Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0146/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0146/2017

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-konklużjoni tas-CETA UE-Kanada

    8.2.2017 - (2017/2525(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
    skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Manfred Weber, Artis Pabriks, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Christofer Fjellner, Danuta Maria Hübner, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Fernando Ruas, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jarosław Wałęsa, Hermann Winkler f'isem il-Grupp PPE
    David Campbell Bannerman, Emma McClarkin, Sander Loones, Jan Zahradil, Joachim Starbatty, Anna Elżbieta Fotyga f'isem il-Grupp ECR
    Guy Verhofstadt, Marietje Schaake, Ramon Tremosa i Balcells, Hannu Takkula, Dita Charanzová, Frédérique Ries, Johannes Cornelis van Baalen, Sylvie Goulard, Morten Løkkegaard, Alexander Graf Lambsdorff, Fredrick Federley, Nils Torvalds, Angelika Mlinar, Hilde Vautmans, Gesine Meissner, Cecilia Wikström, Sophia in ‘t Veld, Petras Auštrevičius, Jozo Radoš f'isem il-Grupp ALDE


    Proċedura : 2017/2525(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B8-0146/2017
    Testi mressqa :
    B8-0146/2017
    Testi adottati :

    B8-0146/2017

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjoni tas-CETA UE-Kanada

    (2017/2525(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    –  wara li kkunsidra d-direttivi ta' negozjati tal-24 ta' April 2009 maħruġa mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2010 dwar il-modifika tad-direttivi ta' negozjati u l-modifika sussegwenti mill-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2011,

    –  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-relazzjonijiet UE-Kanada[1],

    –  wara li kkunsidra l-opinjoni ġuridika 259/16 mis-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2016 dwar il-kompatibilità mat-Trattati tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim fil-ftehimiet kummerċjali nnegozjati mill-Unjoni Ewropea, b'referenza b'mod partikolari għas-CETA,

    –  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tas-CETA bħala ftehim ''imħallat'',

    –  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni proviżorja tas-CETA,

    –  wara li kkunsidra l-Istrument Interpretattiv Konġunt UE-Kanada dwar is-CETA, approvat mill-Kunsill fil-mument tal-iffirmar fit-28 ta' Ottubru 2016, li jipprovdi interpretazzjoni vinkolanti tas-CETA skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati,

    –  wara li kkunsidra it-38 Stqarrija u Dikjarazzjoni li ddaħħlu fil-minuti tal-Kunsill fl-okkażjoni tal-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tas-CETA,

    –  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.  billi ftehimiet kummerċjali tajbin, li jiddefinixxu regoli ċari għall-flussi tal-kummerċ u tal-investiment, għandhom isawru l-istandards globali sabiex joffru benefiċċji liċ-ċittadini permezz tal-impjiegi u t-tkabbir għall-ekonomija tagħna, u jgħinu biex isostnu futur prosperu;

    B.  billi fi żmien meta l-ftehimiet kummerċjali multilaterali huma diffiċli li jintlaħqu, il-ftehimiet bilaterali għandhom rwol importanti fil-ġenerazzjoni ta' tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi;

    C.  billi l-UE trid taħdem ma' pajjiżi tal-istess fehma biex issaħħaħ is-sistema globali bbażata fuq ir-regoli, b'mod speċjali peress li s-sistema multilaterali hija dejjem aktar taħt pressjoni;

    D.  billi l-Kanada u l-UE huma sħab u alleati kruċjali, għandhom valuri komuni, u jemmnu t-tnejn li huma f'soċjetajiet miftuħa, demokratiċi u liberali u fl-importanza ta' kummerċ ibbażat fuq ir-regoli, u jaqblu li jintensifikaw il-kooperazzjoni multilaterali u bilaterali tagħhom fil-politika barranija;

    E.  billi s-CETA huwa l-aktar ftehim kummerċjali modern, progressiv u estensiv li l-UE nnegozjat sa issa;

    F.  billi l-prijoritajiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 huma riflessi fl-eżitu tan-negozjati;

    G.  billi n-negozjati tas-CETA bdew fl-2009 fuq il-bażi ta' mandat unanimu mill-Istati Membri kollha;

    H.  billi s-CETA jippermetti aċċess għal swieq ġodda, għażliet usa' tal-konsumatur u opportunitajiet ta' investiment, filwaqt li fl-istess ħin jissalvagwardja standards għoljin kemm fil-Kanada u kemm fl-UE, jimminimizza l-ostakoli mhux meħtieġa għall-kummerċ u jiżgura d-dritt għar-regolamentazzjoni biex jintlaħqu objettivi leġittimi tal-politika pubblika;

    I.  billi, fost affarijiet oħra, is-CETA jelimina t-tariffi, jagħti lill-kumpaniji Ewropej aċċess għas-suq tal-akkwist pubbliku Kanadiż, jipproteġi 145 Indikazzjoni Ġeografika Ewropea u jtejjeb it-trasparenza fi proċeduri amministrattivi u doganali;

    J.  billi s-CETA jista' jiżviluppa ulterjorment l-istandards internazzjonali tax-xogħol u tal-ambjent, b'mod partikolari billi jistabbilixxi regoli dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tal-klima;

    K.  billi, wara t-tħassib li tqajjem mis-soċjetà ċivili u l-Parlament Ewropew dwar soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati (ISDS), il-Partijiet qablu li dan jitneħħa mit-test u minfloku jitpoġġa mudell ġdid għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment – is-Sistema ta' Qorti tal-Investiment (ICS);

    L.  billi n-negozjati tas-CETA kkontribwew b'mod sinifikanti lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini tar-Rumanija u l-Bulgarija;

    M.  billi n-negozjati tas-CETA wrew li proċess aktar inklużiv jista' jagħti riżultati aħjar, u b'hekk iwassal għal konklużjonijiet importanti dwar il-ħtieġa għal trasparenza akbar fin-negozjati kummerċjali b'mod ġenerali;

    1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv mal-Kanada bħala l-aktar ftehim kummerċjali modern, estensiv u ambizzjuż li l-UE qatt innegozjat sa issa, li għandu l-potenzjal joħloq benefiċċji sinifikanti għaċ-ċittadini u l-kumpaniji, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

    2.  Jitlob proċess ta' ratifika malajr min-naħa tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini Ewropej u Kanadiżi jesperjenzaw il-benefiċċji tas-CETA mill-iktar fis possibbli;

    3.  Jisħaq fuq il-fatt li dan il-ftehim huwa opportunità biex jiġu stabbiliti r-regoli u l-istandards għall-kummerċ globali flimkien mal-aqwa sieħeb tagħna, filwaqt li jiġi żgurat li l-istandards soċjali, tax-xogħol u ambjentali ma jiġux ipperikolati meta jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għat-tkabbir u l-impjiegi;

    4.  Jemmen li s-CETA jibgħat sinjal importanti lil partijiet kummerċjali oħra dwar kif l-UE tixtieq tistabbilixxi regoli u standards globali u li l-UE tibqa' impenjata għal swieq miftuħa u kummerċ ibbażat fuq ir-regoli, speċjalment fi żmien ta' inċertezza fil-qasam tal-politika kummerċjali;

    5.  Jisħaq li, bħal fil-każ tas-CETA, il-ftehimiet kummerċjali futuri kollha jenħtieġ li jinkludu miżuri adegwati għal prodotti sensittivi, inklużi prodotti agrikoli, kif ukoll klawżoli ta' salvagwardja li għandhom jiġu applikati f'każ ta' tfixkil fis-suq;

    6.  Ifakkar li s-CETA ma jitlobx li l-gvernijiet jipprivatizzaw kwalunkwe servizz pubbliku, u lanqas ma jipprevjeni li servizzi li qabel kienu ġew privatizzati jerġgħu lura għal sjieda jew amministrazzjoni pubblika jew għal kwalunkwe forma oħra ta' kontroll;

    7.  Jilqa' l-mudell il-ġdid tal-Kummissjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment, l-ICS, li jirrappreżenta bidla fundamentali meta mqabbel mal-ISDS billi jiżgura l-istabbiliment ta' tribunal permanenti b'imħallfin pubbliċi allokati b'mod każwali għal kull każ, tribunal tal-appell permanenti, regoli stretti dwar il-kunflitt ta' interess, kodiċi ta' kondotta infurzabbli mill-President tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u dispożizzjonijiet tat-trasparenza msaħħa sabiex it-tilwim ma jibqax jiġi solvut ''bil-magħluq'';

    8.  Jilqa' l-fatt li mistoqsijiet dwar is-CETA twieġbu permezz ta' sensibilizzazzjoni, involviment u kjarifiki oħra dwar il-kontenut tal-Ftehim, bħalma huma l-Istrument Interpretattiv Konġunt, min-naħa tal-UE u l-Kanada;

    9.  Jenfasizza l-importanza tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fis-CETA, u l-impenji rilevanti meħuda mill-Partijiet fl-istrument interpretattiv konġunt biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet tiegħu;

    10.  Jitlob l-involviment sħiħ tal-Parlament fl-implimentazzjoni tal-Ftehim u jistieden lill-Kummissjoni taġġorna regolarment lill-Parlament dwar l-applikazzjoni proviżorja tiegħu;

    11.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid it-trasparenza tan-negozjati kummerċjali attwali u futuri biex tinteraġixxi maċ-ċittadini u l-partijiet interessati;

    12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u lill-parlament tal-Kanada.