016 f'Kinshasa, 54 dimostrant ieħor li kienu qed jappellaw lill-President biex jirrispetta l-iskadenzi kostituzzjonali nqatlu mill-persunal tad-difiża u tas-sigurtà bl-użu ta' forza eċċessiva; billi sal-ġurnata tal-lum ħadd għadu ma ġie obbligat jagħti rendikont ta' għemilu;

F.  billi, minkejja r-rikkezza tar-riżorsi naturali tagħha, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tibqa' wieħed mill-pajjiżi l-anqas żviluppati fid-dinja, fejn 9 minn kull 10 abitanti jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti, 10 % tal-popolazzjoni jgħixu fuq anqas minn USD 1,25 kuljum u 50 % m'għandhomx aċċess għal ilma mhux ħażin għas-saħħa, hemm preżenti aktar minn 70 grupp armat u madwar 1,9 miljun persuna spostata; billi ħasda oħra lill-istituzzjonijiet li diġà huma dgħajfa kieku jkollha konsegwenzi umanitarji potenzjalment diżastrużi;

G.  billi l-komunità tad-donaturi u l-komunità tan-negozju wrew dejjem anqas fiduċja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo bħala prospett ta' investiment, biex b'hekk biegħdu wkoll l-investiment u l-assistenza umanitarja; billi r-risponsi għall-appelli tan-NU favur ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo naqsu b'mod kostanti f'dawn l-aħħar ħames snin, sintomu ta' dejjem aktar għeja min-naħa tad-donaturi; billi l-instabilità istituzzjonali tista' biss taggrava din it-tendenza li diġà hija preokkupanti;

H.  billi, fil-31 ta' Diċembru 2016, intlaħaq ftehim politiku bejn il-forzi politiċi f'Kinshasa; billi dan il-ftehim jipprevedi l-ewwel trasferiment paċifiku tal-poter fil-pajjiż mill-1960, l-installazzjoni ta' gvern ta' unità nazzjonali tranżitorju, l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet qabel tmiem l-2017, u r-riżenja tal-President Kabila; billi, skont il-ftehim, il-President Kabila mhux se jkun jista' jbiddel il-kostituzzjoni biex jibqa' fil-kariga għat-tielet mandat, u se jaħtar prim ministru mill-oppożizzjoni biex jissorvelja t-tranżizzjoni;

I.  billi, fit-12 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill Ewropew adotta sanzjonijiet fil-konfront ta' seba' individwi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

Il-Gabon

J.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali saru fil-Gabon fis-27 ta' Awwissu 2016; billi l-President fil-kariga, Ali Bongo, rebaħ l-elezzjonijiet skont ir-riżultati pprovduti mill-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali, b'madwar 5 600 vot aktar mir-rivali ewlieni tiegħu, Jean Ping; billi tressaq appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Gaboniża li jallega irregolaritajiet elettorali u li jitlob l-għadd mill-ġdid tal-voti; billi, minkejja l-kritika, is-Sur Bongo (ta' 57 sena) ġie kkonfermat rebbieħ tal-elezzjonijiet presidenzjali ta' Awwissu, b'segwitu għall-għadd mill-ġdid tal-voti ordnat mill-qorti;

K.  billi kien hemm monitoraġġ tal-elezzjonijiet presidenzjali minn osservaturi internazzjonali, inkluża l-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali (MOE) tal-UE; billi, fl-analiżi tagħha tar-riżultati finali tal-elezzjonijiet presidenzjali, il-MOE identifikat anomaliji ċari, b'mod partikolari fil-provinċja minn fejn ġej il-President Bongo, Haut-Ogooué; billi l-anomaliji kkundannati jinkludu r-rifjut li jsir l-għadd mill-ġdid tal-voti u l-ħruq tal-poloz tal-votazzjoni b'reazzjoni għal talba mill-Unjoni Afrikana li ċ-ċifri tal-votazzjoni jiġu ppubblikati mqassma skont il-postijiet tal-votazzjoni;

L.  billi l-MOE kienet fil-mira ta' atti ripetuti ta' intimidazzjoni matul l-attivitajiet tagħha fil-Gabon, b'mod partikolari permezz ta' kampanja ta' malafama intensiva fl-istampa; billi l-President Bongo nnifsu kkritika b'mod qawwi l-missjoni wara li tqajmu dubji dwar ir-rebħa minima tiegħu;

M.  billi, wara li tħabbru r-riżultati elettorali, faqqgħu kunflitti bejn partitarji tal-oppożizzjoni u l-forzi tas-sigurtà fil-belt kapitali, Libreville, u fi bliet importanti oħra, li kkawżaw sebat imwiet u ħallew għexieren ta' persuni midruba, b'eluf li spiċċaw detenuti; billi l-forzi tas-sigurtà Gaboniżi attakkaw il-kwartieri ġenerali tal-kandidat tal-oppożizzjoni Jean Ping, l-aċċess għall-internet ġie maqtugħ, u qed jingħad li seħħew diversi każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem marbutin mas-sitwazzjoni politika; billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi akkużaw lill-forzi tas-sigurtà Gaboniżi bir-responsabilità għal dawk l-atti;

N.  billi l-prosekutur kap tal-Qorti Kriminali Internazzjonali ħabbret fit-30 ta' Settembru 2016 li kienet se tiftaħ inkjesta inizjali dwar it-taqlib postelettorali fil-Gabon;

O.  billi, fil-5 ta' Jannar 2017, il-President Bongo ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jlaqqa' djalogu nazzjonali mmirat lejn ir-rikonċiljazzjoni fil-pajjiż; billi l-membri tal-oppożizzjoni organizzaw huma stess konferenza f'Diċembru, fejn Jean Ping, li huwa l-mexxej tal-oppożizzjoni li ġie t-tieni fl-elezzjonijiet, introduċa lilu nnifsu bħala l-president elett u kkritika b'mod aħrax lill-gvern, waqt li ħeġġeġ lill-poplu tal-Gabon biex "jieħu f'idejh id-destin tiegħu" u ppreveda protesti ġodda;

1.  Jinsab estremament imħasseb rigward it-tnaqqis kostanti fir-rispett għall-istat tad-dritt fl-Afrika, peress li l-indiċijiet juru li s-sitwazzjoni kienet qiegħda dejjem sejra għall-agħar għal madwar 70 % tal-Afrikani matul dawn l-aħħar għaxar snin; jafferma mill-ġdid li d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija huma interkonnessi u jqawwu lil xulxin b'mod reċiproku;

2.  Ifakkar li d-dmir ewlieni ta' stat u tal-uffiċjali tiegħu huwa li jħares liċ-ċittadini tiegħu u jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu li jiggarantixxi d-dritt tal-poplu għal-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' għaqda, u għalhekk iħeġġeġ lill-uffiċjali għall-infurzar tal-liġi biex qatt ma jużaw armi tan-nar jew vjolenza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

3.  Jikkundanna l-vjolenza u l-qtil ta' ċivili fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jiddispjaċih li ħadd ma tressaq quddiem il-ġustizzja għall-inċidenti ta' Settembru; jappella biex titnieda investigazzjoni sħiħa fl-avvenimenti li rriżultaw fl-użu eċċessiv tal-forza u f'telf, b'mod li jiġi żgurat li min huwa responsabbli jiġi obbligat jagħti rendikont ta' għemilu;

4.  Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq bejn il-forzi politiċi bil-medjazzjoni tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali (CENCO) fil-31 ta' Diċembru 2016, u li nbena fuq il-ftehim politiku li ntlaħaq f'Ottubru taħt l-awspiċi tal-Unjoni Afrikana; jinkoraġġixxi lill-partiti politiċi li ma ffirmawx il-ftehim biex jagħmlu dan, u jistieden lill-partijiet ikkonċernati fil-livell politiku jaħdmu flimkien biex isolvu l-kwistjonijiet pendenti u jimplimentaw il-ftehim kompletament u rapidament, bi qbil mal-kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u mar-Riżoluzzjoni 2277(2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jisħaq fuq l-importanza li n-nisa jiġu inklużi fl-implimentazzjoni tal-ftehim;

5.  Jappella lill-awtoritajiet biex jipproċedu bl-aġġornament tar-reġistru elettorali, bl-appoġġ loġistiku u tekniku tal-Missjoni tan-NU għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO), u biex jieħdu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex joħolqu ambjent li jiffaċilita l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet liberi, ġusti u kredibbli sa mhux aktar tard minn Diċembru 2017;

6.  Ifaħħar ir-rwol kostruttiv li żvolġew l-organizzazzjonijiet reġjonali u l-pajjiżi l-oħra fir-reġjun biex jintlaħaq il-ftehim; jappella lill-Unjoni Afrikana u lid-delegazzjoni tal-UE fil-pajjiż biex jissorveljaw mill-qrib l-implimentazzjoni tal-ftehim u jagħtu assistenza jekk tintalab minnhom;

7.  Jappella lill-komunità internazzjonali u lid-donaturi internazzjonali biex jakkumpanjaw il-proċess ta' tranżizzjoni kemm fil-livell politiku u kemm f'dak finanzjarju; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu jagħtu l-assistenza tagħhom lill-poplu tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo bil-ħsieb li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-aktar komunitajiet vulnerabbli u jaffrontaw il-konsegwenzi tal-ispostament, in-nuqqas ta' sigurtà alimentari u d-diżastri naturali;

8.  Jappella lill-awtoritajiet biex jieħdu miżuri biex inaqqsu r-riskju ta' vjolenza mingħajr ma jrażżnu l-libertà ta' assoċjazzjoni; jappella lill-partiti politiċi biex jaġixxu in bona fide u jevitaw kwalunkwe azzjoni li tista' toħloq tensjonijiet;

Il-Gabon

9.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward il-vjolenza li seħħet b'segwitu għat-tħabbir tar-riżultati proviżorji tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-2016; jappella lill-partijiet ikkonċernati kollha tal-Gabon biex jużaw il-kanali stabbiliti legalment ħalli jsolvu t-tilwim kollu relatat mar-riżultat tal-elezzjonijiet, u biex juru rażan fl-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tagħhom b'mod li jevitaw l-eskalazzjoni tal-vjolenza;

10.  Jinsab konvint li, sabiex tiġi żgurata sistema demokratika aktar qawwija fil-Gabon, ikun tajjeb li jkun hemm separazzjoni reali tal-poteri bejn il-fergħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji;

11.  Jikkundanna b'qawwa l-arresti arbitrarji, id-detenzjonijiet illegali u l-intimidazzjoni politika kollha, u kull restrizzjoni fuq il-libertà ta' espressjoni, kemm qabel, kif ukoll wara l-elezzjonijiet presidenzjali; jappella biex id-dimostranti paċifiċi, il-ġurnalisti u l-avversarji politiċi kollha li ġew arrestati jinħelsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet, waqt li jfakkar li l-inkarċerazzjoni tagħhom hija direttament relatata mal-eżerċitar leġittimu tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom;

12.  Jappella lill-awtoritajiet Gaboniżi biex jiżguraw li l-forzi tas-sigurtà jaġixxu bi qbil mal-prinċipji tal-istat tad-dritt, abbażi ta' rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-denunzji kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem jiġu investigati kif jixraq u bir-reqqa u li min ikun responsabbli jitressaq quddiem il-ġustizzja;

13.  Jikkundanna kull każ ta' intimidazzjoni kontra l-membri tal-MOE tal-UE; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Gaboniżi jimplimentaw kompletament ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapport finali tal-MOE; jiddispjaċih profondament dwar il-fatt li, minkejja l-memorandum ta' qbil li ġie ffirmat mal-gvern Gaboniż, il-MOE ma tħalliet ikollha l-ebda aċċess jew tħalliet ikollha biss aċċess limitat għall-minuti uffiċjali, peress li dan kien meħtieġ biex tiġi vverifikata l-korrettezza tal-proċess elettorali presidenzjali; jikkunsidra li dan jiżvela dgħufija importanti fil-proċess elettorali tal-Gabon;

14.  Jilqa' l-isforzi ta' medjazzjoni li għamlet l-Unjoni Afrikana biex tgħin issolvi t-tilwim postelettorali, u jappella lill-pajjiżi tal-UE u tal-AKP biex, f'kollaborazzjoni mill-qrib man-NU u mal-Unjoni Afrikana, ikomplu jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni kumplessiva fil-Gabon u jirrapportaw kull każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

15.  Jemmen li l-firdiet politiċi u soċjali profondi li hemm attwalment fil-Gabon jirrikjedu rispons politiku ċar biex tiġi ppreżervata l-istabilità tal-pajjiż, tiġi ġġenerata aktar fiduċja fost iċ-ċittadini fil-Gabon, u tingħata leġittimità reali lill-istituzzjonijiet; jilqa' l-proposta tal-President Bongo biex ilaqqa' djalogu nazzjonali għar-rikonċiljazzjoni fil-pajjiż; jissottolinja li jkun tajjeb li dan id-djalogu jitmexxa in bona fide u b'mod inklużiv u kostruttiv; jiddispjaċih li Jean Ping irrifjuta li jipparteċipa f'dan id-djalogu nazzjonali;

16.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Gabon iwettaq riforma rapida u komprensiva tal-proċedura elettorali b'mod li jtejjibha u jagħmilha kompletament trasparenti u kredibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-Gabon juru r-rieda tagħhom li jikkooperaw b'mod kostruttiv mas-sħab internazzjonali, b'mod li jiżguraw li l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss jiżvolġu f'ambjent liberu u trasparenti;

17.  Jappella lill-Gvern tal-Gabon biex jirratifika u jirrispetta l-Karta Afrikana tad-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlamenti tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tal-Gabon, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u lill-gvernijiet tal-istati membri tagħha, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.