Proċedura : 2017/2510(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0125/2017

Testi mressqa :

B8-0125/2017

Dibattiti :

PV 01/02/2017 - 16
CRE 01/02/2017 - 16

Votazzjonijiet :

PV 02/02/2017 - 7.6
CRE 02/02/2017 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 430kWORD 53k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0120/2017
25.1.2017
PE598.436v01-00
 
B8-0125/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon (2017/2510(RSP))


Michèle Rivasi, Judith Sargentini, Igor Šoltes, Maria Heubuch, Bodil Valero

f'isem il-Grupp Verts/ALE

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon (2017/2510(RSP))  
B8-0125/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tat-18 ta' Mejju 2011 dwar l-isfidi għall-futur tad-demokrazija u r-rispett tal-ordni kostituzzjonali fil-pajjiżi tal-AKP u tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa min-Nazzjonijiet Uniti, mill-Unjoni Afrikana, mill-Unjoni Ewropea u mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija tas-16 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), u tal-portavuċi tagħha, dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, il-proċess elettorali u l-hekk imsejjaħ djalogu nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2016, tas-17 ta' Ottubru 2016 u tat-23 ta' Mejju 2016 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Settembru 2015 tal-Tim ta' Mibgħuta u Rappreżentanti Internazzjonali għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar tal-Afrika dwar l-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa tat-12 ta' Frar 2015 mir-Rapporteur Speċjali tal-Unjoni Afrikana dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rapporteur Speċjali tal-Unjoni Afrikana dwar il-Ħabsijiet u l-Kundizzjonijiet ta' Detenzjoni fl-Afrika dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem wara l-avvenimenti marbuta mal-emenda għal-Liġi Elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, tas-27 ta' Lulju 2015, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet tal-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-rapport intermedju, tat-28 ta' Diċembru 2016, tal-Grupp ta' Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni postelettorali fil-Gabon, adottata fl-okkażjoni tas-624 laqgħa tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana fit-13 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta' Awwissu 2016 attribwibbli lill-portavuċi tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti b'segwitu għat-tħabbir tar-riżultati elettorali provviżorji fir-Repubblika Gaboniża,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti li saru mill-portavuċi tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, Neven Mimica, dwar il-Gabon, maħruġa fil-11 u fis-17 ta' Settembru 2016, u b'segwitu għat-tħabbir mill-Qorti Kostituzzjonali Gaboniża tar-riżultati finali tal-elezzjoni presidenzjali, maħruġa fl-24 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa maħruġa mill-Unjoni Afrikana fl-1 ta' Settembru 2016 li tikkundanna l-vjolenza tal-kunflitt postelettorali fil-Gabon u tappella għar-riżoluzzjoni paċifika tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-AKP tat-2 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Gabon,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Osservatur Kap tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE fil-Gabon dwar l-eżitu tal-elezzjonijiet, prinċipalment fil-provinċja ta' Haut-Ogooué,

–  wara li kkunsidra l-missjoni elettorali tal-ġuristi Afrikani b'mandat tal-Unjoni Afrikana,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Gaboniżia,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi Elettorali tal-Gabon,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 052/CC tat-23 ta' Settembru 2016 li tiddikjara r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-President tar-Repubblika Gaboniża tas-27 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil iffirmat bejn ir-Repubblika Gaboniża u l-Unjoni Ewropea dwar il-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou, iffirmat fit-23 ta' Ġunju 2000 u rivedut fil-25 ta' Ġunju 2005 u fit-22 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi kemm il-Gabon kif ukoll ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo ħabbtu wiċċhom ma' kriżijiet kbar marbuta mal-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali;

B.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo kellhom isiru fl-2016, iżda ġew posposti b'kull mezz possibbli sabiex il-President Kabila jibqa' fil-poter;

C.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Gabon ġew organizzati f'Awwissu 2016 u l-President Bongo ddikjara r-rebbieħ, għad li kien hemm dubji qawwijin dwar ir-riżultati fir-reġjun li minnu joriġina Bongo, Haut-Ogooué, li xaqleb ir-riżultat uffiċjali wara li l-avversarju Ping kien rebaħ fir-reġjuni l-oħra kollha;

D.  billi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo l-kriżi kostituzzjonali għadha qed tiġi akkumpanjata minn repressjoni brutali tal-oppożizzjoni, vessazzjonijiet fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, qtil u swat tad-dimostranti, għajbien, detenzjonijiet f'iżolament u repressjoni tal-mezzi tal-komunikazzjoni;

E.  billi l-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fil-pajjiż ġiet ferm limitata, inkluż bl-użu eċċessiv tal-forza kontra dimostranti paċifiċi, ġurnalisti, mexxejja politiċi u persuni oħra li jopponu t-tentattivi tal-President Kabila li jibqa' fil-poter oltre l-limitu ta' żewġ mandati;

F.  billi fil-kapitali Kongoliża, Kinshasa, il-forzi tas-sigurtà sparaw u qatlu almenu 20 dimostrant li kienu niżlu bi ħġarhom fit-toroq biex jesiġu r-riżenja ta' Kabila wara li skadielu l-mandat kostituzzjonali tiegħu;

G.  billi l-protesti f'Settembru 2016 kontra l-fatt li l-President Kabila jibqa' fil-poter wasslu għal repressjoni brutali tad-dimostranti u tal-forzi tal-oppożizzjoni; billi n-NU rrappurtaw 422 vittma ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'Kinshasa minn aġenti tal-Istat, inklużi l-qtil ta' 48 persuna u t-tidrib ta' 143 persuna, l-arrest u d-detenzjoni illegali ta' tmien ġurnalisti u ta' 288 persuna oħra, u l-ħerba ta' binjiet tal-partiti politiċi;

H.  billi fil-31 ta' Diċembru 2016 il-partit Kongoliż fil-poter, l-Alleanza tal-Maġġoranza Presidenzjali (AMP), u l-koalizzjoni tal-oppożizzjoni prinċipali, ir-Raggruppament tal-Forzi għall-Bidla Soċjali u Politika (Raggruppament), iffirmaw ftehim politiku storiku, wara taħditiet bil-medjazzjoni tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali tal-Kongo, li ddelinja soluzzjoni politika għall-kriżi elettorali; billi l-ftehim jestendi l-mandat tal-President Kabila sal-elezzjoni ta' suċċessur qabel tmiem l-2017;

I.  billi n-negozjati bejn il-partit fil-poter u l-partiti fl-oppożizzjoni jeħtieġu li jkomplu skont il-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim;

J.  billi fil-Gabon, l-osservaturi elettorali tal-UE kellhom biss aċċess limitat għad-dokumenti tal-vot u lmentaw dwar anomaliji ċari u d-dgħufija tas-sistema elettorali; billi l-missjoni kienet il-bersall ta' atti ripetuti ta' intimidazzjoni, partikolarment fil-forma ta' kampanja intensa ħafna ta' malafama fl-istampa, u kellha wkoll tħabbat wiċċha ma' theddid u pressjoni notevoli mill-awtoritajiet Gaboniżi, li rrikorrew għal appell u wettqu investigazzjoni tax-xogħol li għamlet il-missjoni ta' osservazzjoni elettorali bit-tir li r-rapport tal-missjoni jitneħħielu kull krettu;

K.  billi kemm l-UA kif ukoll il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali appellaw għall-pubblikazzjoni tar-riżultati ta' kull post tal-votazzjoni;

L.  billi l-awtoritajiet Gaboniżi ma laqgħux din it-talba u, għall-kuntrarju, inħarqu l-poloz tal-vot, fatt li għamel diffiċli ħafna l-verifika tar-riżultati elettorali uffiċjali;

M.  billi l-Qorti Kostituzzjonali, taħt il-presidenza ta' familjari ta' Ali Bongo, ir-rebbieħ uffiċjali tal-elezzjoni, iddikjarat validu r-riżultat elettorali uffiċjali;

N.  billi, skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, il-kriżi postelettorali ġabet magħha deterjorament konsiderevoli tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gabon, ikkaratterizzata minn żieda fil-vjolenza fost il-popolazzjoni ċivili, arresti mmirati mill-awtoritajiet u attakki fuq il-libertà tal-istampa, bħal dik li sofriet il-gazzetta tal-oppożizzjoni "Échos du Nord" fit-3 ta' Novembru 2016;  

O.  billi l-proklamazzjoni tar-riżultati preliminari qanqlet dimostrazzjonijiet fiż-żewġt ibliet prinċipali tal-Gabon, Libreville u Port-Gentil, u faqqgħet il-vjolenza li damet diversi ġranet;

P.  billi d-dimostranti ħarqu l-istazzjon televiżiv tal-parlament u tal-gvern;

Q.  billi l-forzi tas-sigurtà Gaboniżi użaw il-forza kontra d-dimostranti, bil-konsegwenza li kien hemm ħames vittmi (skont xi sorsi 100), assaltaw is-sede tal-oppożizzjoni u pproċedew b'bosta arresti, b'għexieren ta' nies baqgħu taħt kustodja diversi ġimgħat wara;

R.  billi l-forzi tas-sigurtà Gaboniżi kienu użaw preċedentement il-forza kontra d-dimostranti paċifiċi, pereżempju fit-23 ta' Lulju 2016, meta arrestaw l-attivisti tas-soċjetà ċivili u l-politiċi tal-oppożizzjoni;

1.  Jikkundanna l-ksur gravi tal-istat tad-dritt, inklużi d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar l-iżvolġiment tal-elezzjonijiet, li seħħew kemm fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo kif ukoll fil-Gabon;

2.  Ifakkar id-dispożizzjonijiet rilevanti, fost l-oħrajn, tal-Att Kostituttiv tal-Unjoni Afrikana, il-Protokoll dwar l-Istabbiliment tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà u l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza;

3.  Iqis li l-manipulazzjonijiet ikkonstatati kellhom l-uniku tir li jħallu lill-Presidenti Kabila u Bongo jibqgħu fil-poter;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenzi kollha kommessi, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-arresti arbitrarji u d-detenzjonijiet illegali, l-intimidazzjoni politika tas-soċjetà ċivili u tal-membri tal-oppożizzjoni, kif ukoll il-ksur tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni kommess qabel u wara l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Gabon u f'dawn l-aħħar sentejn fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jappella sabiex jinħelsu d-detenuti politiċi kollha; iqis li tali żviluppi jikkostitwixxu ksur gravi tal-valuri fundamentali tal-Ftehim ta' Cotonou;

5.  Jilqa' favorevolment il-ftehim politiku li ntlaħaq bejn il-partiti Kongoliżi, li jiddelinja soluzzjoni għall-kriżi attwali; għadu inkwetat, madankollu, dwar ir-rieda tal-President Kabila u tal-partit tiegħu fil-gvern li jimplimentaw fedelment il-ftehim;

6.  Iħeġġeġ lill-President Kabila, għalhekk, jirrispetta t-termini tal-ftehim u jippermetti l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali fl-2017, li għalihom mhuwiex se joħroġ bħala kandidat;

7.  Iħeġġeġ lill-AMP jinnegozja in bona fide l-implimentazzjoni tal-ftehim u ma jużax tattiki dilatorji li jkunu jippermettu lill-President Kabila jibqa' fil-poter għal żmien itwal;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern Kongoliż jindirizza immedjatament il-kwistjonijiet miftuħa relatati mas-sekwenza tal-kalendarju elettorali, il-baġit tiegħu u l-aġġornament tar-reġistru elettorali sabiex jippermetti li jsiru elezzjonijiet liberi, ġusti u trasparenti fix-xhur li ġejjin;

9.  Jistieden lill-UE ssegwi mill-qrib il-proċess ta' preparazzjoni tal-elezzjonijiet u, jekk neċessarju, tniedi n-negozjati mal-Gvern Kongoliż f'konformità mal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou;

10.  Ifakkar li l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti għandha tkun istituzzjoni imparzjali u inklużiva b'riżorsi suffiċjenti li jippermettu proċess trasparenti u komprensiv;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi u Gaboniżi jirratifikaw il-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza malajr kemm jista' jkun;

12.  Jiddispjaċih li, għall-kuntrarju tat-termini maqbula, il-ħidma tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE fil-Gabon ġiet ostakolata bil-kbir;

13.  Ifakkar fl-impenji li ħadu r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-Gabon fl-ambitu tal-Ftehim ta' Cotonou li jirrispettaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà tal-espressjoni u tal-mezzi ta' komunikazzjoni, il-governanza t-tajba u t-trasparenza fil-karigi politiċi; iħeġġeġ liż-żewġ gvernijiet jirrispettaw dawn id-dispożizzjonijiet bi qbil mal-Artikoli 11b, 96 u 97 tal-Ftehim ta' Cotonou;

14.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kongoliżi u Gaboniżi jerġgħu jġibu lura ambjent favorevoli għall-eżerċizzju liberu u paċifiku tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda u l-libertà tal-istampa u jwaqqfu l-vessazzjonijiet fil-konfront tal-forzi u tal-mexxejja tal-oppożizzjoni;

15.  Iqis dan il-pass ta' importanza assoluta sabiex l-elezzjonijiet ipprogrammati jkunu liberi u ġusti;

16.  Jistieden lill-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi jinvestigaw, jipproċessaw u jissanzjonaw b'mod xieraq l-uffiċjali tal-forza tas-sigurtà u uffiċjali tal-intelligence u persuni oħra responsabbli għar-repressjoni vjolenti u illegali fil-konfront tal-attivisti, tal-mexxejja tal-oppożizzjoni u ta' dawk li opponew it-tentattivi tal-President Kabila li jestendi ż-żmien tiegħu fil-poter jew li pprotestaw kontra l-President Bongo;

17.  Jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jinvestiga l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew dan l-aħħar fiż-żewġ pajjiżi;

18.  Jistieden lill-UE tiddikjara b'mod ċar u mingħajr ambigwità li tqis illeġittimu l-President Kabila u tagħmel dak kollu possibbli biex issostni l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali fl-2017; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-UE li timponi miżuri restrittivi fil-konfront ta' membri tal-forzi tas-sigurtà Kongoliżi, imma jiddispjaċih li l-UE stenniet daqshekk żmien qabel ma imponiet l-ewwel sanzjonijiet; jistieden lill-UE testendi dawn il-miżuri għall-membri l-oħra tal-forzi tas-sigurtà involuti fi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u tikkunsidra l-possibilità li tadotta l-istess tip ta' miżuri fil-konfront tal-membri tal-forzi tas-sigurtà Gaboniżi;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankfonija, lill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tal-Gabon kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza