Proċedura : 2017/2525(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0145/2017

Testi mressqa :

B8-0145/2017

Dibattiti :

PV 15/02/2017 - 4
CRE 15/02/2017 - 4

Votazzjonijiet :

PV 15/02/2017 - 7.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 431kWORD 55k
8.2.2017
PE598.471v01-00
 
B8-0145/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra  (2017/2525(RSP))


Tiziana Beghin, William (The Earl of) Dartmouth, David Borrelli, Marco Valli, Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Laura Agea, Marco Zullo, Dario Tamburrano, Piernicola Pedicini, Rosa D’Amato, Isabella Adinolfi, Eleonora Evi, Daniela Aiuto, Laura Ferrara f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra  (2017/2525(RSP))  
B8-0145/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 li fiha r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Kanada(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali UE-Kanada(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport "A Critical Assessment of the Proposed Comprehensive Economic and Trade Agreement Between the European Union and Canada - A joint position of the European Federation of Public Service Unions (EPSU) and the Canadian Union of Public Employees, the National Union of Public and General Employees and the Public Service Alliance of Canada", ta' Jannar 2010,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-EPSU "CETA and TTIP – Potential impacts on health and social services", ta' Thomas Fritz, ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Imħallfin (EAJ) dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar Sistema ġdida ta' Qorti tal-Investiment, ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' pożizzjoni tal-Alleanza Ewropea għas-Saħħa Pubblika (EPHA), "How CETA could Undermine Public Health", ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni imressqa mill-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada fuq naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-proċedura ta' ratifika fil-Parlament għandha tkun sospiża sakemm jiġu ċċarati kwistjonijiet ġuridiċi importanti dwar il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) u l-kapitolu tiegħu dwar l-investiment;

B.  billi jidher li l-konklużjoni tas-CETA hija inkompatibbli mal-għanijiet tal-UE f'termini ta' ħarsien ambjentali, applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni, koeżjoni soċjali, xogħol deċenti, difiża tal-libertajiet ċivili b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, aċċess għas-servizzi tas-saħħa, għall-politiki kulturali u għad-diversità kulturali, sigurtà tal-ikel, it-trattament xieraq tal-annimali, u s-salvagwardja tal-agrikoltura tal-familja u tal-agrikoltura fuq skala żgħira;

C.  billi għad hemm inċertezza dwar il-kompatibilità tas-CETA mat-Trattati Ewropej;

D.  billi l-istandards fil-qasam tal-prodotti agrikoli jvarjaw ħafna bejn l-UE u l-Kanada, u tnaqqis tal-istandards imur kontra l-acquis tal-UE;

E.  billi t-titfija tal-piżijiet regolatorji għandha dejjem titqies bir-reqqa mal-interessi tad-dritt tal-konsumaturi għall-informazzjoni dwar il-prodotti li jixtru u mad-dritt taċ-ċittadini għal soċjetà legalment sigura;

F.  billi kemm l-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipulaw li "d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin";

G.  billi n-nuqqas ta' aċċess sħiħ għal dokumenti essenzjali tan-negozjati għad-deputati f'livelli differenti ta' governanza fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, kif ukoll għas-soċjetà ċivili, l-istampa, għar-riċerkaturi u għaċ-ċittadini wasslet għal nuqqasijiet f'termini ta' parteċipazzjoni demokratika;

H.  billi 87 % tal-SMEs fl-UE jagħmlu affidament fuq it-talba nazzjonali u mhumiex involuti direttament fil-kummerċ u s-swieq internazzjonali; billi għall-SMEs tal-UE iż-żieda fl-iżvilupp tas-suq komuni lokali, reġjonali u Ewropew tibqa' prijoritarja fuq l-aċċess għas-swieq Kanadiżi;

I.  billi l-ġenerazzjoni tal-benesseri mis-CETA ġej l-iktar bħala riżultat ta' devjazzjoni tal-kummerċ aktar milli minn żieda fil-kummerċ;

J.  billi s-CETA ma jinkludix kapitolu dwar l-SME;

K.  billi kooperazzjoni regolatorja istituzzjonalizzata kif proposta attwalment mill-Kummissjoni tippreġudika l-prerogattivi leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-parlamenti nazzjonali, u għalhekk ikollha effett ta' ffriżar fuq l-applikazzjoni tal-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE;

L.  billi huwa diffiċli li jiġi vvalutat l-impatt reali tas-CETA kemm fuq l-ekonomija tal-UE kif ukoll fuq dik tal-Kanada meta l-istudji jagħtu riżultati kontradittorji; billi s-CETA mhuwiex se jsolvi l-problemi ekonomiċi strutturali li ilhom jeżistu jew l-kawżi sottostanti tagħhom fl-UE;

1.  Jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tas-CETA;

2.  Jinnota li s-CETA se jolqot b'mod negattiv l-aċċess għall-mediċini, speċjalment għall-Kanadiżi, li diġà qegħdin jiffaċċjaw it-tieni l-ogħla prezzjijiet għall-mediċini fid-dinja;

3.  Jitlob li n-National Health Service (NHS - Servizz tas-Saħħa Nazzjonali) tar-Renju Unit jiġi kompletament eskluż minn kull dispożizzjoni tas-CETA;

4.  Jinnota li s-CETA jista' jdgħajjef l-istandards ta' kwalità u ta' affordabilità tas-Servizzi ta' Interess Ġenerali (SGEI);

5.  Jirrifjuta kwalunkwe ftuħ ieħor għal servizzi edukattivi b'taħlita ta' finanzjament, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni preskolastika u tal-edukazzjoni għolja; jirrifjuta għalhekk, listi negattivi fil-liberalizzazzjoni tas-servizzi li jippermettu l-inklużjoni fis-CETA ta' klawżoli ta' aġġustament u klawżoli ta' sospensjoni;

6.  Iqis li s-CETA qed iddgħajjef il-ħarsien tad-data personali taċ-ċittadini tal-UE permezz ta' impenji konklużivi rigward il-fluss ta' data transkonfinali;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli jkollu l-għan li jilħaq ir-ratifikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ u effettivi tat-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-kontenuti tagħhom, l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO kif ukoll il-ftehimiet ambjentali internazzjonali ewlenin; iqis li d-dispożizzjonijiet iridu jkunu mmirati biex itejbu ulterjorment il-livelli ta' protezzjoni tal-istandards fil-qasam tax-xogħol u f'dak ambjentali;

8.  Ifakkar li l-istandards tax-xogħol u ambjentali mhumiex limitati għall-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, iżda huma inklużi wkoll f'oqsma oħra tal-ftehim;

9.  Jitlob li jkun hemm proċess ta' monitoraġġ effikaċi, bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ix-xogħol tas-CETA;

10.  Jindika kompetizzjoni msaħħa dwar l-investiment bejn il-banek ibbażati fl-UE u fil-Kanada, u ma' fornituri ta' servizzi finanzjarji oħrajn jagħmel is-sistemi ta' finanzjament, kemm fil-Kanada kif ukoll fl-UE, aktar interkonnessi u vulnerabbli għal xokkijiet u kontaġju estern;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tifatħ in-negozjati fi ħdan is-CETA, bil-ħolqien ta' kapitolu speċifiku dwar l-SMEs, li jkun msejjes fuq impenn konġunt miż-żewġ partijiet fin-negozjati, dan bil-għan li jinħolqu opportunitajiet ġodda fil-Kanada għall-SMEs Ewropej, filwaqt li jittieħed kont li anqas minn 1 % tal-SMEs Ewropej jesportaw lejn il-Kanada;

12.  Ifakkar li matul il-konsultazzjoni pubblika dwar is-sistemi għall-protezzjoni tal-investiment, 97 % ta' dawk li wieġbu taw tweġibiet negattivi, ċifra li tikkonferma wieħed mill-problemi ewlenin fil-proċess ta' aġġudikazzjoni li tagħti kont biss lill-investitur pretendent u lill-gvern nazzjonali tal-pajjiż intimat; jirrifjuta l-inklużjoni tas-Sistema ta' Qorti tal-Investiment, li tippermetti pretensjonijiet biss minn investituri barranin, biex b'hekk tingħata prijorità lid-ditti internazzjonali privati fuq l-interess pubbliku nazzjonali; jiddispjaċih għall-fatt li l-interessi kummerċjali tal-kumpaniji multinazzjonali bl-appoġġ ta' sistema ta' arbitraġġ se jipprevalu, filwaqt li l-aspett uman u d-drittijiet tal-pazjenti jiġu traskurati;

13.  Itenni li l-Kanada u l-UE għandhom rimedji ġudizzjarji li jiffunzjonaw bis-sħiħ u aċċessibbli, li jagħmlu kwalunkwe forma ta' arbitraġġ superfluwa u dubjużi ferm;

14.  Jinnota li l-arbitraturi se jitħallsu fuq bażi ta' kull siegħa, u dan joħloq inċentiv biex jitwal iż-żmien ta' litigazzjoni, u dan bi spiża sinifikanti għall-kontribwenti;

15.  Jirrikonoxxi, barra minn hekk, li 80 % tal-kumpaniji Amerikani għandhom sehem sinifikanti f'kumpanija Kanadiża u jinnota li dan il-ftehim se jagħtihom l-opportunità li jiftħu kawżi kontra l-gvernijiet tal-Istati Membri a skapitu tal-kontribwenti;

16.  Jiddispjaċih għall-użu tat-terminu ferm vag "trattament ġust u ekwu" fis-CETA minħabba bosta każijiet ta' arbitraġġ dwar l-investiment rigward din il-kwistjoni;

17.  Jirrifjuta t-theddid impost mis-CETA fuq il-miżuri ta' politika pubblika fis-settur tas-saħħa pubblika, u jiċħad id-dritt ta' investituri barranin li jisfidaw tali miżuri skont id-dispożizzjonijiet ta' investiment barrani;

18.  Jinnota li s-CETA tippermetti lill-kumpaniji ta' investiment transnazzjonali li jtellgħu lill-Istati Membri l-Qorti minħabba liġijiet li jistgħu jgħaddu u li jolqtu l-profitti tal-investituri, inkluż dawk li tfasslu biex jipproteġu s-saħħa pubblika, l-ambjent u d-drittijiet tal-ħaddiema; jinnota, barra minn hekk, li Esperti Indipendenti tan-NU ddikjara li s-CETA mhijiex kompatibbli mal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u ddikjara li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jiġu ratifikati biss wara li jkunu twettqy evalwazzjonijiet tal-impatt dwar id-drittijiet tal-bniedem, is-saħħa u l-ambjent, u li dan ma seħħx fir-rigward tas-CETA;

19.  Jinnota li s-Sistema ta' Qorti tal-Investiment tippermetti "treaty shopping" (għażla opportunistika tat-trattati), li tħalli lill-investituri d-dritt li jagħżlu skont dak li jaqbel lilhom, liema ftehim jixtiequ jelenkaw f'talba ta' soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati (ISDS);

20.  Jinnota l-fatt li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qatt ma ntalbet tagħti opinjoni ġuridika dwar jekk il-validità tas-Sistema ta' Qorti tal-Investiment taħt il-forma ta' tribunal multilaterali tal-investiment tikkonformax mat-trattati tal-UE;

21.  Ifakkar li d-dritt ta' regolamentazzjoni taż-żewġ partijiet qed ikun soġġett għad-dispożizzjonijiet tas-CETA, biex b'hekk jitnaqqas l-ispazju regolatorju għall-awtoritajiet nazzjonali;

22.  Jitlob garanziji li s-CETA tkun tinkludi kapitolu ambizzjuż, ibbilanċjat u modern dwar id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, inkluż ir-rikonoxximent, il-protezzjoni msaħħa u l-modifikazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, mingħajr ma xxekkel il-bżonn tal-UE li tirriforma is-sistema tad-drittijiet tal-awtur tagħha;

23.  Itenni li permezz tal-liberalizzazzjoni tas-swieq agrikulturali, is-CETA qed tipperikola l-istandards tas-sigurtà tal-ikel; jiddeplora, għaldaqstant, li s-CETA hi nieqsa minn lingwaġġ speċifiku dwar il-"benesseri tal-annimali";

24.  Jistieden lill-Kummissjoni:

●  timpenja ruħu bil-qawwa għaż-żamma stretta ta' standards attwali u futuri dwar is-sigurtà tal-ikel u dwar is-saħħa tal-bnedmin u tal-pjanti, il-ħarsien tal-uċuħ tar-raba' u tal-ambjent, u l-ħarsien tal-konsumatur kif definit skont il-leġiżlazzjoni tal-UE;

●  tiżgura li l-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni attwali tas-CETA dwar ir-reviżjoni u l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-OĠM ma jdgħajjifx l-istandards attwali tal-UE;

●  tiżgura li l-valuri fundamentali tal-UE, bħall-prinċipju ta' prekawzjoni u l-biedja sostenibbli, ma jiddgħajfux fil-futur, kif ukoll li ċ-ċittadini jkollhom il-libertà li jiġu informati dwar dak li qed jixtru fis-swieq tal-UE, permezz ta' regoli adegwati tal-UE dwar it-traċċabilità u t-tikkettar;

●  tiggarantixxi r-rispett għal u tinsisti dwar l-inklużjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur Ewropew, il-benesseri tal-annimali u dwar standards ta' ħarsien ambjentali u standards soċjali minimi dwar prodotti agrikulturali importati fl-UE;

25.  Jirrifjuta l-fatt li l-operaturi tal-ilma pubbliċi ma kienux esklużi b;mod ċar mid-dispożizzjonijiet tas-CETA, u b'hekk inħolqot sitwazzjoni fejn il-politiki governattivi f'dan il-qasam għall-protezzjoni tal-aċċess għal ilma nadif u tajjeb għax-xorb, jistgħu jiffaċċjaw talba skont il-kapitolu dwar l-investiment taħt it-titolu "ostakoli għall-kummerċ", li joħloq preċedent validu għall-politiki kollha fis-settur pubbliku;

26.  Jinnota barra minn hekk, li s-CETA ma jipprovdix definizzjoni ċara u dettaljata ta' servizzi pubbliċi;

27.  Jinnota li l-partijiet għas-CETA ħarġu 38 dikjarazzjoni, stqarrija u dokumenti oħrajn simili, għal raġunijiet ta' ċarezza u ta' interpretazzjoni; jinnota barra minn hekk, li l-maġġoranza ta' dawn l-istqarrijiet huma ta' natura unilaterali, li jfisser li għandhom valur ġuridiku baxx ħafna u ma jistgħux jitqiesu bħala vinkolanti f'termini ta' interpretazzjoni tat-test;

28.  Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tiffoka fuq ftehimiet u trattatu li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u dwar l-iżvilupp sostenibbli, aktar milli dwar il-politika kummerċjali attwali, li hi ta' benefiċċju biss għall-korporazzjonijiet transnazzjonali;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-objettivi ta' żvilupp ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ta' effiċjenzja fl-użu tal-enerġija fil-kuntest taż-żieda fis-sigurtà enerġetika; jenfasizza li l-kapitlu kkonċernat jrid jintegra garanziji ċari li l-istandards ambjentali u l-għanijiet ta' azzjoni dwar il-klima tal-UE ma jiddgħajfux u li l-UE żżomm il-libertà li taġixxi b'mod indipendenti fit-twaqqif ta' standards u ta' għanijiet futuri;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tinkludi klawsola ta' salvagwardja bilaterali biex tipprovdi setturi intensivi fl-użu ta’ enerġija u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju fl-UE, inkluża l-industrija tas-sustanzi kimiċi, tal-materja prima u tal-azzar, b’miżuri xierqa li jżommu r-rati tariffarji doganali attwali matul perjodu ta' tranżizzjoni xieraq stabbilit wara d-dħul fis-seħħ tas-CETA bi klawsola mandatorja ta' reviżjoni;

31.  Jinnota li s-CETA tħeġġeġ lill-industrija finanzjarja tieħu riskji akbar - b'parteċipazzjoni f'investiment spekulattiv - bħala kwistjoni ta' sovravivenza f'suq internazzjonali kompetittiv;

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kanada.

(1)

ĠU C 468, 15.12.2016, p. 2.

(2)

ĠU C 380E , 11.12.2012, p. 20.

Avviż legali - Politika tal-privatezza