Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0126/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0126/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon

25.1.2017 - (2017/2510(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Mariya Gabriel, Bogdan Brunon Wenta, Michael Gahler, György Hölvényi, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Anna Záborská, Joachim Zeller, Željana Zovko, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Ádám Kósa, Adam Szejnfeld, Krzysztof Hetman, Tadeusz Zwiefka, Ivo Belet, Paul Rübig f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0120/2017

Proċedura : 2017/2510(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0126/2017

B8-0126/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon

(2017/2510(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tat-18 ta' Di§embru 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, dwar in-nuqqas li jintlaħaq ftehim fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' novembru 2016 tal-kelliem tal-VP/RGħ dwar il-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2016 u tas-17 ta' Ottubru 2016 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet lokali tal-UE tat-2 ta' Awwissu 2016 u tal-24 ta' Awwissu 2016 dwar il-proċess elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo wara t-tnedija tad-djalogu nazzjonali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2293(2016) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet fuq ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti u r-riżoluzzjoni 2277(2016), li ġeddet il-mandat tal-Organizzajoni tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO),

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta Lulju 2016 u tal-21 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, tas-27 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Marzu 2016 dwar l-Oranizzazzjoni tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Reġjun,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa tas-16 ta' Frar 2016 u tal-5 ta' Ġunju 2016 tal-Unjoni Afrikana, tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Unjoni Ewropea u tal-Organizzazzjoni Internazzjonali La Francophonie dwar il-ħtieġa ta' djalogu politiku inklużiv fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-impenn tagħhom li jappoġġaw atturi Kongoliżi fl-isforzi tagħhom għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Reġjun, li ġie ffirmat f'Addis Ababa fi Frar 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Unjoni Ewropea (MOE),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fl-24 ta' Settembru 2016 tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica, wara li l-Qorti Kostituzzjonali Gaboniża ħabbret ir-riżultati uffiċjali tal-elezzjoni presidenzjali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Gabon maħruġa mill-kelliem għall-VP/RGħ fil-11 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa maħruġa mill-Unjoni Afrikana fl-1 ta' Settembru 2016 li tikkundanna l-vjolenza tal-kunflitt postelettorali fil-Gabon u tappella għar-riżoluzzjoni paċifika tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2015, li ġie adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-22 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp il-Programm Indikattiv Nazzjonali 2014-2020 li jagħti prijorità lit-tisħiħ tad-demokrazija, il-governanza u l-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kongoliża u Gaboniża,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi numru ta' mexxejja politiċi Afrikani ppruvaw jibqgħu fil-poter aktar milli suppost, minkejja l-limiti kostituzzjonali, il-proċessi elettorali dubjużi jew il-protesti popolari qawwija, li xeħtu lill-pajjiżi tagħhom f'perjodu mtawwal ta' kriżi u instabilità;

B.  billi aktar reċentement, Ali Bongo, il-President uxxenti Gaboniż, li ilu fil-poter sa mill-mewt ta' missieru, Omar Bongo, fl-2009, kien dikjarat rebbieħ tal-elezzjoni presidenzjali tal-2016; billi l-osservaturi internazzjonali, u b'mod partikolari l-MOE tal-Unjoni Ewropea, identifikaw anomaliji ċari fil-ġbir tar-riżultati;

C.  billi Jean Ping, il-kompetitur ewlieni tiegħu, immedjatament ikkontesta u kkundanna dan ir-riżultat; billi tressaq rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li jallega li kien hemm irregolaritajiet elettorali u li jitlob li l-voti jerġgħu jingħaddu, liema Qorti eventwalment ikkonfermat ir-riżultat; billi, madankollu, l-eżami tal-appell ma neħħiex id-dubji kollha dwar l-eżitu tal-elezzjoni presidenzjali;

D.  billi, wara r-riżultat, seħħew dimostrazzjonijiet fit-toroq madwar il-pajjiż u dawn kienu mrażżna bl-użu tal-vjolenza; billi l-kriżi post-elettorali wasslet għal tħassir sinifikanti tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gabon, ikkaratterizzata b'żieda f'arresti immirati mill-awtoritajiet u minn vjolenza fost il-popolazzjoni ċivili, li ħalliet numru ta' nies mejta;

E.  billi l-President Kongoliż Joseph Kabila, li ilhu fil-poter sa mill-2001, ippospona l-elezzjoni u baqa' fil-poter lil hinn mit-tmiem tal-mandat kostituzzjonali tiegħu; billi dan ħoloq tensjoni politika mingħajr preċedent, kunflitti u vjolenza madwar il-pajjiż, li ħolqu l-mewt ta’ ħafna;

F.  billi, konsegwentement, l-uffiċjali tas-sigurtà u tal-intelligence Kongoliżi wettqu azzjonijiet ripressivi fuq il-membri tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili li jopponu l-awtoritajiet fil-poter; billi l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem jirrapportaw b'mod kontinwu dwar is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-espressjoni u ta' għaqda fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi, arresti u detenzjonijiet arbitrarji u proċessi politikament motivati;

G.  billi, f’Diċembru 2016, eskalat il-vjolenza wara d-data ta' skadenza tal-mandat tal-President Kabila, li wasslet għall-imwiet ta’ għexieren ta’ persuni f’kunflitti bejn id-dimostranti u l-forzi tas-sigurtà;

H.  billi s-sitwazzjoni marret għall-agħar minħabba l-persistenza u l-konsolidazzjoni tal-impunità fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

I.  billi, fiż-żewġ pajjiżi, kien hemm deterjorament serju fir-rigward tal-libertà tal-midja, li hija limitata minn theddid u attakki kontinwi kontra l-ġurnalisti; billi ngħalqu kumpaniji tal-midja u l-istazzjonijiet tar-radju mill-awtoritajiet, u daħlu fis-seħħ restrizzjonijiet fuq l-internet u n-netwerks soċjali;

J.  billi t-twettiq fil-paċi, trasparenti u xierqa fl-elezzjonijiet presidenzjali f'dawn il-pajjiżi kienet tikkontribwixxi bil-qawwi biex tkun indirizzata l-isfida tal-progress demokratiku u l-alternanza tal-poter iffaċċjat mir-reġjun tal-Afrika Ċentrali;

K.  billi l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp tal-Programm Indikattiv Nazzjonali 2014-2020 jagħti prijorità lit-tisħiħ tad-demokrazija, il-governanza u l-istat tad-dritt, billi kemm l-UE kif ukoll l-imsieħba Afrikani għandhom interess komuni kbir fl-iżvilupp kontinwu ta’ demokrazija u fl-istabbiliment ta’ kostituzzjonaliżmu li jiffunzjona tajjeb;

Il-Gabon

1.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-kriżi politika fil-Gabon u l-vjolenza li kull ma jmur qed isseħħ bejn id-dimostranti u l-forzi tas-sigurtà wara l-proklamazzjoni tar-riżultati preliminari tal-elezzjoni presidenzjali tal-2016;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenzi kollha kommessi, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-arresti arbitrarji u d-detenzjonijiet illegali, l-intimidazzjoni politika tas-soċjetà ċivili u tal-membri tal-oppożizzjoni, kif ukoll il-ksur tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni kommess qabel u wara l-elezzjonijiet presidenzjali; jappella sabiex jinħelsu d-detenuti politiċi kollha;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Gaboniżi jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-istampa, b'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Gabon;

4.  Jappella lill-atturi politiċi kollha u lill-awtoritajiet ġudizzjarji li bħalissa huma involuti fil-kontroversja post-elettorali biex juru responsabbiltà u rażan u, b’mod partikolari, biex joqgħodu lura mill-inċitament għall-vjolenza;

5.  Jiddeplora l-fatt li l-proċedura ta’ appell li wasslet biex Ali Bongo jiġi ddikjarat bħala r-rebbieħ tal-elezzjoni, tmexxiet b’mod xejn trasparenti, u li l-Qorti Kostituzzjonali naqset milli tieħu kont debitu tal-irregolaritajiet innotati f'xi provinċji, b’mod partikolari, fl-Haut-Ogooué l-fewdu ta’ Ali Bongo;

6.  Iqis li r-riżultati uffiċjali tal-elezzjoni presidenzjali mhumiex trasparenti u huma dubjużi ferm, u dan wassal biex tqajmu dubji dwar il-leġittimità tal-President Bongo; jiddispjaċih li l-klassi fil-poter Gaboniża tilfet l-opportunità offruta mill-elezzjoni presidenzjali biex turi lill-komunità internazzjonali li hija kapaċi torganizza elezzjoni miftuħa u ġusta u jġib ruħu bl-akbar responsabbiltà matul proċess elettorali;

7.  Jitlob, għalhekk, li l-kwistjoni tal-għadd mill-ġdid titressaq mhux biss quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, iżda anke quddiem l-Unjoni Afrikana u n-NU; jitlob it-tnedija tal-missjoni postelettorali tal-Unjoni Afrikana, li inizjalment kienet skedata għal Settembru 2016;

8.  Jiddispjaċih ħafna għall-fatt li, minkejja li l-memorandum ta’ ftehim iffirmat mal-Gvern Gaboniż, l-MOE tal-UE ngħatat biss aċċess limitat għall-għadd tal-vot ċentralizzat fil-kummissjonijiet elettorali lokali (LECs) fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali (CENAP) f'Libreville, u aktar tard għall-proċedura ta’ appell kostituzzjonali, u li dan żamm lill-MOE tal-UE milli jiċċekkja l-leġittimità tal-proċess elettorali presidenzjali;

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-intimidazzjoni u t-theddid li ġarrbu l-membri tal-MOE tal-Unjoni Ewropea u l-attakki kontra n-newtralità u t-trasparenza tal-MOE, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Gaboniżi jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-Rapport Finali tal-MOE tal-UE;

10.  Jirrimarka li oppożizzjoni libera hija fundamentali għal kull sistema demokratika kif ukoll għaż-żamma ta’ elezzjonjiet ġusti; jappella lill-awtoritajiet Gaboniżi biex irawmu u jiffaċilitaw ambjent politiku parteċipatorju, b'aktar minn partit wieħed;

11.  Jinnota t-tnedija ta’ djalogu nazzjonali, kif propost minn Ali Bongo, fl-14 ta’ Novembru 2016; jindika, madankollu, li l-figura prominenti tal-oppożizzjoni, Jean Ping, qed jirrifjuta li jieħu sehem u jinsab ħerqan li jniedi djalogu nazzjonali tiegħu stess; jesprimi riżervi, għalhekk, dwar il-kredibilità u r-rilevanza ta' dawn il-proċessi, u jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal proċedura ta' konċiljazzjoni miftuħa u trasparenti biex tintemm il-kriżi ta' wara l-elezzjoni;

12.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Gabon iwettaq riforma dettaljata u rapida tal-proċedura elettorali b'mod li jtejjibha u jagħmilha kompletament trasparenti u kredibbli; jenfasizza li l-awtoritajiet Gaboniżi għandhom jiggarantixxu l-kooperazzjoni sħiħa u sinċjiera mal-partijiet interessati rilevanti nazzjonali u internazzjonali biex jiżguraw li l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss ikunu trasparenti u ġusti u biex iseħħu f’ambjent liberu, demokratiku, inklużiv u paċifiku;

13.  Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u oġġettiva dwar il-vjolenza relatata mal-elezzjonijiet u l-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawk kollha misjuba responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jitlob, barra minn hekk, lill-UE biex, b’kollaborazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana, tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni ġenerali fil-Gabon u biex tirrapporta l-każijiet kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; jieħu nota tal-ftuħ, fuq it-talba tal-awtoritajiet Gaboniżi, ta' inkjetsa preliminari fil-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar il-vjolenza post-elettorali;

14.  Jappella lill-Kunsill jikkunsidra l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet immirati kontra dawk responsabbli għall-vjolenza ta’ wara l-elezzjoni u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u intiżi biex jiddgħajjef il-proċess demokratiku fil-pajjiż;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

15.  Jiddeplora n-nuqqas tal-Gvern Kongoliż milli jorganizzaw l-elezzjoni presidenzjali fi żmien l-iskadenza kostituzzjonali; itenni l-appell tiegħu għall-organizzazzjoni b'suċċess u f'waqtha tal-elezzjonijiet, f'konformità sħiħa mal-Kostituzzjoni Kongoliża u mal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, u jinsisti fuq ir-responsabbiltà tal-Gvern Kongoliż li jiggarantixxi ambjent li jwassal għal elezzjonijiet trasparenti, kredibbli u inklużivi mill-aktar fis possibbli;

16.  Iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha jinvolvu ruħhom fi djalogu paċifiku u kostruttiv u jipprevjenu kull deterjorament tal-kriżi politika attwali jew joqogħdu lura minn aktar vjolenza u provokazzjonijiet;

17.  Jilqa' l-isforzi tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali tal-Kongo (CENCO) biex jissawwar kunsens usa' dwar tranżizzjoni politika; jieħu nota tal-ftehim li ntlaħaq fl-aħħar ta’ Diċembru 2016 li jiċħad it-tielet mandat lill-President Kabila u jappella li l-elezzjoni sseħħ qabel tmiem l-2017;

18.  Itenni tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li sejra għall-agħar, iż-żieda tar-restrizzjoni tal-ispazju politiku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u, l-intimidazzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi u l-ġurnalisti; jikkundanna kwalunkwe repressjoni brutali ta’ dimostranti paċifiċi;

19.  Jinsisti fuq l-obbligu tal-gvern li jirrispetta, jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tagħha; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda hija l-bażi ta' ħajja politika u demokratika dinamika, u jenfasizza li għandu jkun pprojbit kwalunkwe użu ta' forza kontra dimostrazzjonijiet paċifiċi;

20.  Iħeġġeġ li ssir investigazzjoni sħiħa, bir-reqqa u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet tal-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew waqt il-protesti sabiex dawk responsabbli jiġu identifikati u jkollhom jagħtu rendikont ta' għemilhom;

21.  Jilqa' l-adozzjoni tas-sanzjonijiet immirati tal-UE, inklużi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi, kontra dawk responsabbli għat-trażżin vjolenti u għad-destabbilizzazzjoni tal-proċess demokratiku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra li jestendi dawn il-miżuri restrittivi f'każ li l-vjolenza tkompli;

22.  Jitlob lid-Delegazzjoni tal-UE ibqa’ ssegwi mill-qrib l-iżviluppi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

°

°  °

23.  Jenfasizza li s-sitwazzjoni fil-Gabon u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo toħloq theddida serja għall-istabilità tar-reġjun tal-Afrika Ċentrali kollu kemm hu; itenni l-appoġġ tiegħu għar-rwol kruċjali tal-Unjoni Afrikana fil-prevenzjoni ta’ kriżi politika fir-reġjun u fi kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tal-Gabon, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.