Proċedura : 2016/3017(DEA)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0139/2017

Testi mressqa :

B8-0139/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/02/2017 - 7.8
CRE 15/02/2017 - 7.8

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 421kWORD 52k
7.2.2017
PE598.456v01-00
 
B8-0139/2017

imressqa skont l-Artikolu 105(4) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru …/... tal-1 ta' Diċembru 2016 li jissuplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-applikazzjoni ta' limiti ta' pożizzjoni għal derivattivi ta' komoditajiet (C(2016)04362) (2016/3017(DEA))


Anneliese Dodds f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru …/... tal-1 ta' Diċembru 2016 li jissuplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-applikazzjoni ta' limiti ta' pożizzjoni għal derivattivi ta' komoditajiet (C(2016)04362) (2016/3017(DEA))  
B8-0139/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru .../... tal-1 ta' Diċembru 2016 li jissuplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-applikazzjoni ta' limiti ta' pożizzjoni għal derivattivi ta' komoditajiet (C(2016)04362),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/65/UE tal-15 ta' Mejju 2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE(1), b'mod partikolari l-Artikolu 57(3)(12) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(2),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-summit f'Pittsburgh tal-25 ta' Settembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2009 intitolata "Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar" (COM(2009)0591),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2011 intitolata "Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima" (COM(2011)0025),

–  wara li kkunsidra l-komunikat tal-ministri tal-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G20 tal-15 ta' April 2011,

–  Wara kkunsidra l-Prinċipji għar-Regolamentazzjoni u s-Superviżjoni tas-Swieq tad-Derivattivi tal-Komoditajiet tal-11 ta' Settembru 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-27 ta' Novembru 2015 mibgħuta mir-rapporteur tiegħu u l-president tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu lill-Kummissarju Hill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-mexxejja tal-G20 ltaqgħu f'Pittsburgh fl-24u l-25 ta' Settembru 2009, b'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja, u impenjaw ruħhom biex itejbu r-regolamentazzjoni, il-funzjonament u t-trasparenza tas-swieq finanzjarji u tal-komoditajiet biex jindirizzaw il-volatilità eċċessiva tal-prezz tal-komoditajiet;

B.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2009 intitolata "Katina tal-Provvista Alimentari fl-Ewropa li Taħdem Aħjar" irrikonoxxiet li matul dawn l-aħħar snin kien hemm fluttwazzjoni kbira fil-prezzijiet tul il-katina tal-provvista alimentari u dawn il-bidliet ikkawżaw tbatija konsiderevoli għall-produtturi agrikoli, u li l-konsumaturi mhumiex qed jirċievu trattament ġust, u għalhekk irrakkomandat li r-regolaturi jkunu jistgħu jistabbilixxu limiti ta' pożizzjoni bi tpattija għall-movimenti sproporzjonati tal-prezzijiet jew tal-konċentrazzjonijiet ta' pożizzjonijiet spekulattivi sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effiċjenti ta' dawn is-swieq;

C.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2011 intitolata "Naffrontaw l-Isfidi fis-Swieq tal-Prodotti Bażiċi u dawk marbuta mal-Materja Prima" irrikonoxxiet bl-istess mod li s-swieq tal-komoditajiet żdiedu fil-livell ta' volatilità u ta' movimenti tal-prezzijiet f'dawn l-aħħar snin, b'bidliet qawwija fil-prezzijiet fis-swieq tal-komoditajiet ewlenin kollha li ġew riflessi fil-prezzijiet għall-konsumatur, u li xi drabi wasslu għal deprivazzjoni u ferment soċjali; Billi, għaldaqstant, il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi esplorata l-ħtieġa kemm ta' informazzjoni iktar sistematika u dettaljata dwar l-attivitajiet ta' negozju ta' tipi differenti ta' parteċipanti fis-suq f'derivattivi ta' komodità, kif ukoll ta' ħarsa iktar komprensiva min-naħa tar-regolaturi tal-pożizzjonijiet tad-derivattivi ta' komodità, inkluża l-ħtieġa li jiġu imposti limiti ta' pożizzjoni meta dan ikun neċessarju;

D.  billi l-komunikat tal-ministri tal-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G20 tal-15 ta' April 2011, laqa' l-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jindirizzaw il-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet fis-swieq alimentari u agrikoli, u l-impatt tagħha fuq is-sigurtà alimentari, u talab lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) tiffinalizza r-rakkomandazzjonijiet dwar ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni f'dan il-qasam, partikolarment sabiex jiġu indirizzati l-abbużi u l-manipulazzjoni tas-suq, inkluża l-awtorità li trid tistabbilixxi limiti ta' pożizzjoni ex ante fejn xieraq;

E.  billi l-Prinċipji għar-Regolamentazzjoni u s-Superviżjoni tas-Swieq tad-Derivattivi tal-Komoditajiet tal-IOSCO tal-11 ta' Settembru 2011 jiddikjaraw bħala wieħed mill-objettivi ewlenin tagħhom li s-swieq għandhom ikunu ġusti, effiċjenti u trasparenti, u li dan għandu jinkiseb permezz ta' obbligu li s-sistemi tan-negozjar ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni regolatorja u sorveljanza kontinwa, li r-regolamentazzjoni titfassal b'tali mod li tidentifika u tevita l-manipulazzjoni u prattiki kummerċjali inġusti oħra, u li r-regolamentazzjoni jkollha l-għan li tiżgura l-ġestjoni xierqa tal-isskoperturi l-kbar, tar-riskju ta' inadempjenza u tat-tfixkil fis-suq; billi l-IOSCO għalhekk irrakkomandat li l-awtoritajiet tas-suq għandu jkollhom u għandhom jużaw setgħat formali ta' ġestjoni tal-pożizzjonijiet, inkluża s-setgħa li jistabbilixxu limiti ta' pożizzjoni ex ante;

F.  billi d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (MiFID II) tintroduċi reġim ġdid u armonizzat ta' limiti ta' pożizzjoni għal kuntratti tad-derivattivi b'rabta mal-komoditajiet, u dan jirrifletti l-implimentazzjoni, min-naħa tal-UE, tal-impenji tal-G20 li ttieħdu f'Pittsburgh fl-2009;

G.  billi l-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/65/UE jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu u japplikaw limiti ta' pożizzjoni fuq id-daqs ta' pożizzjoni netta li persuna jista' jkollha f'kull ħin f'derivattivi tal-komoditajiet innegozjati f'ċentri tan-negozjar u ekonomikament ekwivalenti għal kuntratti barra l-Borża (OTC), sabiex jiġi evitat l-abbuż tas-suq, u jiġu appoġġati kundizzjonijiet xierqa ta' pprezzar u saldu, inkluża l-prevenzjoni ta' pożizzjonijiet li joħolqu distorsjoni fis-suq;

H.  billi l-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/65/UE jagħti s-setgħa lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) biex tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, u jiddelega s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta dawn l-istandards, sabiex tiddetermina l-metodoloġija għall-kalkolu li l-awtoritajiet kompetenti jridu japplikaw fl-istabbiliment tal-limiti ta' pożizzjoni tax-xahar spot u l-limiti ta' pożizzjoni tax-xhur l-oħra għal derivattivi tal-komodità ssaldati b'mod fiżiku u fi flus likwidi abbażi tal-karatteristiċi tad-derivattiv rilevanti;

I.  billi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru …/... tal-1 ta' Diċembru 2016 li jissuplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi l-l-metodoloġija għall-kalkolu tal-limiti ta' pożizzjoni;

J.  billi din il-metodoloġija tistabbilixxi ċifra ta' referenza għal-limitu ta' pożizzjoni tax-xahar spot f'derivattiv tal-komodità ta' 25 % tal-provvista konsenjabbli għal dak id-derivattiv tal-komodità, u għax-xhur l-oħra tistabbilixxi limitu ta' pożizzjoni ta' 25 % tal-interess miftuħ f'dak id-derivattiv ta' komodità, u mbagħad tippermetti li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu l-limiti ta' pożizzjoni tax-xahar spot u tax-xhur l-oħra għal derivattiv tal-komodità billi jieħdu dik iċ-ċifra ta' referenza u jaġġustawha, skont l-impatt potenzjali ta' ċerti fatturi, għal minimu ta' 5 % sa massimu ta' 35 %;

K.  billi l-metodoloġija tinkludi deroga għal kwalunkwe kuntratt tad-derivattivi b'sottostanti li jikkwalifika bħala ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem, b'interess miftuħ ikkombinat totali fil-kuntratti tax-xahar spot u tax-xhur l-oħra li jammonta għal iktar minn 50 000 lott fuq perjodu ta' tliet xhur konsekuttivi; billi għal dawn il-kuntratti, iċ-ċifra ta' referenza proposta għal-limiti ta' pożizzjoni tax-xahar spot hija ta' 20 %, u tvarja minn 2,5 % għal 35 %;

L.  billi apparagun tar-reġim ta' limiti ta' pożizzjoni fis-seħħ fl-Istati Uniti, fejn 25 % huwa l-limitu massimu u mhux iċ-ċifra ta' referenza, u fejn il-limiti ta' pożizzjoni huma 10 - 15 %, il-metodoloġija proposta għal-limiti ta' pożizzjoni tal-UE hija permissiva ħafna;

M.  billi fir-rigward tal-kuntratti alimentari l-iktar sensittivi u likwidi ħafna, ċifra ta' referenza ta' 20 % ma tissodisfax l-objettiv imsemmi fid-Direttiva 2014/65/UE li jiġi evitat l-abbuż tas-suq u li jiġu appoġġati l-kundizzjonijiet xierqa ta' pprezzar u saldu, u għalhekk ma twassalx biex l-UE tissodisfa l-impenji li daħlu għalihom il-mexxejja tal-G20 fl-2009;

N.  billi t-tim tan-negozjati tal-Parlament għamilha ċara, fl-ittra tiegħu tas-27 ta' Novembru 2015, li kellu tħassib sinifikanti rigward l-abbozz tal-Istandards Tekniċi Regolatorji kif prodott mill-ESMA, fir-rigward taċ-ċifra ta' referenza u għadd ta' oqsma oħra;

O.  billi l-Parlament jirrikonoxxi li wħud minn dawn il-punti ta' tħassib ġew indirizzati, iżda mhux b'mod suffiċjenti biżżejjed biex ir-Regolament Delegat jiġi kkunsidrat li jilħaq l-objettivi ambizzjużi tal-leġiżlazzjoni oriġinali;

P.  billi għandu jkun possibbli li l-Kummissjoni tagħmel emendi addizzjonali għall-abbozz tar-Regolament Delegat sabiex tindirizza t-tħassib indikat fl-ittra tal-Parlament, mingħajr il-ħtieġa ta' kwalunkwe dewmien fl-implimentazzjoni ġenerali tad-Direttiva 2014/65/UE, li għandha tidħol fis-seħħ fit-3 ta' Jannar 2018; billi jekk il-Kummissjoni tagħmel dawn il-bidliet, il-Parlament, bla ma jirrinunzja għar-rwol ta' skrutinju tiegħu, jikkunsidra l-possibilità li jaċċelera l-proċedura ta' approvazzjoni għal test emendat;

1.  Joġġezzjona għar-regolament delegat tal-Kummissjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u jinnotifikaha li r-regolament delegat ma jistax jidħol fis-seħħ;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta att delegat ġdid li jikkunsidra t-tħassib imsemmi hawn fuq:

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)

ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

Avviż legali - Politika tal-privatezza